Riflessjoni fuq il-Qalb ta’ Ġesù


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Meta Sidna Ġesù Kristu sar bniedem bħalna f’kollox barra mid-dnub kellu wkoll qalb. Iżda billi din il-qalb kienet tat-Tieni persuna tat-Trinità nagħtuha kult bħal ma nagħtu lil Alla.

Ġesù jħobbna bla limiti

Il-qalb ta’ sikwit nassoċjawha mal-imħabba. Bil-qalb ma nifhmhux biss il-qalb tal-laħam iżda l-emozzjonijiet li nħossu fl-intern tagħna. Fil-mentalità Semita l-qalb hija ċ-ċentru tal-emozzjonijiet tal-bniedem. Fil-lingwaġġ stess taghna ngħidu li l-inkwiet iweġġa’ l-qalb.

Għalhekk id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù għandha tfakkarna fl-imħabba bla tarf li huwa għandu għalina. Huwa stess jgħidilna: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16).  Din l-imħabba li Ġesù għandu għalina li għandu għalina waslitu biex jiġi fid-dinja sabiex isalvana mill-jasar tad-dnub u l-mewt.  Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann fid-diskors ma’ Nikodemu li diġa’ kkwotajt minnu Ġesù jgħid: “Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta’ Iben il-waħdieni ta’ Alla” (3, 17-18).

Ġesù mhux biss ġie fid-dinja iżda fil-ministeru pubbliku tiegħu għallimna ħafna fuq l-imħabba ta’ Alla. Huwa dejjem għamilha ċara li ma ġiex għat-tajbin iżda biex il-ħżniena jikkonvertu. Huwa stess qalilna: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin” (Mk 2, 17). Tant Sidna Ġesù Kristu ried il-konverzjoni tal-midinbin illi wassal lil Santu Wistin isejjaħlu “It-tabib tal-kuxjenzi” (Il-Belt ta’ Alla, 5,14).

San Ġorġ Preca fil-ktieb tiegħu L-Isptar ta’ Kristu jimmaġina sptar bi Kristu bħala t-tabib tiegħu. Fih diversi swali bħalma hija dik tal-korla, tal-għira, tal-mibegħda, tax-xeħħa, tas-serq, tal-vendetta, “it-Tabib tas-Sema” jagħti l-kura li tkun taqbel għall-marda tar-ruħ biex il-bniedem jista’ jfiq u jkollu l-paċi.

L-imħabba ta’ Ġesù għalina waslitu għall-passjoni ħarxa fuq is-salib. Huwa stess jgħidilna: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw  15,13).  U San Pawl jispjega li l-mewt tiegħu kienet ta’ mħabba billi aħna konnna għedewwa tiegħu permezz tad-dnub: “Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalbu jmut għal; wieħed ġeneruż. Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin” (Rum 5,7-8). Fil-passjoni ma nkunux eżatti jekk ngħidu li Kristu bata iżda rridu ngħidu li Ġesù għamel dan b’imħabba liema bħala.

Il-Qalb ta’ Ġesù tfisser ħajja

Il-qalb huwa dak l-organu tal-bniedem li jippompja d-demm mal-ġisem kollu u hekk ittih il-ħajja. U hekk ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu li l-Qalb ta’ Ġesù tfisser għalina l-ħajja u s-salvazzjoni li huwa kisbilna permezz tal-passjoni, mewt u qawmien tiegħu.

Inġibu lil Sidna Ġesù Kristu mejjet fuq is-salib. U suldat fetaħlu ġenbu b’lanza u ħareġ demm u ilma. Missirijiet il-Knisja raw fl-ilma s-simbolu tal-magħmudija u d-demm l-ewkaristija. Dawn is-sagramenti jagħtu ħajja lin-nisrani. Permezz tal-magħmudija nsiru wlied Alla tant li nistgħu nsejhulu “Abba Missier”. L-ewkaristija hija l-ikel tan-nisrani li huwa rahan tal-ħajja ta’dejjem. Sidna Ġesù stess jgħidilna: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj,li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6, 51).

Inkomplu nżommu quddiem għajnejna lil Ġesù bil-kustat miftuħ fuq il-Kalvarju. Bosta qaddisin raw dan il-kustat miftuħ bħala rifuġju anki tal-midinbin. Ġesù jilqa’ fil-kustat tiegħu l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba anki jekk ikunu qabdu t-triq il-ħażina basta jikkonvertu.

Il-kustat miftuħ ta’ Ġesù  jfakkarna f’arka ta’ Noe. Jekk naqbdu f’idejna l-ktieb tal-Ġenesi naraw li Alla qal lil Noè: “Il-bieb tal-arka tqiegħdu fil-ġenb” (6,16).  U meta ġie l-ilma tad-dilluvju dawk il-persuni u l-annimali li daħlu minn dan il-bieb sabu s-salvazzjoni. U aħna meta nidħlu fil-kustat miftuħ ta’ Kristu nsibu l-ħajja.

Meta nħossuna mifnija mid-dnubiet, in-nuqqasijiet, d-diffetti, l-inkwiet tal-ħajja, u s-slaleb ta’ kuljum tagħna ma għandniex triq oħra ħlief li nirrikorru għand il-Qalb ta’Ġesù. Huwa stess jgħidilna: “Jienu hu t-triq, il-verità u l-ħajja.” (Ġw 14, 6). Jekk naraw id-diskors mas-Sammaritana narawh jitkellem magħha fuq l-ilma tal-ħajja. Jgħidilha: “L-ilma li nagħtih jien isir fihn għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4,14).

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.