Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Kunu ħbieb tal-foqra

Kunu ħbieb tal-foqra


Il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru 2017: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech fil-Quddiesa tal-Gradwazzjoni Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Id-dejn huwa mażra għall-fqir. Ħafna drabi huma dawk li ma għandhomx mezzi li jiddejnu; imma spiss jiġri li d-dejn ifaqqar lill-fqir, iktar u iktar meta jkun hemm l-użura.

Barra mid-dejn pubbliku u dak internazzjonali bejn pajjiżi għonja u oħrajn li qegħdin jiżviluppaw, hemm id-dejn privat. Għandna persuni u familji mikula bid-dejn, ħafna drabi b’self li jsir minn taħt il-mejda! Xi drabi anki ż-żgħażagħ li jkunu qed jistudjaw ikollhom jissellfu u hekk jibdew il-ħajja b’piż jagħfas fuq spallejhom.

Darba ltqajt ma’ tliet studenti f’kuntest ta’ ċerimonja tal-gradwazzjoni u staqsejthom x’ħolm kellhom għall-futur. Wieħed qalli li ladarba ggradwa, iħoss li għandu l-liċenzja biex jistagħna; l-ieħor qalli li ser jinqeda bil-professjoni tiegħu biex jaħdem ħalli jkollna soċjetà aktar ġusta u hekk ikun jgħin lill-batut. Għall-ewwel it-tielet wieħed baqa’ fil-muta, imma mbagħad b’ton mistħi qal li hu xtaq li jkun ma’ sħabu gradwati, imma kellu jirrinunzja għal dan il-proġett għax il-familja tiegħu kienet fqira u lanqas kellha x’jagħmel tajjeb biex tissellef. F’dan il-kuntest illejla jien mhux biss irrid nifraħ magħkom li qed tiċċelebraw il-gradwazzjoni tagħkom, imma rrid niftakar ukoll f’dawk li xtaqu jkunu magħna, imma minħabba piżijiet ta’ natura finanzjarja moħbija fis-sistema, kellhom jagħżlu toroq differenti.

Waqt li llum qed ittemmu l-mixja universitarja tagħkom, ser tibdew fażi ġdida b’ċerti djun! Żgur li għandkom dejn lejn l-għeżież – lejn dawk li sostnewkom u weżnukom biex illum “ilħaqtu”. Ċertament għandkom dejn lejn l-Università tagħna għal dak kollu li għaddewlkom fis-snin tal-formazzjoni akkademika tagħkom. Għandkom ukoll dejn lejn is-soċjetà. Fil-ħajja xejn ma hu b’xejn. Għax anki jekk f’pajjiżna l-edukazzjoni terzjarja hija mingħajr ħlas, hemm il-poplu li bil-ħlas tat-taxxi jiżgura li jkollna sistema edukattiva tajba. Għalhekk hu mistenni li bħala gradwati tpaċu dan id-dejn kollu billi toffru s-sehem tagħkom b’risq il-ġid komuni.

Il-Vanġelu (Lq 16:1-8) jirrakkonta parabbola fejn fuq il-katedra ma jpoġġix profeta, saċerdot jew isqof, imma “amministratur diżonest” – persuna midinba. (Kemm huma differenti l-kriterji tal-Imgħallem mill-kriterji tagħna! Għax min minna ser jissogra jafda persuna falluta?). Ġesù ma jfaħħarx lil dan l-amministratur għax kien iħawwad f’xogħlu; imma hu jpoġġih bħala mudell għalina għaliex xħin dan ġie wiċċ imb wiċċ mal-verità u ntebaħ bl-għeltijiet tiegħu, flok ma ntrabat mal-flus li kien għamel, inqeda bil-flus biex jintrabat mal-proxxmu tiegħu, partikularment mal-foqra. Għal din il-persuna, il-flus ma baqgħux mezz ta’ sfruttament u serq, imma saru strument ta’ komunjoni. Huwa għażel li flok ma jkun ħabib tal-flus, jinqeda bil-flus biex jagħmel il-ħbieb. Min jista’ jkejjel il-konsolazzjoni li ġarrab dan l-amministratur meta lid-debituri ħafrilhom parti mid-dejn – lil dak li kellu jagħti mitt barmil żejt, ħafirlu nofshom, u lil dak li kellu jrodd mitt xkora qamħ, naqqaslu għoxrin xkora! Nistħajjel li meta taffielhom din it-tagħbija, il-midjunin ħadu nifs ġdid, it-tama tkebbset mill-ġdid fihom, u reġgħu bdew jemmnu li kienu kapaċi jpaċu d-dejn li kellhom.

L-imġiba tal-amministratur diżonest imma mibdul tqanqalna biex niċċekkjaw ftit il-paradigma ekonomika ta’ żminijietna fejn ir-regola tad-deheb hija l-qligħ massimu! Minħabba dan l-atteġġjament soċjoloġiku u ekonomiku, il-bniedem ġie ridott għal sempliċi strument mekkaniku meħtieġ biex is-sistema taħdem – mhux is-sistema għall-bniedem imma l-bniedem għas-sistema! Kull fejn il-bniedem huwa “użat”, kull qligħ huwa diżonest.

Barra minn hekk, kif jikteb San Ġwann Kriżostmu, “tistgħu turu li l-għana huwa xi ħaġa ġust? Le, għaliex fl-oriġni tiegħu l-qligħ huwa dejjem avvelenat b’xi għamla ta’ frodi!”. Għalhekk, li wieħed jaħfer id-dejn lil min huwa mgħaffeġ mhux xi att erojku imma applikazzjoni tal-prinċipju tat-tqassim ġust tal-ġid. Imma anki jekk wieħed ma jasalx biex iħassar id-dejn li jkollu jieħu, aħna nistgħu nindirizzaw din il-pjaga soċjali billi kull wieħed minna jagħmel ħiltu biex nibnu ordni soċjali ġust u ekwu, fejn ħadd ma jisraq b’mod legali, fejn ma nħallux is-suq imexxi, u fejn inkunu soċjetà ħanina li tħenn għall-fqir mhux bil-kliem imma bl-għemil.

B’xorti ħażina, il-faqar fl-Ewropa qed dejjem jiżdied. Huwa paradoss li llum min hu għani qed ikompli jistagħna, imma mbagħad qed ifaqqsu għamliet ġodda ta’ faqar. Il-qagħda tal-faqar iġġiegħel lill-fqir jittallab is-self. Ġesù fil-parabbola jfaħħar lil dak l-amministratur li jgħin lill-fqir billi jtaffilu l-piż tad-dejn u hekk jagħmlu ferħan.

Għeżież gradwati, nirrakkomandalkom biex, filwaqt li tagħmlu sew tifirħu bis-suċċess li għamiltu, taqsmu dan il-ferħ tagħkom mal-foqra billi tagħmlu mill-professjoni tagħkom strument li jiġġieled il-faqar u jtaffi l-kankru tad-dejn li qed jifni għadd ta’ familji.

Hija xewqa tal-Papa Franġisku li fid-19 ta’ dan ix-xahar aħna niċċelebraw l-ewwel Jum Dinji tal-Foqra. F’Messaġġ li kitbilna għal din l-okkażjoni, il-Papa jgħidilna: “Nafu kemm diffikultajiet għandna fi żmienna biex nidentifikaw b’mod ċar il-faqar. Imma xorta waħda dan jisfidana ta’ kuljum bl-elf wiċċ tiegħu mmarkat mit-tbatija, mill-emarġinazzjoni, mit-tirannija, mill-vjolenza, mit-torturi u mill-jasar, mill-gwerra, miċ-ċaħda tal-libertà u tad-dinjità, mill-injoranza u mill-analfabetiżmu, min-nuqqas ta’ servizzi tas-saħħa u xogħol, mit-traffikar u mill-iskjavitù, mill-eżilju u mill-miżerja, mill-immigrazzjoni sfurzata. Il-faqar għandu l-wiċċ ta’ nisa, ta’ rġiel u ta’ tfal abbużati għal interessi vili, ikkalpestati mil-loġika perversa tal-poter u tal-flus. X’lista kiefra u li qatt mhi sħiħa kellna nagħmlu quddiem il-faqar frott tal-inġustizzja soċjali, tal-miżerja morali, tar-regħba tal-ftit u tal-indifferenza tal-ħafna”.

