L-Evanġelju tal-Erbgħa, 27 ta’ Settembru 2017

Print Friendly, PDF & Email
Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Luqa 9, 1-6
Din xi ħaġa ta’ bejniethom it-tlettax; Ġesù u t-tnax. Mhix għal widnejn kulħadd, għax mhux kull widna lesta biex tisma’ dak li ried jgħidilhom għax dak li ried jgħidilhom seta jixxokkja u jaħsad u jqanqal rejazzjoni ta’ nuqqas ta’ twemmin. Ġesù jista’ jidher esaġerat fl-għotja tiegħu. Qawwa u setgħa biex ikeċċu x-xjaten u jfejqu l-mard.

Ix-Xitan huwa l-bastun fir-roti, il-gambetta intenzjonata biex tfixkel u twaqqaf, imqar għal ftit, il-progress li kull bniedem jista’ jkun qed jisforza biex u jirnexxilu jagħmel. Dan hu xogħol ix-Xitan u xogħlu qiegħed f’ismu stess, u xogħlu jagħmlu sew. It-tfixkil isibu kulmin jipprova jeħodha kontra l-kurrent, min jipprova joħroġ mill-folla. Meta bniedem jinġarr mill-kurrent isir parti minnu, meta bniedem iħalli l-folla tfixku jew tillimitah isir parti minnha u għalhekk m’għandux bżonn tfixkil.
Il-mard huwa kundizzjoni li tagħmilna nixxiebħu għax kulħadd, b’xi mod jew ieħor, jgħaddi minnu. Fih innifsu huwa wkoll tfixkil; il-ħajja tieqaf bil-mard, in-normalità u r-rutina jitħarbtu. Il-mard iħarbat il-pjanijiet, ikisser it-tamiet u jxejjen il-ħolm. Il-mard iġibna nirraġunaw differenti u jġibna quddiem ir-rejaltà tad-dgħufija tagħna; iġibna nammettu kemm m’aħna xejn. F’daqqa waħda il-qtiegħ ta’ qalb jidher l-unika tama.
Ġesù jibgħatna, bil-qawwa u s-setgħa li jagħtina Hu, biex ngħinu lill ħaddieħor jgħeleb dan it-tfixkil. Keċċu u feqju. Il-qawwa għandek bżonnha biex tkeċċi b’awtorità. Il-fejqan juri ħniena u solidarjetà.
Biex nagħmlu dan irridu ninħelsu mix-xkiel aħna l-ewwel, aħna u sejrin, minn dak kollu li jfixkel lilna. Kollox ifixkel, il-ħatar u l-inkwiet kif se niddefendu lilna nfusna meta nkunu mhedda; il-ħorġa u l-ħsieb żejjed u kontinwu kif se nimlewha; il-ħobż u l-prejokkupazzjoni għal ħtiġijiet essenzjali (ħobżna ta’ kuljum agħtiehilna Inti llum); il-flus u l-garanzija li nistgħu nixtru kollox u żewġ ilbiesi għalli jista’ jkun. Tfixkil li jxellef u jtebba’ lil min irid iwassal il-verità. Tfixkil li jagħmel għamad quddiem l-għajnejn ta’ min irid jara l-verità. Għalhekk ħafna jwiegħeduna kollox, biex ma naraw xejn.
Min irid jisma’ fehmu. Min ma jridx jisma’ warrbu. Il-verità ma tkeċċix nies. Ikeċċi n-nies il-ħsieb ta’ dawk li jew il-verità hija skomda għalihom jew dawk li jridu jgħixu gidba sabiħa temporanja.
Ara min għandek ħdejk issa u ara x’qed ifixklek milli tersaq qribu u tkun xhud tal-verità ta’ Alla. Ara min għandek ħdejk bħalissa u fittex neħħilu kull tfixkil u qawwilu qalbu għax Alla u inti temmnu fih.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading