It-Tlieta, 10 ta’ Ottubru 2017: Irridu nkunu żguri li jkun hemm isqfijiet tajbin fil-Knejjes partikolari mifruxin madwar id-dinja. Dan hu servizz importanti ħafna u li jrid isir ukoll bil-kollaborazzjoni tas-Sinodi lokali ħalli jintgħażlu persuni li jkunu addattati għal dal-ministeru.
Dan kien l-awgurju li għamel il-Papa Franġisku waqt udjenza li kellu fil-Vatikan mal-Patrijarki u l-Arċisqfijiet maġġuri miġburin bħalissa f’Ruma għal-laqgħa plenarja tal-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju ta’ dan id-dikasteru u tal-Istitut Pontifiċju Orjentali.
Il-Papa qalillhom li jħossu ferħan bil-laqgħa għax ittih ċans li jaqsam magħhom il-ferħ u n-niket tal-fidili. Il-ħtieġa kbira li għandhom il-Knejjes kollha, spjega l-Papa, tidher ukoll fil-ġerarkija li tkun f’komunjoni mal-Papa. Propju li tkun Isqof ta’ Ruma, osserva Franġisku, hu l-pedament tal-ministeru Petrin, li hu servizz li jmexxi l-karità u fil-karità.
F’das-sens il-Papa ħeġġiġhom biex jagħtu spinta ħalli fil-Knejjes jingħata valur għar-rabta li tgħaqqad il-kolleġġjalità mal-primat Petrin sabiex ikun jista’ jitħaddem il-primat djakonali, jiġifieri li l-Papa jkun qaddej tal-qaddejja t’Alla.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija