Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 3, 31-36
Għal darbtejn Ġesù jitkellem dwaru nnifsu bħala dak li hu fuq kulħadd; l-ewwel darba bħal dak li ġej minn fuq u t-tieni darba bħala dak li ġej mis-sema. San Ġwann ma jieqaf qatt jagħti indikazzjonijiet ċari ħerġin minn fomm Ġesù, li il-verb ġej mis-sema, u kien mill-bidu ma’ Alla u kien Alla.
Donnu fi żmien meta nkiteb dan l-evanġelju kien qed ikun hemm reżistenza qawwija li tiċħad id-divinità ta’ Ġesù. Ngħiduha kif inhi, fi twemmin u f’kultura mibnija fuq il-monoteżimu, l-eżistenza ta’ Alla wieħed u l-fidi fih, mhux faċli tniżżel li ‘hemm alla ieħor’ u dan l-‘alla ieħor’ huwa bniedem ukoll. Ġwanni jiddefendi id-divinità ta’ Kristu billi jgħid li ġej minn fuq u mis-sema u hu fuq kulħadd.
Mhix biss il-provenjenza tiegħu li tagħti prova tad-divinità tiegħu imma anke dak li jitkellem dwaru, ix-xhieda li jagħti, hija xhieda fuq l-esperjenza personali tiegħu ma’ Alla; jitkellem dwar dak li ra u sema’ mingħand Alla u għalhekk kulmin jilqa’ din ix-xhieda jkun qed iwettaq li Alla hu l-verità. F’kapitlu erbatax, waqt il-lejl tal-aħħar ċena, Ġwanni jgħidilna li quddiem id-dixxipli Ġesù jistqarr li hu it-triq, il-ħajja u l-verità. Jekk Alla hu l-verità u Ġesù hu l-verità mela Ġesù qed jistqarr, quddiem dawk li emmnuh, li hu Alla.
Quddiem Nikodemu, Ġesù jgħid dan id-diskors biex ifhemu li bie xwieħed jitwieled mill-ġdid, irid iħaddan rejaltà ġdida; l-esperjenza tiegħu ta’ bniedem weħidha ma tasal qatt biex iġġarrab u tgħinu jifhem ir-rejaltà ta’ Alla. Biex tidħol fil-misteru ta’ Alla trid tħalli warajk il-qorq għax l-art li tirfes fuqha hija qaddisa, hija art li jirfes u li fuqha jimxi Alla. Biex tidħol fil-misteru ta’ Alla trid tħalli lil Alla jmexxik u timxi miegħu.
Qatt ma nistgħu ngħixu l-ħajja ta’ Alla jekk aħna ma nilbsux l-attitudni tiegħu, ma nsirux nixbħuh fir-raġunament tiegħu. Li tilqa’ u temmen ma jfissirx azzjoni passiva iżda l-ħajja attiva ta’ Alla nnifsu, Alla li jħobb għax il-verità tiegħu hi l-imħabba. Il-problema tagħna li ngħidu li lqajna u nemmnu dak li Alla jgħidilna, hi li ħafna drabi dan ma jinfluwenzax il-ħajja tagħna. Nippretendu li l-ħila tagħna weħidha hi biżżejjed, li weħidna naslu fejn ħadd qatt ma wasal, ħlief l-Iben ta’ Alla biss.
Huwa min jilqa’ lill-Iben ta’ Alla u jgħix bħalu li jagħaraf lil Alla, għax Alla ħalla kollox f’idejh. Nistgħu inpaċpċu kemm irridu imma qisna strumenti tar-ram jew platti jċekċku, ħsejjes biss, sustanza xejn. Kemm nilqgħu u nemmnu ma jidhirx minn kemm inpaċpċu u nitkellmu, iżda minn kif ngħixu. Kif nista’ ngħid li nilqa’ u nemmen lil dak li Alla bagħat u mill-istess fomm torħoġ il-mibgħeda jew it-tgħajjir jew id-disprezz! Kif nista’ ngħid li Alla jgħammar f’qalbi jekk mill-istess qalb joħroġ dak li hu frott tal-għadu ta’ Alla!
B’min qed inqarrqu meta nagħmlu hekk? B’ħadd ħlief bina nfusna. Fuqna qed niġbdu l-korla ta’ Alla għax qed ingiddbuh u l-korla ta’ ħutna għax aħna wiċċ b’ieħor. Mhux ta’ b’xejn li Ġwanni jgħid li min jgħid li jħobb lil Alla u jobgħod lil ħuh hu giddieb u s-sewwa ma jinsabx fih.