Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 3 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 3 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 14, 1-6

Jiekol ma’ kulħadd. Ma min hu magħruf bħala midneb u ma’ min iqis lilu nnifsu għadu tiegħu. U dejjem ikollu udjenza. Dejjem kulħadd għajnejh fih biex jara x’se jagħmel, biex jara jekk dak li jagħmel, fihx ma xhiex tqabbad difrejk. Iktar ħsiebhom fih milli f’żaqqhom. Iżda mhux biex jisimgħu il-kelma tiegħu imma biex jaraw jekk il-kelma tiegħu jew għemilu fihomx xi tebgħa jew tixlifa.

Kien is-Sibt u Ġesù daħal jaqsam il-ħobż ma’ dan il-fariżew u sħabu, l-irjus kbar tar-raħal. Is-Sibt huwa Jum il-Mulej, il-jum li fih Alla straħ mill-ħolqien imma ma straħ qatt milli jħobb u jħenn. Għal Alla l-imħabba u l-ħniena mhumiex xogħol, iżda ħajtu l-eżistenza tiegħu stess. Kważi kważi nistgħu ngħidu li jekk Alla jieqaf iħobb u jħenn ma jibqax Alla. L-imħabba u l-ħniena mhumiex biċċa xogħol li wieħed jagħmel imma l-ħajja nnifisha. Imma għal-Lhud il-ħadd donnu ħa ukoll din id-direzzjoni. Kollox huwa xogħol, mela jekk is-Sibt ma jistax isir xogħol, għandha tieqaf ukoll l-imħabba u l-ħniena.

U dan l-imbierek, sab il-bieb miftuħ u daħal. Raġel marid bl-ilma, jgħidilna San Luqa. Probabilment din il-marda kienet forma ta’ edema; jinġema’ kwantità kbira ta’ ilma taħt il-ġilda, l-iktar fis-saqajn, jikkawża nefħa u uġiegħ kbir tant li l-marid ma jkunx jista’ jimxi. San Luqa ma jgħidilniex kemm kellu żmien dan ir-raġel u min kien jiddependi minnu, imma jekk kien hemm min jiddependi minnu, kien qed jgħix fi stat ta’ faqar għax min jaqla l-ħobża ta’ kuljum kien marid wisq biex jaħdem. Daħal quddiem Ġesù, sfida l-etikett għax kellu bżonn u għax emmen li Ġesù seta’ jfejqu.

Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f’jum is-Sibt. It-tweġiba tagħhom Ġesù kien jafha. Darb’oħra tahom ċamat sew meta tkażaw għax fejjaq mara milwija minn nofsha. Ipprova jmissilhom qalbhom u jurihom li iktar importanti tħenn u tgħin milli tosserva liġi li ħloqt inti stess. Ovvjament belgħu ilsienhom u ma tkellmu xejn. Fil-fond ta’ qalbhom kienu jafu li kellu raġun u, li kieku kienu huma minflok dak ir-raġel, kienu jagħmlu l-istess. Il-kburija u l-ħażen li ġej mill-mibgħeda jġiegħlu u jwasslu lill-bniedem jagħmel ħafna affarijiet, anke jirraġuna b’mod stramb. Il-ħniena u l-għajnuna m’għandhomx ‘time table’. U għalhekk li Ġesù jaqbad lil dan ir-raġel, ifejqu u jibgħatu jgħix ħajtu. L-anqas riedu jibqa’ hemm u jisma’ d-dibattitu li ġie wara. Bata biżżejjed.

Aħna m’aħniex wisq aħjar. Mhux bilfors għax ikun is-Sibt, imma għax għandna x’nagħmlu, għax m’għandniex ħin, għax impenjati wisq b’ħajjitna, bl-idejat u l-opinjonijiet u l-burdati tagħna biex ngħinu lil min qiegħed lilu nnifsu quddiemna għax jemmen li nistgħu ngħinuh. X’ħasra meta bniedem imnikket jitlob l-għajnuna tagħna għax jemmen li nistgħu intaffulu t-tbatija u aħna ndawru ħarsitna banda oħra, u hu jitlaq minn quddiemna (jew aħna nitilqu minn quddiemu) iktar imnikket minn qabel. Immaġina kieku tkun int minfloku. Kemm taqsam qalbek u tħossok ittradut.
Faċli ħafna niġġustifikaw lilna nfusna meta nonqsu lil min hu fil-bżonn. Imma kemm hu diffiċli niskużaw lil min idawwar wiċċu quddiem il-ħtiġijiet tagħna.

Għandek ħila twieġeb jekk xi ħadd jistaqsik għalfejn bi kliemek jew b’għemilek qed tkompli tgħarraq lil min jitolbok ittellgħu fil-wiċċ? Li kieku kont int minfloku, x’taħseb?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: