Iċ-Ċensiment ġie u għadda


Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar OFMCap

Iċ-ċensiment dwar l-attendenza tal-Maltin għall-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd ġie u għadda. Ir-riżultat ħareġ. U kulħadd għamel u għadu qed jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu. Żgur li d-Djoċesi ta’ Malta ser twettaq l-istudju serju u xjentifiku ta’ dan ir-riżultat kif ukoll pjan ta’ azzjoni bil-għan li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Dan ġie mwiegħed mill-Arċisqof u minn dawk responsabbli. Jekk le inkunu ħlejna flus, żmien u enerġija għal xejn. U dan huwa li nawguraw li jsir bil-għaqal kollu.

censiment.jpgIċ-ċensiment dwar il-partiċipazzjoni tal-quddies li sar is-Sibt, 2 u l-Ħadd 3 ta’ Diċembru 2017, kien hemm min qabel miegħu u kien hemm min le. Kien hemm min kien tal-fehema li ma kienx hemm għalfejn isiru ċensimenti għaliex ir-riżultati tal-attendenza għall-quddies nafuh. Kull kappillan suppost li dan jafu jekk huwa qrib il-merħla afdata f’idejh u għandu tassew ‘ir-riħa tan-ngħaġ’. Kien hemm min ma riedx li jsiru ċensimenti ta’ dan it-tip minħabba l-biża’ li tinkixef ir-realtà. Biża’ mir-realtà! Imma issa li sar, tajjeb li nagħmlu l-almu kollu tagħna bil-għan li jsir l-istudju meħtieġ tar-riżultati li għandna f’idejna.

B’differenza għal dak li kien isir qabel, din id-darba sar ukoll ‘stħarriġ’ bil-għan li l-Knisja jkollha stampa wiesgħa u fattwali tas-soċjetà biex tippjana u taqdi b’mod aktar effettiv il-ħidma pastorali tagħha fis-snin li gejjin. Dan l-istħarrig sar eżatt wara ċ-ċensiment, jigifieri bejn l-4 u t-8 ta’ Diċembru li ghadda. Dan twettaq bit-telefown minn MISCO INTERNATIONAL fost kampjun ta’ elf ruħ, bil-għan li l-Knisja tisma’ lil kulħadd inkluż lil dawk li ma jmorrux għal quddies. Għal dan dan kollu nagħtu prosit lid-’DISCERN’ għall-impenn tiegħu bil-għan li kollox isir bis-serjtà meħrieġa u fuq livell xjentifiku.

IR-RIŻULTATI
Nhar it-12 ta’ April 2018 kellna f’idejna r-riżultati uffiċċjali. Minn dak li ħareġ jidher ċar li qrib il-40 fil-mija tal-Maltin jattendu għall-quddiesa ta’ Jum Il-Mulej, Dan ifisser 11 fil-mija inqas miċ-ċensiment li kien sar 13-il-sena ilu, jiġifieri fis-sena 2005. Hemm min b’dawn ir-riżultati f’idejh jikkonkludi li l-partiċipazzjoni għall-quddies tal-ħdud qed tonqos b’madwar 1 fil-mija kull sena.

Fl-istess waqt ir-riżultati juruna li filwaqt li 92 fil-mija tal-Maltin jistqarru li huma Kattoliċi, 74 minn dawn jattendu għall-quddiesa tal-Ħadd almenu darba fix-xahar. Dawk li ma jattendux regularment għall-quddiesa tal-Ħadd taw ir-raġunijiet tagħhom, fosthom: ‘għax ma naqbilx mat-tagħlim tal-Knisja’ u ‘għax ma nsibx ħin għall-quddies’. Riżultat ieħor li għandna f’idejna permezz ta’ dan l-aħħar ċensiment huwa li 75 fil-mija tal-Maltin jitolbu kuljum.

Tajjeb li ma’ dawn ir-riżultati nżidu wkoll dak li ħareġ mill-’Malta Today Survey’. Skont dan għandek 53 fil-mija tal-Maltin li jmorru l-quddiesa tal-Ħadd filwaqt li 88.8 fil-mija huma kontra li mill-Kostituzzjoni ta’ Malta titneħħa li r-reliġjon kattolika hija r-reliġjon uffiċċjal tal-pajjiż.

REAZZJONIJIET
Dawn riżultati għal uħud kienu mistennija filwaqt għal oħrajn kienu sorpriża. Kienu sorpriża f’żewġ aspetti: għax kien hemm minn stenna riżultati agħar u kien hemm minn stenna aħjar. Nistgħu ngħidu li quddiem dawn ir-riżultati kien hemm tlett reazzjonijiet prinċipali:

1. L-ewwel reazzjoni kienet dik tal-pessimisti u n-negattivi speċjalment fejn jidħlu l-affarijier tal-Knisja. Dawn it-tipi maħkuma minn din l-attitudni ma waqfux jikkritikaw u anke jikkundanaw lill-Knisja, iż-żminijiet li ngħixu fihom, is-soċjetà maħkuma minn sekulariżmu sfrenat, il-politika, u oħrajn. Għalihom kollox qed jispiċċa u morna l-baħar. Dawn huma dik il-kategorija ta’ nies li qegħdin b’idejhom fuq żaqqhom, ma jagħmlu xejn ħlief jistennew li l-affarijiet ikomplu jmorru mill-ħażin għall-agħar.

2. It-tieni reazzjoni kienet dik tal-fatalisti: m’hemmx x’tagħmel! Qed nagħażqu fl-ilma! Għalxejn nipprietkaw. Id-dinja, il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, il-kurrenti huma kollha kontrina. Iwaħħlu fix-xitan (miskin kollox hu jeħel bih). Din il-kategorija ta’ Maltin b’din l-attitudni perikuluża huma dawk li bil-mod il-mod huma wkoll jitħallew jinġarru mall-kurrent u jmorru mall-folla…ma’ dawk li sa issa huma s-60 fil-mija li ma jmorrux il-quddiesa tal-Ħadd. Dawn huma fil-periklu li maż-żmien jitħalltu mall-folla u jsiru parti mill-folla u bħal folla. Hemm iwasslek il-pessimiżmu!

3. It-tielet reazzjoni kienet dik tal-kategorija ta’ Maltin li b’attitudni ferm pożitiva, hu x’inhu r-riżultat taċ-ċensiment, kienu jmorru b’konvinzjoni għall-quddiesa tal-Ħadd u ser jibqgħu jmorru. Huma dawk li filwaqt li b’deċiżjoni ħielsa u matura sejrin jibqgħu jesprimu l-appartenza tagħhom lejn il-Knisja sejrin ikomplu jitħalltu mall-folla tas-60 % bla ma jsiru bħalhom, bla ma joqgħodu jikkritikaw u jikkundunnaw. Ifittux li jinkarnaw fil-folla biex bħal ħmira fl-għaġna jittrasformaw dawk is-60 fil-mija li huma ‘l bogħod mis-sagramenti, mill-Knisja. Aħna msejjħin sabiex inkunu ħmira f’għaġna li mhux bilfors tkun il-Knisja. Dawn iħossu li fiż-żmien li qed ngħixu huma msejjħin sabiex ikunu bħal musbieħ fuq l-imnara fejn jidher, bil-għan li jkunu tassew ‘dawl tad-dinja’.

RIFLESSJONI
Int li qed taqra, nistaqsik:

 Inti ma liema kategorija tgħodd lilek innifsek?

 X’kienet ir-reazzjoni tiegħek quddiem ir-riżultat ta’ l-aħħar taċ-ċensiment?

 Qed tħares lejn l-40 fil-mija li għadhom jippateċipaw u trodd ħajr lil Allla, aktar w’aktar jekk inti magħdud magħhom? Qed tħares lejn l-40 fil-mija u tgħid li jekk dawn huma tassew konvinti mill-fidi tagħhom kapaċi bix-xhieda ħajja li jagħtu jġibu lura lis-60 fil-mija?

 Jew qed tħares lejn is-60 fil-mija li ddedikjaraw li ma jmorrux il-quddiesa tal-Ħadd u tinfexx teħodha kontrihom, tikkritikahom u forsi tikkundannahom? Minn qallek li dawk li ma jmorrux il-quddiesa tal-Ħadd huma agħar minn dawn li jmorru? U minn qallek li dawk li jmorru huma aħjar minn dawk li ma jmorrux?

 Inħarsu lejn ir-riżultat taċ-ċensiment bħal realtà li fil-Knisja kienet teżisti sa minn żmien Ġesù, u tibqa’ teżisti. Minn dejjem kien hemm u jibqa’ jkun hemm dawk li jibqgħu u dawk li jitilqgħu. Għandna l-parabbola ta’ l-hekk imsejjħa Tal-Iben il-Ħali: iż-żgħir fost l-ulied li telaq u l-kbir li baqa’. Imma ż-żgħir irritorna u sar aħjar mill-kbir li baqa’, fejn dan ta’ l-aħħar ma kienx qed japprezza l-valur tal-preżenza tiegħu f’dar missierhu. X’tagħlima kbira għall-40 fil-mija li baqgħu.

 Fir-rakkonti tal-Għid ta’ Kristu Rxoxt għandna wkoll minn telaq u minn baqa’. Għandna lil Tumas li telaq imma reġa’ ġie u iltaqa’ ma’ Kristu Rxoxt. Għandna wkoll lid-Dixxipli ta’ Għemmaws li telqu, imma Ġesù mar jiġri warajhom u baqa’ sakemm ġabhom lura.

Inħallu li dawn ir-riflessjonijiet li qed naqsam magħkom jgħinuna sabiex inħarsu lejn ir-riżultati tal-aħħar ċensiment b’mod tassew oġġettiv, xjentifiku, pożittiv imma fuq kollox bibliku u teoloġiku. Nistgħu ngħidu li f’Malta għandna Knisja mhux tat-tajbin u l-ħżiena, mhux ta’ dawk li baqgħu u dawk li telqu, imma għandna Knisja li qed tinbidel, li qed tiġi trasformata. Nitolbu li l-Ispirtu s-Santu jgħina niskopru dawn is-sinali ta’ żmienna bil-għan li nkunu proattivi.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

2 thoughts on “Iċ-Ċensiment ġie u għadda”

  1. Irridu niehdu dan ic-censiment bis-serjeta. Hija hasra li tant Maltin qed jitraskuraw l-obbligu tal-attendenza ghal Quddiesa u tas-smigh tal-Kelma t’Alla. Irridu nitolbu u nitolbu biex dawn it-talin jirriturnaw fi hdan il-merhla t’Alla, ir-Raghaj li verament irrid il-gid lill kulhadd. Il-Kelma Tieghu Hija Verita li tghaqqadna u Hija ta min jghozza u japprezza. B’dispjacir ninnutaw li f’certi programmi televizivi jirridikulaw it-Tghalim veru ta Sidna Gesu Kristu u jbedu ghadd sostanzjali ta semmiegha mill Knisja Kattolika.

  2. Ma nkunux pessimisti…….Ghawn min ghandu l’ghatx biex ikun jaf izjed . Zaghazah tajbin ghawn hafna, mhux kulhadd fl’istess keffa. Nibqghu naqdfu fil -fond, inxerdu l’kelma tajba u nibqghu naghtu ezempju. Min jaqdef bis-serjeta xi darba jasal ix
    -xatt.Il-Paci maghkom.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.