L-Evanġelju tas-Sibt, 17 ta’ Frar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 5, 27-32

Levi ta’ Alfew kien publikan; ġabbâr tat-taxxi għall-ħakkiem Rumani. Ma kien jaħmlu ħadd, lanqas Pietru in-negozjant. Minħabba l-mod kif kien jaqla’ x’jiekol, u jsir sinjur, kien bniedem ta’ ċertu livell ta’ skola. Nistgħu ngħidu li kien jaf jgħodd sew mill-wieħed sal-għaxra. Kien jitħallas b’kummissjoni fuq it-taxxi li jiġbor u allura iktar kemm jiġbor taxxi iktar ikollu qliegħ. Il-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn u l-fama ma kienetx ta’ b’xejn. Żgur li kien bniedem li japprezza. Ġesù jersaq lejh, u min jaf x’għadda minn moħħ Levi ta’ Alfew x’ħin rah riesaq lejh. Beċċun ieħor li qatt ma rajtu qabel u li minnu seta’ jisloħ kemxa iżjed mis-soltu.

Jista’ jkun ukoll li ġieli rah u semgħu qabel, sema’ b’dak li kien jgħid u ra dak li kien jagħmel. Bejn il-fama tiegħu u dik ta’ dan ir-rabbi kien hemm baħar jaqsam. Jista’jkun li Levi ma kienx kuntent bil-ħajja tiegħu; żgur li ma kienx jieħu gost bl-opinjoni ġustifikata tan-nies dwaru. Il-kumpannija li kien jagħmilha magħha kienu nies li l-fama kienu ħallewha x’imkien ’il bogħod. La n-nies jgħidu li aħna midinbin, mela ngħixu ta’ midinbin u ngawdu kemm nistgħu mill-fatt li aħna midinbin. Dawn kienu midinbin li d-dnub tagħhom jidher. Hemm ħafna oħrajn li d-dnubiet tagħhom ma jidhru mkien, mhux għax ma jeżistux imma għax mistura sewwa.

Ejja warajja! Żewġ kelmiet li jaħsdu, iqajmu emozzjonijiet, jagħtu tamiet, itellgħu fil-wiċċ il-ħsieb ta’ ħajja differenti. Għal darb’oħra San Mark jurina l-immedjatezza tat-tweġiba, donnu jagħtina l-impressjoni li dawk li wieġbu, wieġbu bla ħsieb ta’ xejn. Aħna nafu li, jekk dak lil-ħin ma ħasbuhiex, kellhom ħafna ħin biex jaħsbuha matul il-mixja tagħhom ma’ Ġesù, li kien iqishom bħala ħbieb. Dak li semgħuh jgħid, ir-rejazzjoni għal dak li kien jgħid u s-serjetà li kien hemm fil-messaġġ tiegħu, żgur li qanqlu emozzjonijiet differenti u iktar qawwija minn dawk li ħassew l-ewwel darba. Barra minn hekk, wara ż-żmien li damu miegħu, raw kif ġabu ruħhom sħabhom miegħu u bejniethom, raw x’waslu biex għamlu, ir-relazzjoni tagħhom miegħu u bejniethom ma kienetx mibnija fuq emozzjoni, iżda fuq stima u rispett u mħabba. Bejn l-irġiel l-istima u r-rispett huma aċċettabli anke biex titkellem dwarhom; l-imħabba hija ta’ sogru kbir. L-irġiel li jitkellmu fuq l-imħabba u jgħidu li jħobbu iżidu timbru mhux sabiħ dwarhom infushom.

Mattew jistieden lil Ġesù u lil sħabu għall-ikel. Kien kuntent u ried li jifraħ magħhom u ma sħabu. Fejn qatt xi rabbi daħal jiekol għand wieħed publikan. San Mark jintroduċilna is-‘social media users’ ta’ żmien Ġesù li kienu dejjem lesti biex jikkritikaw u jgergru u jissuġġerixxu x’għandu jagħmel dak lu x’għandu jagħmel l-ieħor. Dejjem lesti biex jaraw Ġesù x’jaħseb u x’jgħid biex ifittxu x-xagħra fl-għaġina u jsibu parrokka. Dawn ma stgaħġbux. Dawn tkażaw.ma skandaliżżawx ruħhom imma tkażaw. X’mistħija! Jiekol mal-midinbin. Bħal dak li qallu, li l-midinbin mhux bħall-ġusti jieklu. X’għarukaża!

Interessanti l-lewwel xrara bejn Ġesù u l-kittieba u l-fariżej seħħet minħabba l-fatt li Ġesù laqa’ lil dawk li ma kenux milqugħa u kien milqugħ minn dawk li ħadd ma ried ikun milqugħ minnhom. Issieħeb mal-midinbin biex ma jħallihomx jidinbu billi jurihom li huma wkoll għandhom ikunu f’saħħithom. It-tabib ma jeħtieġuhx dawk li huma f’saħħithom imma l-morda. Mhux lil ġusti ġie jsejjaħ, iżda lill-midinbin.

Hawn xi ħadd hawnhekk li qatt ma kellu bżonn tabib? Hawn xi ħadd illum li qatt ma dineb? Jekk m’hawnx, lilna lkoll qed isejjaħ biex niksbu saħħitna mill-ġdid.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.