Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 17 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 17 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 17, 26-37

Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:“Bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem. Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; imbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll.

L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu, imma ilkoll. Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem.

F’dak il-Jum, min ikun fuq il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll min ikun fir-raba’, iqis li ma jerġax lura. Ftakru fil-mara ta’ Lot!

Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha. Ngħidilkom li, f’dak il-lejl, tnejn ikunu f’sodda waħda: wieħed minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien; waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla”.

Qalulu: “Fejn, Mulej?”. U hu weġibhom: “Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru”.

Meta tkun taf li kull bidu għandu tmiem, tista’ tipposponi t-tħejjija għalih, iżda t-tmiem ma tista’ tiposponih qatt. Xi darba jasal għal kulħadd, għax wasal għal kulħadd. Nistgħu nilludu lilna nfusna u naħsbu li t-tmiem għadu ’l bogħod u ftit li xejn nirrejaliżżaw li t-tmiem huwa llum eqreb milli kien il-bieraħ.

Jidhirli li San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid li ‘tardare sì, scappare no!’ Tħalli għal darb oħra tista’, imma taħrab, qatt. Għerf? Jista’ jkun għal min jinduna bir-rejaltà imma huwa għerf li ġej mit-tiġrib tal-bniedem. Ilkoll kemm aħna dfinna lil xi ħadd li konna nixtiequ li jibqa’ magħna għal dejjem, iżda x-xewqat tagħna ma jiksru qatt ir-regola. Dak li ġie irid jitlaq.

Ġesù kien jaf minn xhiex kienu se jgħaddu d-dixxipli tiegħu meta hu kien se jbati ħafna minn dak in-nisel, u huma nħasdu għall-aħbar, aħseb u ara meta dalwaqt dan kien se jiġri tassew. Kien jaf li lanqas għad-difna tiegħu ma kienu se jkunu hemm, għax imħabbithom lejh kienet se tkun megħluba mill-biża’.

Meta l-Evanġelju ta’ San Luqa, kif nafuh aħna, kien fl-idejn, min qrah jew semgħu kien jaf ukoll li kien seħħ tmiem ieħor. Ġerusalem fis-sena 70 kienet inqerdet, u t-tempju, li nbena ftit għexieren ta’ snin qabel minn Erodi l-Kbir, ma kien fadal xejn minnu, ħlief ħajt li għadu magħna sallum. Tmiem vjolenti li ġabmiegħu il-qerda ta’ ħafna.

Imma hemm tmiem ieħor li Ġesù jitkellem dwaru; it-tmiem ta’ kollox u ta’ kulħadd. Tmiem li ħafna jiffantasizzaw dwaru għax ħadd ma jaf meta u kif se jkun. Tmiem li ħafna jippruvaw jispjegaw jew jinjoraw u fl-istess ħin kulħadd jaf, fil-fond ta’ qalbu, li huwa eqreb illum milli kien il-bieraħ. Iżda l-biż’ li jqanqal fina, jogħsfor fl-aljenazzjoni ta’ kif se nibqgħu ngħixu għal dejjem, billi nħabirku u nissieltu u niġġieldu, biex, jekk għallinqas ma nkunux qawwijin fit-tmiem, ħadd ma jkun jista’ għalina sakemm jasal, kultant anke billi ngħaffġu, nżebilħu u nkissru lil xulxin.

Kienu jieklu u jixorbu, iżewġu u jiżżewġu; sinjali ta’ festa’. Jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu; sinjali ta’ qliegħu u ġmiegħ ta’ ġid bħala valur assolut. Ħajja ta’ aljenazzjoni, bil-għan li tiffanga u taħżen u tagħmel festa wara l-oħra. Il-bniedem li jagħmel għamad fuq għajnejh biex ma jarax u forsi jinsa. Iżda r-rejaltà mhix riservata għal min hu bil-ġuħ jew jgħix fil-miżerja; hija r-rejaltà ta’ kulħadd.

U għalhekk Ġesù jisħaq ma’ dawk li jridu jisimgħuh biex iħejju ruħhom. Għad għandek iċ-ċans huwa l-kliem tiegħu li għadu jidwi u jirbombja fil-fond tal-eżistenza tagħna. Huwa kliem ta’ tama għal min irid jisma’, ta’ kuraġġ għal min irid ikun rejalistiku u ma jgħixx fil-ħolm. Għix u tħallix l-illużjoni ssir ir-rejaltà ta’ ħajtek.

Ġesù jsemmi wkoll żewġ tipi ta’ tfixkil. Tħabbilx rasek dwar dak li tħalli warajk u tħarisx lura. Parir ħażin? Ilkoll nafuha t-tweġiba.

L-isqra jinġabru mhux biex jieklu dak li tħalli warajk, iżda biex jieklu li jkun fadal minnek.

  1. Anonymous
    November 17, 2017 at 5:17 pm

    Short comment.
    Grazzi ta’ xoghol kollu ssibu quddiem l-imghallem.
    Paci mieghek.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: