It-Tnejn, 1 ta’ Ġunju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Wisq drabi lil Ġesù għidnielu, ‘Warrab min-nofs,’ f’xi okkażjoni li tmurilna ħażin għax ma nkunux għarafnieh fil-falliment. Imma għall-bniedem, ir-rebħa tal-imħabba t’Alla turi ruħha proprju fil-‘falliment’ tas-Salib ta’ Ibnu. Dan hu dak li tirrakkuntalna l-parabbola li nsibu fil-Vanġelu tal-lum, li dwarha l-Papa Franġisku għamel riflessjoni waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Ġebla mwarrba li ssir il-ġebla tax-xewka. Forka skandaluża li tidher li hi t-tmiem ta’ storja mimlija tama, imma li, minflok, hija l-bidu tal-istorja tas-salvazzjoni tad-dinja. Alla jibni fuq id-dgħufija, imma jekk ma naqrawx il-paġni tal-istorja ta’ mħabba bejn Alla u l-poplu tiegħu, osserva Franġisku, dawn il-paġni jidhru storja ta’ fallimenti bħalma turina l-parabbola tal-bdiewa li jtina l-Vanġelu tal-ġurnata, li fih donnu jidher il-falliment tal-ħolma ta’ Alla.
Hemm sid li jibni għalqa tad-dwieli sabiħa u hemm ħaddiema li joqtlu lil kull min jibagħtilhom is-sid. Imma hu proprju minn dawk l-imwiet li kollox jieħu l-ħajja.
Il-profeti, il-mibgħuta ta’ Alla li tkellmu mal-poplu, qal il-Papa, li ma semgħuhomx, li skartawhom, huma l-glorja tiegħU. L-Iben, l-aħħar wieħed li wasal għandhom. li safa skartat, iġġudikat, baqa’ mhux mismugħ u qatluh, sar il-ġebla tax-xewka.
Din l-istorja li tibda b’ħolma ta’ mħabba, imma li donnha tidher tintemm fi storja ta’ fallimenti, tintemm bl-imħabba kbira ta’ Alla, li minn dak li hu skartat, joħroġ is-salvazzjoni: minn Ibnu skartat, isalva lilna lkoll.
Hu hawnhekk li l-istorja tal-falliment tinqaleb ta’ taħt fuq, afferma l-Papa Franġisku. Ġesù dan ifakkru lill-kapijiet tal-poplu billi jikkwota l-Iskrittura: ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka. Dan għamlu l-Mulej u hu tal-għaġeb f’għajnejna.’
Hu tant sabiħ meta fil-Bibbja naqraw l-ilmenti ta’ Alla, tal-Missier li jibki meta l-poplu ma jafx jobdi lil Alla għax irid isir alla hu stess.
It-triq tas-salvazzjoni tagħna hi triq mimlija fallimenti. Anke l-aħħar wieħed, dak tas-Salib, huwa skandlu. Imma hu proprju dan li jirbaħ l-imħabba. U dik l-istorja li tibda b’ħolma ta’ mħabba u tkompli bi storja ta’ fallimenti, tintemm bir-rebħa tal-imħabba: is-Salib ta’ Ġesù.
Ma rridux ninsew li din it-triq hija triq diffiċli, bħalma hi diffiċli tagħna! Jekk kull wieħed u waħda minna nagħmlu eżami tal-kuxjenza, naraw kemm-il darba keċċejna lill-profeti, kemm-il darba għidt lil Ġesù: ‘Itlaq’, kemm-il darba ridt insalva lili nnifsi, kemm-il darba ħsibt li l-ġust huwa jien.
Għalhekk, qatt m’għandna ninsew, temm Franġisku, li fil-mewt tal-Iben fuq is-Salib, tidher fil-milja tagħha l-imħabba t’Alla għall-poplu tiegħu.
Tajjeb li dan jibqa’ dejjem f’moħħna, tibqa’ f’moħħna din l-istorja ta’ mħabba li tidher falluta imma li fl-aħħar toħroġ rebbieħa. Storja li tfakkarna fl-istorja ta’ ħajjitna, f’dik iż-żerriegħa ta’ mħabba li Alla żera’ fina biex biha nagħmlu dak li għamel Ġesù f’isimna: umilja ruħu!.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija