Arċisqof Charles J. Scicluna

Liż-żgħażagħ tagħna nagħtuhom it-tama u ċ-ċans li jesprimu dak li hemm f’qalbhom – L-Arċisqof


Is-Sibt, 30 ta’ Diċembru 2017: L-Arċisqof jagħti l-awguri tal-Milied u s-sena l-ġdida lill-pubbliku.

359787-740xNone

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

Nerġa’ ntenni l-awgurju tiegħi lil kulħadd u b’mod speċjali li media li hawn preżenti għax permezz tagħhom nixtieq inwassal l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Is-sena d-dieħla l-isqfijiet ta’ madwar id-dinja huma mistednin mill-Papa Franġisku biex niltaqgħu ġewwa Ruma fix-xahar ta’ Ottubru u niddiskutu t-tema importanti li hija ż-żgħażagħ: id-dixxerniment li huwa li tagħraf ir-rieda ta’ Alla f’ħajtek u anke l-vokazzjonijiet.

U għalhekk il-messaġġ tiegħi huwa li l-komunità Nisranija f’Malta titlob ħafna għaż-żgħażagħ tagħna. Fix-xhur ta’ qabel Ottubru se nniedi diversi laqgħat ma’ kategoriji differenti ta’ żgħażagħ; laqgħat ta’ djalogu fejn l-isqof qabel jitkellem l-ewwel irid jisma’, anzi jisma’ ħafna għax iż-żgħażagħ tagħna għandhom dritt li l-isqof jisma’ dak li hemm fl-qalb tagħhom, dak li jagħtihom tama, dak li jinkwetahom, dak li wkoll jitolbu mill-Knisja bħala komunità ta’ fidi.

U fl-istess ħin ikollhom ukoll messaġġ ta’ tama u ta’ inkoraġġiment. Għalhekk jien nistieden anke l-familji fejn hemm iż-żgħażagħ biex b’mod speċjali din is-sena noħolqu ambjent fejn mhux biss nuruhom li nħobbuhom għax ninkwetaw għalihom u nieħdu ħsiebhom imma wkoll nisimgħuhom.

Hemm frażi minn ittra li kiteb l-Appostlu Missierna San Pawl li dejjem tolqotni: meta jitkellem dwar il-familja, dwar id-dixxiplina fil-familja, dwar l-imħabba bejn il-missier u l-omm u jgħidilhom ukoll beix jieħdu ħsieb lil uliedhom imma jgħidilhom ukoll ‘taqtgħulhomx qalbhom’. U din hija ħaġa importanti li liż-żgħażagħ tagħna fil-famija, fis-soċjetà, nagħtuhom tama u nagħtuhom ukoll mument fejn huma jesprimu dak kollu li hemm fil-qalb tagħhom.

Jiena nixtieq ukoll li bħala komunità Nisranija nkomplu nagħtu xhieda tal-valuri sbieħ, b’mod speċjali tal-valur tal-ħajja, mill-bidu nett tat-tnissil sat-tmiem naturali tal-ħajja għaliex bħala komunità ta’ fidi nifhmu u nemmnu li l-Mulej Ġesù, li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja ġie biex jagħti togħma tajba lil kull wieħed u waħda minna f’ħajjitna.

L-aħħar punt li xtaqt ngħid huwa li hekk kif din is-sena l-belt kapitali tagħna, Valletta, se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, tajjeb li aħna nfittxu s-sbuħija bħala xi ħaġa li twassalna lejn Alla: is-sbuħija li tgħaqqadna bejnietna, is-sbuħija fil-kliem, fir-relazzjoni ta’ bejnietna, anke fil-ħarsien tal-ambjent, fil-ħarsien tal-patrimonju sabiħ u qawwi tagħna, aħna nikbru fl-għarfien li s-sbuħija hija parti integrali mhux biss mill-ħajja tagħna imma mill-kwalità tal-ħajja tagħna. U allura dak kollu li huwa verità, dak kollu li huwa ġustizzja, dak kollu li huwa tjieba jgħin għas-sbuħija mhux biss tal-ħajja tagħna imma tar-relazzjonijiet ukoll ta’ bejnietna.

Jiena ningħaqad anke mal-Arċisqof Emertu Mons. Pawlu Cremona u mal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi biex nagħti lil kulħadd ix-xewqat sbieħ tal-istaġun sabiħ tal-Milied u fl-istess ħin is-sena t-tajba.

Nixtieq ukoll insellem lill-media u nirringrazzjahom tas-servizz li jagħtu lill-pajjiż u nixtieq nagħtu ċapċipa lill-ġurnalisti kollha tagħna.

U l-aħħar appell tiegħi hu li kemm jista’ jkun it-tiżjin tal-Milied ma nneħħuhx wara l-Ewwel tas-Sena imma nistennew li tiġi wkoll il-festa sabiħa tat-Tre Re. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna, bħala komunità ta’ fidi, inkomplu niċċelebraw it-tnax il-jum tal-Milied sal-festa tal-Epifanija, li din is-sena se tiġi l-Ħadd, 7 ta’ Jannar. Imberikkom u nitlobkom titolbu għalina. Il-paċi magħkom.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s