Lectio Divina tas-16-il Ħadd. Sena “B”


Vanġelu (Mk 6, 30-34): L-Appostli reġgħu ġew lura mill-missjoni li fdalhom Ġesu. Qalulu kulma għamlu u kif baqgħu mistagħġba meta raw ix-xjtaen jaħarbu. Il-missjoni tal-Kommunita’ Nisranija tal-lum hija l-istess waħda fdata f’idejn l-ewwel Appostli. Ġesu wkoll  kull tant isejħilna qrib tiegħu biex ngħidulu:

(a) x’għamilna: keċċejna x-xjaten, i.e. il-qawwiet tal-ħażen li llum jaħdmu biex lill-bniedem ineżżgħuh mill-umanita’ tiegħu u jibdluh f’bhima salvaġġa. Dan qed nagħmluh bil-qawwa tal-Kelma? Nistgħu ngħidu ‘l Ġesu li l-Komunita Nisranija tagħna hija tant ħajja li minn fostna qed jisparixxu l-egoiżmu, l-vjolenza, il-ġuħ, l-immoralita’, il-gwerer, l-inġustizzji, eċċ. u jsaltnu l-paċi, l-imħabba u l-maħfra? Jew qed nikkuntentaw fi ftit devozzjonijiet biss?

(b) x’għallimna: fit-tagħlim, fl-omeliji u fil-laqgħat qed inħabbru l-Vanġelu ta’ Kristu, jew nagħmlu diskors vag u artifiċjali li ma jolqot l-ebda qalb? Meta joħorġu barra wara l-Quddiesa, in-nies qed jieħdu magħhom messaġġ ċar minqux f’qalbhom biex iġorruh u jipprattikawh il-ġimgħa kollha? Jekk ma jsirx hekk, ix-xjaten li semmejna jibqgħu jaħkmu qlub il-bnedmin. Għalhekk jiħtieġ li mmorru ta’ spiss qrib Ġesu biex nerġgħu nimtlew bl-ispirtu tal-Kelma tiegħu, ħalli ngħallmu lilha u mhux xi raġunar ta’ sens komun li nivvintaw aħna.

  1. “Ejjew miegħi intom biss waħedkom.. u strieħu ftit.” Dan hu invit għall-intimita’ mal-Imgħallem li jkun jistħoqqlu l-Appostlu. Kien hemm drabi oħra fejn Ġesu jieħu l-Appsotli waħedhom, g. biex jispjegalhom il-parabboli biex ikun ċert li ħadu t-tagħlima. Jew meta ħa lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni fuq it-Tabor.  Din l-intimita’ għandha isem ieħor: talba. Mhux dik li ngħidu bl-amment, imma mument fejn niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ mal-Mulej u nisimgħu il-Kelma tiegħu minn fommu stess. Min jgħid li ma jismax lil Ġesu ikellmu sinjal li għadu ma jafux sew. Min jafu sew,  jisma’ x’irid jgħidlu fuq dak li qed jagħmel u jippriedka. Dan il-mument ta’ talb intimu mhux riservat għall-predikaturi biss imma għal kull Nisrani. Hija ħasra li ħafna Nsara jitgħabbew b’ħafna xogħol tant li qatt ma jsibu mument biex jieqfu ftit, jeżaminaw (jiddixernu) x’inhuma jagħmlu, u x’qed jitilfu meta jittraskuraw ir-relazzjoni intima tagħhom mal-Mulej. Dawn mhux qed jagħtu ċans għall-aktar ħaġa mportanti, e.g. li jisimgħu lil Ġesu iwissihom fuq l-imġieba tagħhom.
  2. L-iskop ta’ dan il-waqfien hu il-mistrieħ. Dan mhux xi btala qasira ta’ bil-fors biex, kif naslu lura, nerġgħu għall-ħajja sfrenata ta’ qabel. Dal-mistrieħ irid iwassal għall-paċi u t-trakwillita’ fil-qalb, biex hemmhekk wieħed isib x’inhu li jagħti il-veru sens lil ħajtu.  Nieħdu eżempju: Wieħed ikollu l-inkwiet fuq ix-xogħol jew fil-familja. Jista’ jew (a) jinjorah, jibqa’ għaddej bix-xogħol qisu żugraga u jibda jgħix ħajja doppja faċċa; jew (b) isib ftit ħin fil-kwiet u l-mistrieħ u, flimkien mal-Mulej, jagħrbel minn fejn ġejja l-problema biex isolviha.  Hekk qed jgħid Ġesu llum lill-Appostli: “Ejjew noqogħdu weħidna fil-kwiet ħalli tistrieħu ftit.”
  3. “Kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin.” Dawn jinħassu bħal kotra kbira ta’ nies imħawdin li ma jafux xi jridu. Filli jiġu u filli jaqbdu u jitilqu. Ma kinux ċerti jridux lil Ġesu jew le. Anki llum insibu gruppi ta’ nies bħal dawn li ma jafux għal fejn imorru l-Knisja. Forsi biex jiltaqgħu ma’ xi ħadd biex joqogħdu jpaċpċu, jew ifittxu xi svog fil-festi esterni, baned, nar, tombla, eċċ imma qatt ma jersqu jistrieħu ma’ Ġesu.
  4. “Marru bid-dgħajsa weħidhom.” Tbiegħdu mill-folol, sabu mument ta’ mistrieħ u forsi ċans biex jieklu biċċa ħobż. In-nies fuq l-art ukoll sabu ruħhom weħidhom. Waqfu ġejjin u sejrin u kien għalihom mument ta’ mistrieħ. Għalhekk bdew jirriflettu: “meta kien hawn Ġesu u sħabu smajna kelma tajba, ta’ faraġ. Dawn nies li qed jgħixu ħajja sabiħa. Għandna bżonn nisimgħuhom aktar.” Dan hu messaġġ għalina fil-ħidma pastorali. Kull tant, meta naħsbu li l-messaġġ tagħna mhux qed jasal, aħjar ma nkomplux ninsistu u ninponu l-idejat tagħna. Ejjew nagħtu nifs il dak li jkun, forsi f’waqtiet ta’ mistrieħ jixtarr kliemna u joqgħod jomogħdu bil-mod.  Jekk il-kelma tagħna kienet awtentitka, ħalli ntuha il-ħin tagħha biex taħdem.
  5. “In-nies rawhom sejrin, telqu jiġru bil-mixi u waslu qabilhom.” Id-dgħajsa bl-ewwel Komunita flimkien mal-Imgħallem tbiegħdu mill-folla ta’ nies. Wara li dawn damu ġejjin u sejrin, itellgħu u jniżżlu, issa, wara ftit riflessjoni fil-kwiet u l-mistrieħ, intebħu li dik id-dgħajsa biss tista’ toffri ħajja sabiħa li ġġib paċi, ferħ u mistrieħ. Raw ‘il fejn kienet qed tiġbed, u telqu jgħaġġlu jistennewha fix-xatt. Issa dawn m’għadhomx aktar imħawdin. Jafu biċ-ċar x’qed ifittxu. Anki fil-konfużjoni tal-ħajja tal-lum, ħafna huma dawk li qed ifittxu din id-dgħajsa għax għandhom l-għatx għall-paċi u l-mistrieħ.
  6. “Niżel l-art mid-dgħajsa.” Il-Knisja llum ukoll trid tinżel mill-pedestalli tagħha, toħroġ mill-knisja, tmur tiltaqa’ man-nies u tfittex in-ngħaġ imħawda, u mhux toqgħod tgerger għax in-nies ma jridux jafu, u l-valuri spiċċaw, eċċ. Hawn għatx kbir għall-Kelma tal-verita’. Min ikollu l-għatx jixrob l-ilma li jsib. Għalhekk ħafna jirrikorru għal reliġjonijiet orjentali fejn jipprattikaw meditazzjoni ta’ relax. Dawn huma wkoll “ngħaġ mingħajr ragħaj” li qed jistennew lil xi ħadd jindikalhom ir-Ragħaj it-Tajjeb. In-ngħaġ m’humiex ħżiena, imma bla ragħaj jispiċċaw mitlufin u f’periklu ta’ xi rdum. Anki llum, Ġesu tiġih ħniena minn dawn in-ngħaġ, u jippretendi li l-Komunita’ Nisranija tippreżentalhom il-bniedem li rnexxa, i.e. dak li jixbaħ lil Ġesu ta’ Nazaret. “Tiġih ħniena” jiġifieri jitqanqal fil-profond tal-ġewwieni tiegħu, i.e. sentiment qawwi ta’ mħabba li għandu kemm Kristu u kemm il-Missier Etern għall-umanita’. Il-membri tal-Komunita Nisranija llum hemm bżonn tħoss dawn is-sentimenti lejn il-poplu bil-għatx għal Kristu.
  7. “… u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ” sbieħ bla telf ta’ żmien. Wara li nkunu qattajna ftit ħin ta’ mistrieħ u intimita’ ma’ Ġesu (iritir, lectio Divina, quiet time), inkunu nistgħu aħna wkoll ngħallmu lill-oħrajn.

Sors

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.