Il-Familja – Talb


27. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 26 t’Awwissu 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Wara li rriflettejna fuq kif il-familja tgħix iż-żminijiet ta’ festa u tax-xogħol, ejjew issa nħarsu lejn il-ħin tat-talb. L-iktar li jilmentaw l-Insara hu propju dwar il-ħin: “Messni nitlob aktar…; nixtieq, imma spiss ma nsibx ħin”. Din ħaġa li nisimgħuha l-ħin kollu. Id-dispjaċir hu sinċier, m’hemmx dubju, għax il-qalb tal-bniedem dejjem tfittex it-talb, anki mingħajr ma taf; u jekk ma ssibux, ma ssibx mistrieħ. Imma biex dawn jiltaqgħu, jeħtieġ inrawmu f’qalbna mħabba “tkebbes” għal Alla, imħabba affettiva.

Nistgħu nagħmlu mistoqsija sempliċi lilna nfusna. Sew li nemmnu f’Alla b’qalbna kollha, sew nittamaw li hu jgħinna fid-diffikultajiet, sew inħossuna fid-dmir li rroddulu ħajr. Kollu sew dan. Imma lil Alla nħobbuh xi ftit ukoll? Il-ħsieb ta’ Alla jqanqalna, jgħaġġibna, irattbilna qalbna?

Naħsbu ftit x’jgħid il-kmandament il-kbir, li fuqu jistrieħu l-oħrajn kollha: “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha” (Dewt 6:5; ara Mt 22:37). Il-formla tinqeda bil-lingwaġġ intens ta’ l-imħabba, u tapplikah għal Alla. Araw, mela, kif l-ispirtu tat-talb jgħammar qabel xejn hawnhekk. U jekk jgħammar hawn, jgħammar il-ħin kollu u qatt ma joħroġ minn hawn. Jirnexxielna naħsbu f’Alla bħala dik it-tmellisa li żżommna ħajjin, li qabilha ma hemm xejn? Żegħila li minnha xejn, lanqas il-mewt, ma jista’ qatt jifridna? Jew naħsbu fih biss bħala l-Essri l-kbir, Dak li jista’ kollox u ħalaq kull ħaġa, l-Imħallef li jikkontrolla kull għemil? Kollu minnu dan, naturalment. Imma huwa biss meta Alla jsir l-imħabba ta’ l-imħabbiet kollha tagħna, li t-tifsira ta’ dawn il-kelmiet issir sħiħa. Hemm inħossuna ferħanin, u anki xi ftit imħawdin, għax Hu jaħseb fina u fuq kollox iħobbna! M’hix ħaġa impressjonanti din? M’hux impressjonanti li Alla jżiegħel bina bi mħabba ta’ missier? Hi ħaġa wisq sabiħa! Seta’ sempliċement jgħarrafna min hu bħala l-Ogħla Essri, jagħtina l-kmandamenti tiegħu u joqgħod jistenna r-riżultati. Imma Alla għamel u jibqa’ għal dejjem jagħmel wisq iktar minn hekk. Jimxi magħna tul it-triq tal-ħajja, jipproteġina, iħobbna.

Jekk imħabbitna għal Alla ma tqabbadx in-nar, l-ispirtu tat-talb ma jkebbisx il-ħin. Nistgħu anki nimmultiplikaw il-paroli, “kif jagħmlu l-pagani”, jgħid Ġesù; jew anki niddandnu bir-riti tagħna, “kif jagħmlu l-Fariżej” (ara Mt 6:5,7). Qalb fejn tgħammar l-imħabba għal Alla jirnexxielha tibdel f’talba mqar ħsieb bla kliem, jew invokazzjoni quddiem xbieha mqaddsa, jew bewsa quddiem knisja. Kemm hi ħaġa sabiħa tara ommijiet jgħallmu lil uliedhom jixħtu bewsa lil Ġesù jew lill-Madonna! Kemm ħlewwa hemm f’dan! F’dak il-ħin il-qalb tat-tfal tinbidel fi mkien ta’ talb. U dan hu don ta’ l-Ispirtu s-Santu. Ma ninsew qatt nitolbu dan id-don għal kull wieħed u waħda minna! Għax l-Ispirtu ta’ Alla għandu l-mod speċjali tiegħu kif jgħajjat fi qlubna “Abbà” – “Missier”, jgħallimna llissnu “Missier” l-istess kif kien ilissinha Ġesù, mod li qatt ma nistgħu naslu għalih waħidna (ara Gal 4:6). Dan id-don ta’ l-Ispirtu fil-familja nitgħallmu nitolbuh u napprezzawh. Jekk titgħallmu malajr daqskemm titgħallem tgħid “papà” u “mamà”, tkun tgħallimtu għal dejjem. Meta jseħħ dan, iż-żmien tal-ħajja kollha tal-familja jiġi mgeżwer fil-ġuf ta’ l-imħabba ta’ Alla, u waħdu jfittex il-ħin għat-talb.

