Il-partit ta’ Nikodemu

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Qiegħdin fis-sħana taħraq t’Awwissu. Xemx taqli l-ġrieden! Xemx li ma tissaportihiex! Veru? Ma nafx għaliex imma ġie f’moħħi karattru li donnu aktar postu li jissemma fir-Randan, jiġifieri għall-ħabta ta’ Marzu-April milli f’Awwissu. Madankollu hu ġie f’moħħi! Forsi minħabba l-isem partikulari tiegħu. Forsi l-għaliex hemm bżonn li jissemma’. Min jaf? Dawn huwa l-karattru ta’ Nikodemu.

X’isem stramb kellu hux? Imma ismu jgħid ħafna! Għaliex, fil-vanġelu skont San Ġwann, jgħallimna tagħlima mill-kbar nett. Ismu ġej minn żewġ kelmiet Griegi. L-ewwel waħda hija nike (νικη) li tfisser rebħa. Filwaqt li t-tieni kelma hija demos (δημος), li tfisser “in-nies”. Mela, l-isem kollu ta’ Nikodemu jfisser “ir-rebħa tal-poplu”. Fil-vanġelu skont San Ġwann Nikodemu jissemma ma’ Ġużeppi minn Arimatija. It-tnejn li huma nsibuhom preżenti fid-difna ta’ Ġesù. Mela San Ġwann jorbothom mal-ġisem bla ħajja ta’ Ġesù, is-Salvatur.

Fil-fatt, San Ġwann, jgħarrafna sewwa b’dan id-dettall meta jagħtina din id-deskrizzjoni interessanti ħafna. “Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra”  (Ġw 19 :38-39).

Nikodemu, “wieħed mill-kbarat tal-Lhud” (Ġw 3:1), kien “ġie għand Ġesù billejl” (Ġw 3:2). Illejl! Li f’San Ġwann ifakkar il-qawwa tad-dlamijiet. Meta Ġuda l-Iskarjota joħroġ mid-dawl qawwi taċ-ċenaklu malajr sab ruħu fid-dlam. “Dak [Ġuda], wara li ħa l-biċċa ħobż, minnufih ħareġ ‘il barra. Kien billejl” (Ġw 13 :30). Mela Ġuda mill-ħajja waqa’ fil-mewt. Mill-imħabba tefa lilu nnifsu fil-ġudizzju. Anki Nikodemu, bħal Ġuda, kien għadu fid-dlam. Jiġifieri d-dlam tan-nuqqas ta’ għarfien ta’ min hu Ġesù.

Nikodemu jiġi għand Ġesù billejl. U dan jagħmlu l-għaliex ma xtaqx li sħabu, l-imlaħħqin l-oħra, isiru jafu fuq din il-laqgħa li kellu ma’ Ġesù. Għalkemm jidher li kien qed jemmen f’Ġesù Nikodemu ma xtaqx li xi ħadd jassoċċjaħ u jorbtu mal-persuna ta’ Ġesù. Pjuttost huwa ried li jibqa’ dixxiplu bil-moħbi ta’ Ġesù. Dak li kien jonqsu Nikodemu kienet laqgħa ma’ Kristu Rxoxt. Kristu ħaj. Laqgħa li qatt ma naqraw dwarha fl-evanġelu.

Nikodemu jsejjaħ lil Ġesù bħala “Rabbi” (Ġw 3:2), jiġifieri terminu ta’ rispett. U rispett kemm tridu. Imma żgur li mhux ta’ fidi. Mela ta’ lejaltà. Id-djalogu bejn Ġesù u Nikodemu jispiċċa f’monologu. Jiġifieri Ġesù jispiċċa jitħaddet waħdu. Dan l-għaliex Nikodemu jgħib ħelu ħelu mix-xena mingħajr ma kien kapaċi lanqas ikompli l-konverżazzjoni tiegħu ma’ Ġesù. Tant hu hekk li xi studjużi ta’ dan il-vanġelu seħħilhom saħansitra jgħoddu l-kliem li Nikodemu jgħid lil Ġesù f’dan ir-rakkont. Fi Ġwanni 3:2, Nikodemu jgħid 24 kelma. Fil-vers 4 tal-istess kapitlu l-kliem ta’ Nikodemu jonqsu għal 18. Filwaqt li l-aħħar kontribut ta’ Nikodemu, fil-vers 9, iseħħlu jtenni biss 9 kelmiet. U Ġesù jispiċċa jitkellem waħdu!

It-tagħlima li toħroġ mill-persuna ta’ Nikodemu hija li ma nistax nogħġob lil Alla u lix-xitan. Lil Ġesù u lin-nies. Jew inkun fil-verità. Inkella ngħix gidba. U din tgħodd għall-kbarat u għaċ-ċkejknin. In-nuqqas ta’ sinċerità ma jagħtinix saħħa li niddiskuti biex insib il-verità. Għaliex, jekk f’moħħi waħħaltha li f’ħajti ma nieħu l-ebda pożizzjoni, m’għandi l-ebda prinċipju. Inkun qisni dik id-dgħajsa bla tmun li dejjem iddur fuqha innifisha. U fejn, għidli, se tispiċċa din id-dgħajsa jekk mhux imkaħħla ma’ xi skoll?

Hemm ħwejjeġ li kompromess fihom m’hemmx. Jew vi! Inkella va! Jekk nagħżel li naħsel idi bħal Pilatu, għax nibża’, l-għaliex l-oħrajn se jikkritikawni, allura nispiċċa nkun mejjet ħaj. Eżatt bħal Nikodemu!

U le sieħbi! Kun ta’ prinċipju! Kun ta’ sinsla. Kun ħaj! Tisseħibx mal-partit ta’ Nikodemu!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading