“SE NIŻŻEWWEĠ”. “ARA SE TITGĦALLAQ?” IŻ-ŻWIEĠ SAGRAMENT (6)


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Inkomplu naraw kemm tbegħdna mill-pjan oriġinali ta’ Alla fuq iż-żwieġ u l-familja.

Mgr Paul Cremona OPL-Imħabba tal-Ġenituri: Il-pjan ta’ Alla kien jinkludi wkoll li jdawwar kull tarbija bl-imħabba tal-ġenituri. Anki din il-fatt sfortunatament qed jiġi dejjem u dejjem iktar abbużat. L-ewwel li jiġi f’moħħna huwa dak li hu l-iktar ovvju: l-abbuż tat-tfal. Dan jista’ jkun abbuż sesswali bħall-pedofilija, abbuż ta’ vjolenza fiżika, abbuż emozzjonali fuq it-tfal li jħallihom b’attitudni ta’ biża’. Dawn kollha jħallu trawmi fuq it-tfal  li ħafna drabi jibqgħu magħhom tul ħajjithom kollha, anki meta jingħataw għajnuna psikoloġika.

Dawn huma l-iktar każi evidenti li nitkellmu fuqhom, iżda hemm każijiet oħra. Illum li qed jikbru n-numri ta’ separazzjonijiet u d-divorzji, minbarra it-tbatija tal-koppja, jbatu b’mod speċjali t-tfal. Ġieli jkun hemm raġunijiet serji għaliex il-koppja tissepara, iżda hemm każijiet li huma pjuttost deċiżjonijiet ta’ kumdita’ personali. (Forsi waħda mill-iktar kummenti ċiniċi li smajt hija li t-tfal iridu jidraw: din kienet omm! Minflok ma jagħmlu sforz iktar l-adulti, l-isforz iridu jagħmluh tfal ta’ 5 u 6 snin!).

Anki fil-każ ta’ separazzjoni, it-tfal iridu jagħmlu deċiżjonijiet iebsin ta’ eta’ żgħira. Kif se jibnu l-istabbilita’ fil-karattru tagħhom meta kultant jidħlu fin-nofs bejn il-ġenituri: l-istint naturali tagħhom hija li jixtiequ jħobbuhom it-tnejn, iżda kultant jiġu mġegħlin mill-ġenituri, u anki n-nanniet ta’ kull naħa, biex jagħżlu wieħed jew waħda mill-ġenituri u jkellmuhom kontra l-parti l-oħra. Din mhijiex imħabba iżda egojiżmu bla ebda kunsiderazzjoni x’effett se jħalli fuq it-tfal!

Fis-surrogate motherhood – xi ħadd ’jikri’ l-ġuf ta’ mara oħra  biex ikollu tarbija, x’aktarx għax dik il-mara tkun fil-bżonn: din id-darba l-intenzjoni mhijiex l-imħabba tal-omm lejn it-tarbija iżda l-flus. Xi drabi tkun trawma għal dik il-mara li ġġorr it-tarbija għal disa’ xhur fiha, biex imbagħad tinfired minnha: kien hemm xi okkażjoni meta wara riedet iżżommha s-surrogate mother. Hija trawma wkoll għat-tarbija meta tikber biex tkun taf min hi ommha: dik li rabbietha, dik li ġarritha fil-ġuf, jew dik li d-donor tal-‘bajda’!

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien jgħid li qabel kellna orfni ta’ ġenituri mejtin, iżda issa għandna orfni ta’ ġenituri ħajjin. Id-Djar tat-Tfal huma mimlijin b’dawn it-tfal, li ħafna drabi jiġu b’ħafna weġgħat u rabji fuqhom. Il-Knisja (u anki l-Muej) tifraħ meta xi tfal jiġu adottati jew ‘fostered’, għaliex jistgħu jsibu familja li verament timlilhom ħajjithom. Iżda is-soċjeta’ għandha bżonn li jsibu post fejn dawk li ma jiġux adottati jew ‘fostered’ (kutant għaliex ikun l-iktar challenging u allura ma jisbux post f’xi familja) jiġu kkurati. F’Malta ħafna minn dawn id-Djar jiġu mmexxijin minn sorijiet li b’tant imħabba jagħtu ħajjithom (u lanqas jippretendu ċerti drittijiet ta’ ħinijiet eċċ bħalma ġustament ikollhom carers oħra). Kemm hu nġust min jiddeskrivi dawn id-Djar qieshom ħabsijiet, biex imaqdruhom: hija nġusta kontra d-Djar stess, kontra il-persuni li jieħdu ħsieb ta’ dawn it-tfal u kontra t-tfal stess.(Fuq nota personali. Għall-bidu li sirt Isqof u kien hemm din il-kampanja nġusta u krudila kontra dawn id-Djar, jien kont għidt lill-persuna li kienet risponsabbli mill-kura sħiħa ta’ dawn it-tfal: “Jekk dawn qegħdin jagħmlu din il-ħsara, jiena lest li ngħid lil dawn is-sorijiet biex ma jibqgħux iktar Malta u jmorru l-Afrika, li żgur iħossu l-ħtieġa tagħhom u s-sorijiet isibu fejn iwettqu l-missjoni tatgħhom”. Ovvjament il-persuna li kont qed nitkellem magħha qaltli li allaħares isir dan, għax għandna bżonnhom. Mhux importanti it-tifħir u l-‘Grazzi’, iżda lanqas dan it-tmaqdir!     

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.