Mhux lili ibku, iżda lilkom infuskom u lil uliedkom


Sfortunatament trabbejna f’kultura fejn l-enfasi aktar issir fuq l-aspett negattiv milli l-posittiv. Jekk tiftaħ ġurnal jew paġna ta’ aħbarijiet online, aktarx li t-traġedji u l-istejjer ta’ mwiet, gwerrer, diżgrazzji u delinkwenza jiżbqgħu bil-bosta l-ġrajjiet l-oħra. Sintendi dan ma jfissirx li fir-realtà jiġri hekk, imma juri kemm bħal donnu aħbarijet ta’ xejra negattiva u pessimista jiġbdu lejhom aktar qarrejja, semmiegħa u telespettaturi.

Niftakar sewwa lil Monsinjur Fortunato Mizzi jgħidli, “Il-jaħassra jiġbed aktar nies”. U biex jipprova li dan huwa minnu anke fostna l-Insara, kien jirrimarka li l-aktar żewġ funzjonijiet reliġjużi li jattiraw il-folol huma bla dubju ta’ xejn il-purċissjoni tad-Duluri u warajha dik tal-Ġimgħa l-Kbira.

Iċ-ċentru tal-messaġġ nisrani għall-ewwel insara, u suppost għalina wkoll, ma kienx mibni biss fuq it-traġedja tal-Ġimgħa l-Kbira imma wkoll fuq il-Qabar Vojt ta’ Ħadd il-Għid. Ma kienx biss fuq il-mewt ta’ Kristu, imma wkoll fuq il-qawmien tiegħu mill-imwiet. Għal dawk li jemmnu l-Ġimgħa Mqaddsa mhix ċelebrazzjoni ta’ mewt imma waħda ta’ qawmien u ħajja. Il-Knisja dejjem tinsisti li dak li seħħ f’dawn il-jiem imqaddsa mhumiex ġrajjiet different u iżolati, imma ġrajja waħda fejn il-mewt twassal għall-qawmien, fejn is-salib iwassal għall-qabar vojt. Imma sfortunatament jidher li uħud bħal donnu jeħlu fuq il-kalvarju bla ma jimxu lejn il-ġnien tal-ħajja ġdida kif kienet għamlet Marija ta’ Magdala.

Niftakarni meta konna żgħar, qed nitkellem dwar iż-żmien ta’ qabel il-Konċilju, fil-Ġimgħa l-Kbira l-irġiel kienu jilbsu l-ingravata sewda u bosta minn nisa, jekk mhux iswed kienu jilbsu ħwejjeġ ta’ lewn skur. Niftakar li konna mmorru l-knisja u ngħidu r-rużarju tal-mejtin – minflok is-Sliema u l-Qaddisa konna nżebbġu r-Requiem Eterna. Ma nafx konniex ngħidhom għal Kristu mejjet jew għalina nfusna. Imma lili, ta’ tifel li kont kienu jfakkruni fi kliem Kristu, “Mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom”. (Luqa 23:28)

Illum dawn l-użanzi spiċċaw. Ma nafx jekk hux għax fhimna aħjar li lil Kristu ma nagħmlulux viżtu jew jekk hux għax għal bosta minna r-reliġjon hija biss folklor u l-funzjonijiet reliġjużi sempliċiment pageant, reċta, jew teatrin. Imma ‘l hawn u ‘l hinn għadek issib min għadu jarma d-damask iswed mal-knisja kollha.

Dwar dan hemm  uħud li jirraġunaw li aħjar dawn il-ħwejjeġ, minkejja li teoloġikament ma jagħmlux sens, milli l-baħħ u l-kesħa tal-vojt u l-baħħ. Jista’ jkun, wara kollox l-Papa Franġisku nnifsu jisħaq fuq il-bżonn tal-pjetà popolari fil-proċess ta’ evanġelizzazzjoni ġdida. (Evangelii Gaudium 123 u 126). Imma bla dubju ta’ xejn dan żgur ma jfissirx li din tista’ tkun injoratha u jew mitluqha għal riħha.

Għaliex qed ngħid dan kollu? Żgur mhux minħabba d-damask iswed. Personalment nara kemm kliem Kristu lin-nisa ta’ Ġerusalemm illum jagħmel sens anke għalina. Bħal dawk in-nisa twajba spiss naslu li nibku jew nitħassru lilu bla ma nintebħu li nagħmlu tajjeb jekk inqumu mill-aljenazzjoni tagħna, nagħtu ħarsa tajba lejna nfusna u lejn uliedna, anke fid-dawl ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżna llum. Jekk ma nagħmlux dan illum, għada jaf ikun tard wisq. Imbagħad ikun kollu ta’ xejn li Rakel tibki lil uliedha għax ma jkunux hemm iżjed. (Ġeremija 31:15 u Mattew 2:18)

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.