Chiara Corbella, l-omm żagħżugħa li tat ħajjitha għal binha fil-ġuf


Il-Ħamis 20 ta’ Settembru 2018: Nibqgħu fuq it-tema tal-imħabba – din id-darba l-imħabba ta’ omm lejn binha fil-ġuf. Is-sit newsbook.co.mt ippubblika l-ġrajja ta’ Chiara Corbella. Il-ġimgħa li għaddiet id-djoċesi ta’ Ruma ħabbret li nbeda l-proċess għall-beatifikazzjoni u kanoniżazzjoni ta’ mara Taljana li rrifjutat it-trattament għall-kanċer biex ma tipperikolax it-tqala tagħha.

9781622823055.jpgChiara Corbella, mietet fit-13 ta’ Ġunju 2012. Omm ta’ fidi kbira f’Alla li dejjem fdat fil-provvidenza t’Alla anke meta l-uġiegħ u t-tbatija daħlu f’ħajjitha.

Il-ftuħ uffiċjali tal-kawża tal-Beatifikazzjoni tagħha se jsir għada l-21 ta’ Settembru fil-Bażilka ta’ San Ġwann Lateran f’Ruma li hi kbira biżżejjed biex tesa n-numru kbir ta’ persuni li mistennija jattendu għall-quddiesa apposta. Dak inhar jaħbat ukoll l-10 anniversarju taż-żwieġ tagħha ma’ Enrico Petrillo.

Għall-funeral tagħha li kien sar fil-parroċċa ta’ Santa Francesca Romana kienu marru aktar minn elf persuna biex jiċċelebraw il-memorja ta’ din l-omm li tat ħajjitha għal binha, bi tbissima fuq fommha. Sal-lum ħafna għadhom imorru f’pellegrinaġġ għal qabar tagħha fiċ-ċimeterju ta’ Verano f’Ruma.

F’ħajjitha Chiara Corbella ffaċċjat ħafna sfidi. Iltaqgħet ma’ żewġha f’Medjugorje u kellhom relazzjoni normali bit-tlugħ u nżul tagħha sakemm iżżewġu. L-ewwel tarbija tagħhom – Maria Grazia Letizia – għexet biss għal nofs siegħa. It-tieni tifel – Giovanni Davide – ukoll miet ftit wara li twieled kaġun ta’ deformazzjonijiet kbar li kellu.

“Fiż-żwieġ tagħna, Alla għoġbu jirregalalna tfal speċjali”, kitbet Chiara fid-djarju tagħha “u talabna nakkumpanjawhom biss sat-twelid, ħalliena ngħannquhom, ngħammduhom u nagħtuhomlu b’ferħ u serenità.”

Meta ħarġet tqila għat-tielet darba, kieku kienet oħra kien ikollha raġun ma tkunx ottimista. Iżda l-mara kellha fidi kbira u ras iebsa u kienet issegwi ħafna lil San Ġwanni Pawlu II. Kienet il-fidi tagħha li mexxietha meta fil-ħames xahar tat-tqala saret taf li kellha kanċer u rrifjutat il-kura biex issalva t-tarbija avolja kienet qed tpoġġi ħajjitha f’riskju.

Lil dawk ta’ madwarha li ppruvaw jibdlulha fehmitha kienet tgħidilhom bid-daħka, “Lesta nilqa’ din il-marda imma jekk toqgħodu titkerrħuli mhux se jirnexxili”. Wara li welldet it-tarbija b’saħħitha – Francesco – Chiara Corbella mietet kawża tal-kanċer fl-età ta’ 28 sena.

Fl-istqarrija tad-djoċesi fejn tħabbar li se tibda l-kawża għall-beatifikazzjoni tagħha ntqal li: “Din il-mara tibqa’ raġġ ta’ tama, xhud tal-fidi f’Alla awtur tal-ħajja, eżempju ta’ mħabba li hi akbar mill-biża’ u mill-mewt.”

Issa, ħames snin biss wara mewtha, din il-mara żagħżugħa bdiet it-triq tagħha lejn il-qdusija. Dan sar aktar faċli permezz tad-Digriet tal-2017 tal-Papa Franġisku “Maiorem hac Dilectionem” li żied kategorija oħra fil-mixja għall-qdusija – “dawk li joffru ħajjithom għal Alla u l-proxxmu”.

Skont il-Liġi Kanonika l-passi li jmiss huma li jkun stabbilit li Chiara Corbella għandha l-fama ta’ qaddisa fost il-poplu u li jsiru grazzji bl-interċessjoni tagħha. “Il-fama għall-qdusija hi dejjem ispirata mill-Ispitru s-Santu”, qal il-Postolatur tal-kawża tagħha, il-Patri Karmelitan Romano Gambalunga.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.