Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018, Aħbarijiet > “L-Ispirtu qaddis tal-Mulej huwa wkoll l-ispirtu tal-maħfra” – L-Arċisqof

“L-Ispirtu qaddis tal-Mulej huwa wkoll l-ispirtu tal-maħfra” – L-Arċisqof


Is-Sibt, 19 ta’ Mejju 2018: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, f’għeluq il-25 anniversarju ta’ Richmond Foundation.

411068-740xNone

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta San Ġwann, il-Belt Valletta

L-Evanġelju li għadna kemm qrajna jgħidilna li d-don tal-Ispirtu kien intimament marbut mal-glorifikazzjoni ta’ Ġesù. Fil-fatt f’kapitlu 7 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, li minnu għadna kemm smajna s-silta, il-Mulej jitkellem dwar l-Ispirtu u jagħmel dan il-kumment: “Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat” (Ġw 7:39).

Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann dan il-mument tal-glorifikazzjoni ta’ Ġesù huwa marbut mal-passjoni u l-mewt tal-Mulej. Lejlet il-passjoni tiegħu fl-aħħar ċena, il-Mulej jitkellem diversi drabi dwar din il-glorifikazjoni: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-Bniedem ikun igglorifikat” (Ġw 12:23). Kelma oħra għal din il-glorifikazzjoni fl-Evanġelju ta’ San Ġwann hija l-irfigħ ta’ Ġesù li jitgħolla ’l fuq, li jintrefa’. “Meta jien nintrefa ’l fuq, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12:32). Bħalma Mosè għolla s-serp fid-deżert hekk jitgħolla Bin il-Bniedem biex kull min jemmen fih isalva.

Id-don tal-Ispirtu għalhekk huwa marbut ħafna mat-tbatija ta’ Ġesù, mal-misteru tal-għotja totali tiegħu nnifsu. Huwa don prezzjuż għaliex il-prezz tiegħu huwa d-demm ta’ Ġesù; huwa don prezzjuż għaliex jintroducina lejn dik il-loġika li l-Mulej jipprova jispjega lid-dixxipli ta’ Għemmaws: “U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” (Lq 24:26). L-Ispirtu huwa wkoll l-ispirtu tal-glorja ta’ Ġesù. Imma l-Ispirtu s-Santu la jnessina u lanqas iġegħelna nistħu mill-misteru tas-salib tal-Mulej, anzi l-Ispirtu qaddis, l-ispirtu veru ta’ Ġesù, jagħtina l-qawwa nġorru s-salib tagħna, jagħtina l-qawwa naraw l-għerf tal-Mulej fil-misteru tat-tbatija tremenda tiegħu.

L-Ispirtu s-Santu huwa l-ispirtu tal-glorja imma fl-istess ħin huwa l-ispirtu li l-Mulej jagħti minn fuq is-salib. Niftakru f’dawk il-famużi kelmiet li jagħtina l-Evanġelju: “Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu” (Ġw 19:30). Wara kollox, espressjoni antika fil-lingwa Semitika tagħna u qrib ħafna l-Aramajk —li kien jitkellem Ġesù—, hija li l-Ispirtu s-Santu nirreferu wkoll għalih bħala ‘Ruħ il-Qodos’. Fit-tradizzjoni antikissima isem l-Ispirtu s-Santu proprju jispjega li huwa r-ruħ tal-qdusija. Il-Mulej tahulna meta Ġesù radd ruħu lill-Missier u li jagħti lill-appostli tiegħu fil-jum tal-irxoxt tiegħu meta jonfoħ fuqhom u jagħtihom l-Ispirtu s-Santu, jagħtihom il-qawwa li jaħfru d-dnubiet (ara Ġw 20, 22-23). Għaliex? Għaliex l-Ispirtu qaddis tal-Mulej mhuwiex biss dak l-ispirtu li jiggwidana lejn il-glorja permezz tat-triq tas-salib imma wkoll l-ispirtu tal-maħfra, tar-rikonċiljazzjoni.

Aħna u nfakkru l-25 sena ta’ Richmond Foundation irridu napprezaw li dawn l-ispirazzjonijiet li l-Mulej ipoġġi f’tant qlub ġenerużi huma wkoll frott tal-ispirtu qaddis tiegħu li ma jikkanċellax is-salib mid-dinja imma jagħtina qawwa nġorruh u jġegħelna ngħinu lil xulxin fit-tbatija tal-ħajja. U dak li qed tagħmlu hija opra sabiħa u jalla tkomplu tagħmluh. Nixtieq nirringrazzjakom ukoll talli, bħala espressjoni tal-gratitudni tagħkom u parti miċ-ċelebazzjonijiet tagħkom, iddeċidejtu wkoll li tirritornaw lejn il-Mulej li hu l-għajn ta’ kull grazzja biex tgħidulu ‘grazzi’.

Il-Mulej ukoll jitkellem dwar l-Ispirtu bħala “xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7:38). L-ilma huwa essenzjali għall-ħajja; kull fejn hemm l-ilma hemm il-ħajja u d-deżert isir deżert minħabba n-nuqqas kroniku tal-ilma. U l-Ispirtu s-Santu huwa din ix-xmara ta’ ilma ħaj għaliex kull fejn hemm hu, hemm l-Ispirtu tal-ħajja, hemm ir-ruħ vera, hemm dak kollu li jagħti sens, li jagħti togħma tajba lil-ħajja tagħna. L-Ispirtu ma jkissirx in-natura tagħna l-bnedmin imma jelevaha għax l-Ispirtu huwa ilma li jippurifika, huwa in-nida ħelwa li lill-pjanta ma tkissirhiex imma kull filgħodu tgħaniha bi ftit arja friska.

Kemm hi ħaġa sabiħa li f’dik is-sħana kbira tas-sajf toħroġ fil-ġnien jew inkella f’bitħa fejn għandek ftit pjanti u tara dawk id-djamanti tan-nida fuq il-weraq, frott tal-kondensazzjoni imma hija wkoll sinjal tal-azzjoni tal-Mulej fil-ħajja tagħna, azzjoni li mhijiex vjolenti imma azzjoni ta’ faraġ u ta’ dawl. Kemm hi ħaġa sabiħa li kif nitrattaw lil xulxin, aħna nimitaw ukoll il-mod kif Alla jġib ruħu magħna: dejjem bil-paċenzja, iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna mingħajr vjolenza, imma b’insistenza kbira ta’ min iħobb ħafna.

Illum nitolbu l-Ispirtu tal-imħabba biex aħna wkoll nitgħallmu bħalu nħobbu lil xulxin b’delikatezza, b’tenerezza, u nkunu għal xulxin ir-ruħ tal-qodos, spirtu li jwassal għall-vera qdusija.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 1, 1-11
Salm: Salm 46 (47), 2-3.6-7.8-9
Qari II: Efes 4, 1-13
Evanġelju: Mk 16, 15-20

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: