L-Evanġelju tat-Tnejn 16 ta’ Lulju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 19:25-27

San Mark isemmilna tlet nisa oħra, tnejn minnhom jidhru li huma l-istess, iżda, jumejn wara, ma sbiħ il-Ħadd u f’sitwazzjoni differenti, meta kollox kien għadu rieqed u kwiet biex minn dak l-irqad tal-mewt u l-kwiet tal-oqbra titnissel l-aħbar li għada triegħed lid-dinja sallum.

San Ġwann isemmilna erba’ minn nies taħt is-salib; wieħed jgħidilna likien hemm b’mod indirett, l-oħrajn, lit-tlet nisa jsemmihom b’isimhom. Donnu lir-raġel li hemm l-Evanġelista jqisu bħala ħaġa waħda ma’ Marija, omm Ġesù: id-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha imma mhux imsemmi separat minnha.

Marija, Omm Ġesù hija dik li, mingħajr ma fehmet, emmnet dak li qalilha l-Mulej; hienja dik li emmnet kulma bagħat jgħidilha l-Mulej. Il-fiduċja tagħha f’Alla mhux biss kienet esperjenza interjuri u personali, iżda kienet tidher, toħroġ minnha, tinħass minn dawk li bħalha huma marbutin ma’ Alla. Din l-esperjenza ta’ dawk li jemmnu jgħaddu minnha dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha, dawk huma omm u ħut Ġesù; dawk li jagħrfu lil xulxin mhux mill-wiċċ jew mil-leħen imma mis-sehem ta’ Alla li jinsab fihom, tgħaqqadhom flimkien mhux ir-rabta tad-demm iżda l-ispirtu li jgħammar fihom, l-ispirtu ta’ Alla li jgħix fihom.

Marija Omm Ġesù hija dik li dak li temmen tgħixu għax tqum u tmur mill-ewwel lejn l-għoljiet biex tagħti daqqa ta’ id lil min kellu bżonnha; dik li tħoss il-ħtieġa u ma tieqafx titħassar, iżda taqbad u tidħol għal min hu fil-ħtieġa. Wieqfa, b’wiċċha minn quddiem, tidħol għal min tinduna li hu fil-bżonn; m’għandhomx inbid. Ma toffrix soluzzjoni lil binha, iżda tqiegħdlu quddiemu s-sitwazzjoni. Hawn taħt is-salib ukoll wieqfa, tqiegħed quddiem binha fl-afja tal-mewt, il-ħtiġijiet tad-dixxiplu: x’se jiġri minn dan? Ġesù, li issa kien jaf li s-siegħa tiegħu waslet, isib is-soluzzjoni u r-rabta ta’ bejniethom, rabta ta’ dixxipli f’mixja, jibdilha f’rabta ta’ ħarsien għat-tnejn. Lilha jħarisha d-dixxiplu bħala l-omm armla, jroddilha iben ġdid biex iħarisha u jieħu ħsiebha u lilu jagħtih omm li tidħol għalih dejjem f’kull ħtieġa.

Marija hija dik li twassal il-kelma essenzjali li kull dixxiplu għandu bżonn vera jagħti kas u xejn iżjed: agħmlu dak li jgħidilkom hu. Il-priedki u l-paneġierki li mdgħorrijin nisimgħu u li forsi matulhom, nongħosu jekk mhux norqdu, għandu jkollhom bħala pedament din il-priedka ta’ l-omm li ma fehmitx u emmnet, li b’ħeffa qamet u marret fejn ħasset li kien hemm il-ħtieġa mingħajr ma qagħdet tqis u tkejjel, u li meta ma kellix soluzzjoni indaħlet għal min kien kien fil-bżonn. Hi kienet taf li kulma tagħmel ma min hu l-iċken kienet qed tagħmlu ma’ binha.

Wieqfa taħt is-salib tingħaqad magħna li għandna bżonn il-fidwa hekk kif Ġesù ingħaqad magħna fid-dnub tagħna meta tgħammed minn Ġwanni u refa’ fuq d-dgħuffijiet tagħna sa fuq is-salib. Il-kobor tagħha mhux fil-ġieh li nagħtuha iżda fit-tisħib tagħha fil-ħajja ta’ binha.

Marija ta’ Kleofa, jista’ jkun li kienet xi qariba ta’ Marija, eżatt eżatt ma nafux kif. Iżda kienet hemm maġenb is-salib ta’ Ġesù. Jekk kinetx mart Kleofa li nisimgħu dwar fl-Evanġelju ta’ San Luqa fit-triq ta’ Emmaws, mhux ċar. Jibqa’ l-fatt li waħda minn dawk li waqfet ma’ Marija f’dan il-ħin li binha kien qed ibati bla ħtija, kien qed imut bla ħtija. Kienet hemm qrib Ġesù f’dan il-mument li qrabatha stess kienu beżgħu minnu minħabba l-ġenn li ħasbu li ħakem lil Ġesù. Ma ddejqitx tidher hemm meta sħabu kollu, jista’jkun anke binha Ġakbu stess, kienu għosfru. Mhux faċli li tidher fejn ħaddieħor jibża’ jkun. Iżda l-imħabba ta’ nies bħalha żżommhom wieqfa fejn kulħadd jissieħeb mal-kurrent u jċedi r-rieda tiegħu għar-rieda tal-merħla.

Marija ta’ Magdala, ħabbet ħafna u baqgħet tħobb anke hawn taħt is-salib. Il-preżenza tagħha taħt is-salib ta’ Ġesù turi li l-passat tal-bniedem mhux importanti quddiem l-għemil tal-fidwa mnissel u mrobbi fl-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin. Il-ħeġġa tagħha għalih żammitha ħdejh li ħabbet ħafna. Il-ħniena li rċeviet u li laqgħet b’qalbha kollha ġibditha lejh u żammitha miegħu għax għenuha tagħraf dinja oħra. Il-fama tagħha u l-għemil tagħha tal-imgħoddi, kien x’kien, ma żammewhiex milli titħi turi wiċċha fejn ħaddieħor warrab.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

One thought on “L-Evanġelju tat-Tnejn 16 ta’ Lulju 2018”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.