Home > Archbishop Emeritus Paul Cremona OP > “ĠESU’ MHUX BIŻŻEJJED? GĦALIEX HEMM BŻONN TAS-SAĊERDOT?” (1)

“ĠESU’ MHUX BIŻŻEJJED? GĦALIEX HEMM BŻONN TAS-SAĊERDOT?” (1)


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Meta Sidna Ġesu’ Kristu ġie fid-dinja huwa ġie bħalna: fl-umanita’ tagħna. Dan kien ifisser li kien limitat għal żmien determinat u post determinat. Imma hu ma ġiex biss għan-nies ta’ żmienu, u għal dawk li kienu jgħixu fejn kien igħix Ġesu’.

Mgr Paul Cremona OPGħalhekk Ġesu’ ġie biex jifforma komunita’ biex tkompli l-missjoni tiegħu f’kull żmien u f’kull post.

Ġesu’ beda billi ġabar madwaru xi dixxipli u bil-mod il-mod, tul tlett snin, urihom kif l-umanita’ tagħhom jagħmluha umanita’ fuq l-eżempju tiegħu. Għalhekk f’Antjokja bdew isejħulhom ‘kristjani’, għax in-nies l-oħra bdew jindunaw li fihom jistgħu jaraw ix-xebħ ta’ Kristu (At 11,26). Hija l-mixja li kull wieħed u waħda minna jrid jagħmel biex ikun dixxiplu tal-Mulej: jibda mill-uman tiegħu, iżda bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, jaħdem biex jinbidel f’dak li għallimna Kristu.

L-ewwel għażel tnax l-appostlu: “… sejjaħ lejħ lil dawk li ried… semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippridkaw u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x’xjaten…Xmun, li tah ukoll l-isem ta’ Pietru, u Ġakbu ta’ Żebedew, u Ġwanni ħu Ġakbu… u Indri’, u Filippu, u Bartilmew u Mattew, u Tumas u Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, u Xmun il-Klanani, u Ġuda l-Iskarjota, dak li ttradieh” (Mk 3,13-19). Aħna nitkellmu wkoll fuq ‘suċċessjoni apostolika tal-Isqijiet’, jiġifieri li Ġesu’ darba biss ta din il-qawwa tas-saċerdozju. Kull min jiġi ordnat Isqof irid ikollu rabta ma’ din l-ewwel konsagrazzjoni ta’ Ġesu’ fl-aħħar Ċena, li għaddiet minn diversi Isqijiet matul is-snin.

Imbagħad il-Mulej Ġesu’ minn fost l-appostli għażel wieħed biex iħarsu lejh bħala dak li jmexxihom f’isem Ġesu’. Iżda qabel urieh, lilu u lill-appostli, kif trid tkun it-tmexxija tiegħu: ħaslilhom riġlejhom, qalilhom li hu ġie biex jaqdi mhux biex ikun moqdi, u qalilhom li min hu l-ikbar għandu jqis ruħu l-iżgħar. Il-Mulej kien jaf li kull forma ta’ xi poter għandha tentazzjoi li tiddomina u tissuppervja. Ġesu’ qalilhom xinhi t-tmexxija għal min irid imexxi f’ismu.

Kemm hi sabiħa l-mixja li għamel Ġesu’ ma’ Pietru biex jagħżlu jmexxi l-Knisja tiegħu. L-ewwel qallu li fuqu se jibni l-Knisja tiegħu (Mt 16,18). Imbagħad wara li Pietru kien ċaħad lil Ġesu’ tlett darbiet għinu jagħmel tlett stqarrijiet ta’ Mħabba marbutin mal-kura tal-ħrief li fdalu f’idejħ (Ġw 21,15). Fl-Atti tal-Appostli naraw lil Pietru f’isem kulħadd jagħmel l-ewwel tħabbira ta’ Ġesu’, bla biża’ (1,15). Kien Pietru li għamel l-ewwel miraklu f’isem il-Mulej Ġesu (3,6). Hu rċieva r-rivelazzjoni li anki l-pagani kienu msejħin biex ikunu parti mis-Saltna (10,22). U San Pawl ħass il-bżonn wara li kkonverta biex iżur lil Pietru mill-appostli kollha (Gal 1,18). Kif tista’ xi ħadd iqiegħed fid-dubju dan kollou? Minn dak iż-żmien s’issa s-suċċessuri ta’ Pietru nsejħulu l-Papa.

Żdiedu tnejn oħra ma’ dawn l-ewwel appostli. L-ewwel wieħed kien Mattija li ħa l-post ta’ Ġuda l-Iskarjota (At 1,21-28). It-tieni wieħed kien Pawlu ta’ Tarsu “li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta’ Kristu Ġesu’” (I Kor 1,1). Fiż-żewġ każi kien hemm żewġ kundizzjonijiet: li jkunu jafu sew lil Ġesu’. Fil-każ ta’ Mattija dan seħħ għaliex kien jaf lil Ġesu’ f’ħajtu bħala dixxiplu tiegħu. Fil-każ ta’ Pawlu hu stess igħid li ltaqa’ ma’ Ġesu’ fit-triq ta’ Damasku (At 9,4-5). It-tieni kundiżzzjoni kienet li jkun l-Ispirtu s-Santu, mhux huma li għażluhom: Mattija bit-tlugħ tax-xorti; San Pawl bid-dehra ta’ Ġesu’ fit-triq ta’ Damasku.

Fl-Atti tal-Appostli naraw ukoll l-istituzzjoni tad-Djakni (At 6,1-6). L-appostli ħassew li għandhom bżonn l-għajnuna biex jieħdu ħsieb il-membri tal-komunita’ fuq l-affarijiet ta’ kuljum ħalli l-Appostli jkunu jistgħu jingħataw għat-tixrid tal-Kelma. Huma għażlu sebat irġiel “li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf” u tawhom din il-ħidma. Dawn huma l-ewwel Djakni. L-iktar magħrufin fosthom huma Stiefnu, li miet martri (At 7, 54-60) u Filippu (At 8,26-40). It-tnejn insibuhom jevanġelizzaw: ma baqgħux biss għal dak li kienu magħżulin għalih, biex jieħdu ħsieb tal-mejda fost il-Lhud Griegi u l-Lhud.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: