L-Erbgħa 19 ta’ Settembru 2018: Is-sit newsbook.com.mt qed jippubblika aħbar xejn sabiħa. Aktar minn nofs miljun tifel u tifla li jgħixu f’żoni ta’ gwerra jistgħu jmutu kaġun ta’ ġuħ estrem, qabel tmiem din is-sena. Dan joħroġ minn riċerka ġdida tal-organiżazzjoni internazzjonali “Save the Children”.
Din l-organzzazzjoni karitatevoli tistma li erba’ miljun u nofs persuni taħt l-età ta’ 5 snin li jgħixu f’żoni ta’ gwerra, din is-sena se jkollhom bżonn kura minħabba li n-nuqqas ta’ ikel qed jhedded ħajjithom. Din hi żjieda ta’ 20% fuq in-numru ta’ dawk li kellhom bżonn din il-kura fl-2016.
Iżda b’din ir-rata, tnejn minn kull tlieta minn dawn it-tfal imġewwħa mhux se jilħqu jingħataw din il-kura tant meħtieġa u allura madwar 590,000 minnhom mistennija jmutu minħabba f’hekk. Dan ifisser li 1,600 tifel u tifla taħt il-5 snin se jkunu qed imutu bil-ġuħ kuljum – tifel kull minuta.
L-analiżi li għamlet Save the Children saret wara li l-aġenziji umanitarji qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas kbir ta’ fondi biex iwieġbu għal appelli urġenti tan-Nazzjonijiet Uniti f’żoni ta’ gwerra fejn bi ksur tal-liġijiet internazzjonali, il-partijiet fil-kunflitti mhux qed iħallu l-ikel jasal għand it-tfal li għandhom bżonnu.
Tfal b’nuqqas sever ta’ ikel ikollhom ukoll is-sistemi li jiġġieldu l-mard dgħajfa u allura huma aktar esposti għal imwiet minn mard bħal kolera, malaria, u pneumonia minn tfal normali. Anke jekk jgħixu, l-effetti tan-nuqqas ta’ ikel jistgħu jibqgħu jkaxkru ħafna f’dawn it-tfal u jaffettwawhom kemm fiżikament kif ukoll mentalment.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Save the Children qal li “fl-2018 ebda tifel jew tifla ma għandu jmut bil-ġuħ. Iżda n-numru ta’ nies bil-ġuħ fid-dinja qed jerġa’ jikber. Dan hu tal-mistħija. Il-ġuħ mhux inevitabbli.”
“Ħafna minn dawn it-tfal jgħixu f’żoni ta’ gwerra. Ħafna drabi qed naraw li n-nuqqas ta’ ikel qed iservi bħala arma ta’ gwerra meta konsenji ta’ ikel ma jitħallewx jaslu għand min għandu bżonnhom. Dan qed jiġri fil-Yemen, is-Sirja u s-Sudan t’Isfel, fost pajjiżi oħra. Din it-tendenza perikoluża trid titwaqqaf. Il-partijiet f’kunflitt iridu jimxu mal-obbligi tal-liġijiet internazzjonali u jagħtu aċċess lill-għajnuna umanitarja. Hemm bżonn ukoll li l-komunità internazzjonali toħroġ aktar flus biex ikunu salvati aktar ħajjiet ta’ tfal.”
L-organizzazzjoni tistma li 300,000 tifel u tifla fir-Republika Demokratika tal-Congo huma fil-periklu tal-mewt għax il-fondi biex dawn jiġu mitmugħa huma anqas minn 10% ta’ dak li hu meħtieġ. 35,000 tfal nieqsa mill-ikel jistgħu jmutu wkoll fil-Yemen fejn ikel u mediċini mhux qed jitħallew jaslu għand min għandu bżonnhom.
Rapport mill-Kamra atl-Aħbarijiet ta’ Radju Marija