Il-ħin tal-familja, dan nafuh kollha, hu ħin ikkumplikat u mimli, okkupat u ppreokkupat. Dejjem hu ftit, qatt m’hu biżżejjed, hemm wisq xi jsir. Min għandu familja jitgħallem isolvi formula li lanqas l-ikbar matematiċi ma jafu jsolvu: f’erbgħa u għoxrin siegħa jaf kif ideffes id-doppju! Hemm ommijiet u missirijiet li jistgħu jirbħu n-Nobel għal dan. Minn erbgħa u għoxrin siegħa jagħmluhom tmienja u erbgħin: ma nafx kif jagħmlu, imma jaqbdu u jagħmluha! Hemm ħafna xi jsir f’familja!

L-ispirtu tat-talb jagħti lura l-ħin lil Alla, joħroġ mill-ossessjoni ta’ ħajja li dejjem jonqosha l-ħin, u jsib mill-ġdid il-paċi ta’ dak li hu tassew meħtieġ, u jiskopri l-ferħ ta’ doni mhux mistennija. Gwidi tajbin għal dan huma ż-żewġt aħwa Marta u Marija, li dwarhom jitkellem il-Vanġelu li smajna; huma tgħallmu minn għand Alla l-armonija tar-ritmi tal-familja: il-ġmiel tal-festa, is-serenità tax-xogħol, l-ispirtu tat-talb (ara Lq 10:38-42). Iż-żjara ta’ Ġesù, li tant kienu jħobbu, kienet festa għalihom. Darba, imma, Marta tgħallmet li l-ħidma ta’ l-ospitalità, imqar jekk siewja, m’hix kollox, imma li tisma’ lill-Mulej, kif kienet tagħmel Marija, kienet l-aktar ħaġa essenzjali, l-“aħjar sehem” tal-ħin. It-talb inixxi mis-smigħ ta’ Ġesù, mill-qari tal-Vanġelu. Tinsewx taqraw ta’ kuljum silta mill-Vanġelu. It-talb joħroġ mill-familjarità mal-Kelma ta’ Alla. Teżisti din il-kunfidenza fil-familja tagħna? Għandna Vanġelu d-dar? Niftħuh kultant biex naqrawh flimkien? Nimmeditawh aħna u nitolbu r-Rużarju? Il-Vanġelu moqri u mmeditat fil-familja hu bħal ħobż tajjeb li jitma’ l-qalb ta’ kulħadd. U fil-għodu u fil-għaxija, u meta npoġġu madwar il-mejda, nitgħallmu ngħidu talba flimkien, b’ħafna sempliċità: hu Ġesù li jiġi fostna, kif kien iżur il-familja ta’ Marta, Marija u Lazzru. Ħaġa għal qalbi ħafna u li rajt fl-ibliet: hemm tfal li ma tgħallmux iroddu s-salib! Imma int, omm, missier, għallem lil ibnek jitlob, kif jagħmel is-sinjal tas-salib: dan hu xogħol sabiħ ta’ l-ommijiet u tal-missirijiet!

Fit-talb tal-familja, fil-mumenti qawwija tagħha u f’dawk iebsin, ħa nafdaw ruħna wieħed f’idejn l-ieħor, biex kull wieħed u waħda minna fil-familja jħossu mħares mill-imħabba ta’ Alla.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.