Archbishop Emeritus Paul Cremona OP

“SE NIŻŻEWWEĠ”. “ARA SE TITGĦALLAQ?”: IŻ-ŻWIEĠ SAGRAMENT (10)


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Konklużjoni

Il-Knisja ilha tgħallem dan għal elfejn sena. Għalhekk mhux ġust li xi wħud jattakkaw il-Knisja li qed tidħol fil-politika meta  xi partiti politiċi jqiegħdu xi aspett fil-programm elettorali tagħhom: sar fid-divorzju, biż-żwieġ tal-persuni tal-istess sess, u ‘l quddiem meta xi ħadd jibda jipproponi l-ewtanasja jew l-abort. Il-Knisja qed tkompli il-missjoni tagħha li kellha għal elfejn sena: ma tistax tieqaf biss għaliex ikun hemm il-partiti li jdaħħlu xi aspett li jmur kontra l-Pjan ta’ Alla fil-programmi tagħhom.

Mgr Paul Cremona OPIl-Knisja bilfors trid tkompli twassal dan il-messaġġ fuq iż-żwieġ u l-familja, u allur bilfors ikollha titkellem fuq dak li jista’ jfixkel dan il-pjan. Il-Knisja ma tagħmilx dan b’nuqqas ta’ mħabba lejn dawk li jmorru kontra dan it-tagħlim. Il-Knisja ma tirraġunax bħalma nagħmlu xi kultant aħna: “Jiena wissejtek: issa jekk qed tbati, tort tiegħek: gawdiha int”. Minflok hija fetħet djar fejn tilqa’ n-nisa msawwta, fejn tilqa’ it-trabi jew it-tfal li jibqgħu weħidhom minħabba it-tifrik ta’ żi żwieġ; tieħu ħsieb iż-żgħażagħ li kultant b’effett ta’ trobbija – iżda mhux biss – jaqgħu fil-vizzju tad-droga; fl-Istati Uniti kienet l-ewwel waħda li laqgħet lil dawk milqutin bl-AIDS meta kulħadd kien jibża’ jersaq lejhom. Għalhekk huwa nġust ukoll li l-Knisja tiġi ttimbrata ‘bla qalb’ meta titkellem biex iż-żwieġ jibqa’ jingħex fid-dinjita’ kollha tiegħu. Bħalma kien jagħmel Ġesu’ il-Knisja tagħmel ħilitha kollha biex tgħallem x’jista’ jfixkel iż-żwieġ u l-familja, iżda tilqa’ bl-imħabba lil dawk  kollha li jbatu meta jkunu vittmi ta’ xi ċirkustanzi fiż-żwieġ, biex kemm jista’ jkun ittaffilholm it-tbatijiet li joħorġu minn kull tifrik taż-żwieġ, reliuġjuż jew le, jew anki minn kull relazzjoni oħra ta’ koppja.  .

L-ikbar risponsabbilta’ f’demokrazija jridu jeħduha l-parlamentari li huma dawk li jgħaddu l-liġijiet li ħafna drabi jiġu proposti mill-Gvern tal-ġurnata. Iżda ċ-ċittadini ma jistgħux jaħslu jdejhom, għaliex kollox se jolqot lilhom. F’ċirkustanzi oħra – fid-divorzju, fiż-żwieġ tal-gays u ‘l quddiem meta jkun hemm x’aktarx xi partit jew il-partiti li jipproponu l-ewtanasja u l-abort – l-akkuża li nġabet kienet: “La kważi kull pajjiż għaddiehom dawn il-liġijiet, aħna biss le?”, jew “aħna biss qaddisin?” jew “min ma jridx ma jagħmilhiex, iżda min irid, inħalluh, għalhekk nagħmlu liġi favuriha”. Irridu naraw x’inkunu qegħdin nitilfu f’dan il-proċess:  minflok dan idur fuq dak li hu tajjeb għas-soċjeta’ kollha, is-soċjeta’ kollha ddur  madwar dak li trid xi minoranza, bil-konsegwenza li valuri bħaż-żwieġ u familja ma jiġux difiżi u sostnuti.

Id-deċiżjoni trid tkun: “Liema nixtiequ li jkun l-futur taż-żwieġ u l-familja, dak il-pjan li semmejna fil-bidu jew pjan ieħor”? Min jemmen f’Alla, jafda il-Pjan ta’ Alla, għaliex jaf li Alla għamlu għall-aħjar tagħna. Iżda anki min ma jemminx irid jara mill-effetti li ħallew dawn id-deċiżjonijiet fuq pajjiżi oħra, bl-effetti li ġabu anki fuq it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Id-deċiżjonijiet iridu jkunu iktar maħsuba Naħseb li l-ewwel irridu nagħmlu din l-għażla u mhux innaqqru biċċa biċċa minn dak li jista’ jgħin biex iż-żwieġ ikun iktar stabbli u dejjiemi.. Irridu nieħdu wkoll ir-risponsabbilta’ u l-konsegwenzi globali ta’ fejn irridu nimxu.

(Fuq nota personali: il-Mulej sejjaħli għall-Ħajja Reliġjuża. Ovvjament mhux biex iċaħħadni minn dan is-sagrament kbir taż-żwieġ. Inħoss li sejjaħli biex minflok nifraħ biż-żwieġ tiegħi nkun nista’ nifraħ jew nitnikket miż-żwiġijiet tal-oħrajn. Il-vot tal-Kastita’ tiegħi għinni biex napprezza iktar is-sbuħija taż-żwieġ. Huwa ferħ kbir għalija meta ngħin lill-miżżewġin għaliex hekk inħoss li qed inkun parti miż-żwieġ tagħhom. Minflok ma nifraħ bit-tfal tiegħi – bħalma jagħmlu l-ġenituri – jiena nista’ nifraħ bit-tfal kollha li nara madwari. Ftit ilu kont preżenti meta kien hemm pellegrinaġġ tat-tfal. Fraħt meta rajt il-ġenituri li ġabu t-tfal tagħhom, iżda fraħt ukoll għaliex dawk it-tfal kollha kienu ‘tiegħi’ fil-Mulej!)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s