Huwa jkompli jikteb: “B’xorti ħażina, fi żmienna, waqt li qed joħroġ iktar l-għana sfaċċat maħżun f’idejn il-ftit ipprivileġġjati, u spiss ma’ dan l-illegalità u l-isfruttament offensiv tad-dinjità umana, hu ta’ skandlu kif il-faqar qed jitwessa’ għal oqsma kbar tas-soċjetà fid-dinja kollha. Quddiem dan ix-xenarju, ma nistgħux nibqgħu b’idejna fuq żaqqna u wisq inqas nirrassenjaw ruħna. Quddiem il-faqar li jillimita l-ispirtu ta’ inizjattiva ta’ tant żgħażagħ, u jżommhom milli jsibu xogħol; quddiem il-faqar li jmewwet is-sens ta’ responsabbiltà u jwassalna biex nippreferu d-delega u t-tiftix ta’ favoritiżmi; quddiem il-faqar li javvelena l-għejun ta’ parteċipazzjoni u jfaqqar l-ispazji tal-professjonalità u hekk jumilja l-merti ta’ min jaħdem u jipproduċi; quddiem dan kollu jeħtieġ inwieġbu b’viżjoni ġdida tal-ħajja u tas-soċjetà”.

Dan huwa kliem ta’ min jixtarru sewwa. Ir-riflessjoni dwar il-faqar mhix biss ta’ natura politika, għax il-“foqra huma tal-Knisja bi ‘dritt evanġeliku’ u jobbligawna għall-għażla fundamentali favurihom”.

Għalhekk, f’dan ix-xenarju, għeżież gradwati ġodda, nitlob għalikom biex ħadd minnkom ma jkollu l-iżventura li jkun vittma tad-dejn (għandi f’moħħi lill-koppji għarajjes li qed ifittxu fejn joqogħdu). Nappellalkom biex ma tħallux il-flus jagħmukom u għalhekk ma tkunux għodda li tgħakkes lill-bniedem u ma twasslu lil ħadd li, biex jinqeda bis-servizzi professjonali f’kuntest vitali, ikollu jumilja ruħu u jiddejjen. Minn qalbi nawguralkom li tkunu preżenza ġdida fis-soċjetà tagħna li tgħin biex jonqos il-faqar.

Fuq l-eżempju tal-amministratur tal-parabbola, inħeġġiġkom tkunu ħbieb tal-foqra. Kif jikteb Santu Wistin, “il-foqra huma l-kurrieri u l-fakkini tagħna, għaliex meta ngħinuhom, huma jwasslulna l-ġid tagħna f’dik id-dar li qegħdin nibnu fl-eternità”. F’idejn il-foqra Alla ħalla ċ-ċwievet tal-ħajja ta’ dejjem. Il-muftieħ biex aħna niftħu l-bieb tas-Sema qiegħed f’idejhom! Kif jgħid il-Papa Franġisku fil-Messaġġ li semmejt aktar ’il fuq, “imbierka d-dirgħajn miftuħa biex jilqgħu lill-foqra u jgħinuhom: huma dirgħajn li jġibu t-tama. Imbierka d-dirgħajn li jaqbżu kull ħajt tal-kultura, tar-reliġjon u tan-nazzjonalità biex isawbu ż-żejt tal-faraġ fuq il-ġrieħi tal-umanità. Imbierka d-dirgħajn li jinfetħu bla ma jitolbu xejn lura, bla ‘jekk’, bla ‘imma’ u bla ‘forsi’: huma dirgħajn li jniżżlu fuq l-aħwa l-barka ta’ Alla”.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: