Lectio Divina: 5 Ħadd Matul Sena “A”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mt 5, 13-16):  Jekk nagħżlu li nimxu fuq il-beatitudni, se ngħixu ħajja tajba u jkun hemm min jammirana, anki fost dawk li jagħmlu għażliet differenti.  Il-beatitudni mhux qegħdin għal individwu – jien infittex biex nitqaddes waħdi – imma huma proposta għal soċjeta ġdida, soċjeta alternattiva għal dik li kien hemm s’issa.  Biex tibda tifforma ruħha dis-soċjeta, Ġesu jgħabbi din ir-resposabbilita fuq id-dixxipli tiegħu u jgħidilhom:

  1. “Intom il-melħ tal-art.” Id-dixxiplu jrid jinżel minn fuq il-muntanja u jmur jgħix qalb in-nies tad-dinja.  M’għandux jinħeba jew jaħrab min-nies. Jekk il-melħ jibqa’ fil-bott fuq l-ixkaffa ma jservi għal xejn.  In-Nisrani li jara lill-oħrajn ħżiena ikun qed jaqa’ fis-suppervja, għax l-Ispirtu s-Santu qed jaħdem f’dawn ukoll.  Forsi għalissa jidhru ħżiena imma għada ma tafx x’se jagħmlu.  L-Insara ta’ l-ewwel sekli kienu mdawwrin bil-pagani.  Kienu jgħixu ta’ ċittadini tajbin, imma daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dinja oħra, ta’ ordni ġdid.  IL-MELĦ JAGĦTI TOGĦMA LILL-IKEL.  In-Nisrani jrid idewwaq it-togħma tal-Vanġelu lill-oħrajn.  Biex jaċċettaw din it-togħma ma jridux jaraw imġieba jew kliem mhux xieraq fid-dixxiplu ta’ Kristu.  Għax it-togħma tal-Vanġelu biss tagħti sens u ferħ lill-ħajjitna.
  2. IL-MELĦ  JIKKONSERVA  L-IKEL.  Magdala kienet magħrufa għall-użu tal-melħ biex jippriservaw il-ħut u jżommuh frisk.  In-Nisrani, bħall-melħ, irid jagħmel ħiltu biex ħutu  jippriservaw il-valuri; e.g. f’soċjeta fejn in-nies ifittxu l-ewwel il-produzzjoni, l-flus, karriera, pjaċiri, eċċ, in-Nisrani jrid jafferma li dawn għandhom biss valur meta jitqiegħdu għas-servizz  tal-bniedem mhux kontra.  Mhux nerġgħu għal żmien Amos meta bniedem ma kienx jiswa aktar minn par sandli. Jew fi żmien Ġesu meta ma kienx jiswa aktar minn mogħża.  Anki fejn bniedem isir ilsir tas-sess, in-Nisrani jikkonferma l-użu tas-sess skond il-pjan t’Alla.  M’għandux  jinponi fuq l-oħrajn, imma għandu jidher ferħan quddiemhom li qed jgħix skond il-pjan t’Alla f’kollox.    
  3. IL-MELĦ KIEN JINTUŻA WKOLL BIEX JISSIĠILLA KUNTRATTI.  Meta Alla għamel patt mal-poplu Lhudi jew mar-re David, kienu jieklu ħobż bil-melħ biex juru li din l-allejanza m’hi se tinkiser qatt.  Mela n-Nisrani huwa l-melħ li jikkonferma l-allejanza li Kristu għamel mal-bniedem, meta, permezz tal-fidwa, reġa’ ħabbeb lill-bniedem mal-Missier Etern.  In-Nisrani jkun il-melħ meta jagħti xhieda kontinwa ta’ dan.
  4. U meta l-melħ jaqta’?  Il-verb Lhudi “morajna” propjament tfisser jiġġennen. In-Nisrani li jħalli l-melħ jaqta’ qisu jiġġennen, i.e. iħalli l-ispirtu tad-dinja jaħkmu u ma jibqax xhud tal-verita.  Għalhekk ma jagħtux kasu aktar u jintrifes (jiġi kkalpestat) min-nies.  Mod ieħor kif il-melħ jitlef l-imluħa tiegħu hu meta jżidulu ftit zokkor.  Jista’ jiġri li jien ninduna li xi wħud qed isibu l-beatitudni ibsin wisq.  Allura nrattabhom ftit billi nilgħab bid-diskors (e.g. imma, pero’, mhux bil-fors) u nxellifhom ftit biex nagħmilhom aktar popolari u aċċettabbli. Dan żball. Nisrani tajjeb iħalli l-Kelma ta’ Kristu kif tahilna hu. Affari tal-oħrajn, imbagħad, jaċċettawhiex kif inhi jew le.
  5. “Intom id-dawl tad-dinja”. Għal-Lhud, id-dawl joħroġ biss mit-Torah.  Quddiem il-purtiera li tifred is-“Sancta Santorum” (il-qaddis tal-qaddisin) mill-bqija tat-Tempju, wieħed isib il-menorah.  Dan kien ifisser li mill-Kelma t’Alla joħroġ id-dawl.  Issa Ġesu qed jgħid lid-dixxipli (u lilna): “Intom id-dawl tad-dinja.  Intom li ħaddantu u qed tgħixu l-Kelma tiegħi, intom se tkunu d-dawl li juri t-triq għall-oħrajn.  Il-Kelma tiegħi m’hijiex biss kliem miktuba fuq parċmina, imma intom qed tagħmluha Kelma ħajja għax qed tgħixuha.  Id-dawl jurik it-tajjeb u l-ħażin.  Ħadd ma jixtri xi ħaġa fid-dlam għax żgur iqarrqu  bih.  Id-dawl  jurik l-ikel hux tajjeb jew velenuż;  jurik it-triq it-tajba u l-imħarbta – dik li twasslek għat-telfien.  In-Nisrani jkun dawl għall-oħrajn mhux biss billi jħabbar il-Kelma imma ħafna aktar meta jarawh qed jgħixha kif suppost.  Jekk id-dawl jinħeba,  jitlef l-effett tiegħu.  Ma jfissirx li n-Nisrani jrid jagħmel xi show, imma bl-umilta’ kollha jgħix ġurnata b’ġurnata mingħajr daqq ta’ trombi.  Ta’ madwaru se jindunaw bih. E.g. jekk fuq ix-xogħol kulħadd jitkellem favur l-abort u hu ma jlissinx kelma, l-oħrajn jindunaw li bis-silenzju tiegħu qed jurihom li ma jaqbilx. 
  6. Ġesu jkompli: “..l-anqas iqegħduh taħt il-kejl” i.e. “tippreżentax id-dawl tiegħek skond il-kejl tal-bnedmin, skond il-mod kif jiġġudikaw, iqisu, jilwu u jirraġunaw. Tħallatx id-Dawl ma’ dwal oħra ta’ profeti foloz.”
  7. “Ħa jdawwal lil min ikun fid-dar”. Mela n-Nisrani l-ewwel irid jiġi mdawwal sew fid-dar, (il-Knisja domestika u fil-Knisja – parroċċa, għaqdiet) imbagħad joħroġ barra biex idawwal lill-oħrajn.
  8. “Biex jaraw l-għemil tajjeb tagħkom”: propjament  “l-għemil SABIĦ” tagħkom.”  Dan id-dawl jista’ jagħti fastidju lil xi wħud li jaslu biex jippersegwitaw lin-Nisrani.  Imma dawn qatt ma jistgħu jiċħdu li n-Nisrani li qed jgħix f’dan id-dawl għandu ħajja sabiħa.  Għalhekk in-Nisrani m’għandux għalfejn jinponi l-konvinzjoni tiegħu, jgħolli leħnu jew jinkorla mal-oħrajn, imma jħalli d-dawl jiddi waħdu u jillumina lil kull min jolqot.

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/data/cerca/fr fernando armellini     

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading