L-Evanġelju tat-Tnejn 19 ta’ Marzu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 1: 16.18-21.24a

Tista’ tidher stramba silta mill-Evanġelju li titkellem dwar it-welid ta’ Ġesù seww sew l-għada tal-ewwel ħadd tal-Passjoni. Din il-ġimgħa, waqt il-quddies jintuza l-ewwel prefazju tal-passjoni tal-Mulej, iżda l-Knisja tiċċelebra l-qaddis li għen mhux ftit fil-formazzjoni tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, b’mod speċjali fit-tfulija u ż-żgħożija tiegħu. Il-Knisja tiċċelebra llum il-qaddis li ħalla b’wirt lill-Iben ta’ Alla is-sengħa u x-xogħol tiegħu ta’ mastrudaxxa, bil-grieg ‘teknon’, dak li jsewwi kull ħsara li tista’ tinqala’ fid-dar u joħloq dak li hemm bżonn biex il-bnedem jgħix u jaħdem aħjar u b’iktar kumdità. Xogħolu u s-sengħa tiegħu kienu li jiħdol fid-djar tan-nies, jismagħhom u jagħmlilhom iktar faċli. Ibnu putattiv kien hu wkol lil-mastrudaxxa, lil lill-familja tiegħu kien jafha kulħadd fir-raħal u fl-inħawi tal-madwar.

Ġużeppi huwa l-aħħar ħolqa legali fl-arblu tar-razza li minnu twieled Ġesù li jsejħulu il-‘Kristu’ il-midluk tal-Mulej, dak li hu kollu kemm hu ta’ Alla l-Missier, li minnu ntbagħat biex jissiġilla mill-ġdid il-patt il-ġdid mal-bnedmin kollha. Ġużeppi huwa l-bniedem li bih il-bniedem Alla jikseb għarfien quddiem il-liġi u quddiem il-bnedmin.

Iżda Ġużeppi ma jitkellimx fl-Evanġelji. Narawh biss u nistgħu nosservaw l-imġieba ġusta tiegħu, l-ubbidjenza tiegħu lejn ir-rieda ta’ Alla, fit-twettiq immedjat sal-inqas dettal tagħha. huwa l-ġust, kelma li fl-Evanġelju nerġgħu nisimgħuha marbuta ma’ Ġesù mdendel mas-salib: dan kien tassew raġel ġust; ġust fil-kelma, fl-imġieba u fl-ubbidjenza tiegħu lejn ir-rieda ta’ Alla, mill-ewwel u sal-inqas dettal.

Ġesù stess darba qal li hieni u kbir jissejjaħ fis-saltna tas-smewwiet kulmin josserva l-liġi u jgħallem lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess. Ma setax ikun hemm konferma iktar żgura li Ġużeppi wettaq dan ma’ Ġesù li h kien responsabbli tal-formazzjoni tiegħu ta’ bniedem fis-soċjetà li kien jgħix fiha u fil-fidi li wiret mingħand missirijietu.

Il-ħajja u l-ħidma ta’ Ġużeppi ma nistgħux neħduha barra mill-ħajja salvifika tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. ‘Inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.’ Issemmih ma jfissirx biss tagħtih laqam, iżda tiffurmah f’eżistenza biex il-‘jien’ tiegħu ikun kollu kemm hu salvazzjoni, fidwa.

U għalhekk huwa xieraq li llum, f’din il-ġimgħa li fiha bdejna nidħlu fil-qalba taċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tas-salvazzjoni tagħna, inħarsu madwarna u naraw kemm qegħdin naħdmu id’ f’id ma’ Alla għall-ġid. Ġużeppi ma kien xil-bniedem li jaqla’ l-problemi, iżda il-bniedem li kien strumentali biex il-problemi li l-bnedmin qalgħu fit-twettiq tal-pjan ta’ mħabba ta’ Alla, isibu soluzzjoni. Wara kull kelma li sema’ mingħand Alla huwa qam u għamel kif qallu l-anġlu tal-Mulej. Permezz tal-ubbidjenza tgħallem xi tfisser il-ġustizzja ta’ Alla, l-imħabba tiegħu u l-kelma siekta tiegħu għalina llum hija l-ubbdijenza li tiġi mill-fedeltà u mill-lejaltà, mill-fiduċja tiegħu fl-imħabba ta’ Alla u f’dawk li huwa jħobb; jgħallimna bil-fomm sieket tiegħu, bl-imġieba diskreta tiegħu, li min jafda f’Alla jafda f’dawk li huwa jħobb, li min jobdi jiġbor fejn il-bniedem ixerred i jgħaqqad fejn il-bniedem jifred.

Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.