L-Evanġelju tal-Ħamis 20 ta’ Settembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 7, 36-50

San Luqa jirrakkonta din il-ġrajja fl-ewwel paragrafu b’ħafna verbi. Stieden, jiekol, daħal, qagħad, saret taf, ġiebet, marret, qagħdet warajh tibki, xarrbitlu, tixxottaniset u dilket. Il-movimenti li juru dawn il-verbi jagħtuna kwadru ta’ kuntrasti, li mill-ewwel jiġbidlek għajnejk fuqu.

Hemm ukoll tlitt protagonisti. Xmun il-Fariżew, Ġesù u l-midinba magħrufa. Xmun u l-midinba, liisimha ma nafuhx għalkemm kienet magħrufa huma ż-żewġ estremi.

Xmun huwa l-Fariżew li jidher li josserva l-liġi sa l-inqas dettal, dak li b’ilbiesu wkoll juri dak li jemmen fih, il-preżenza tiegħu mhux biss hija manifestazzjoni ta’ kif għandu jġib ruġu kull Lhudi, iżda ċanfira għal dawk li jiksru imqar l-iċken fost il-liġijiet. Minkejja dan, Luqa jgħidilna li naqas bil-kbir li josserva l-liġijiet tal-ospitalità, ma offriex ilma biex Ġesù jaħsel riġlejh u lanqas biesu biex jagħtih merħba f’daru. Barra minn hekk Ġesù jurih li ma stidnux għall-ikel għax stmah ta’ dak li hu, il-messija, għax rasu ma dilikhielux biż-żejt biex jurih li hu l-ikkonsagrat. Minn dan jidher ċar li l-għan ta’ Xmun il-Fariżew, ma kienx li jilqa’ lil Ġesù bħala ħabib, iżda biex f’ambjent informali, waqt ikla, jkun jista’ jinterrogah u jonsbu. Ġesù u għaqli bħas-sriep u mhux biss jinduna b’dan kollu, imma lil Xmun li tkaża bih u ħaseb li b’dak li ra induna li Ġesù kien falz, jurih li nduna. Lil Xmun jurih li l-kobor tal-Messija mhux f’li jaqra l-qlub u jagħraf il-midinbin, iżda li jagħdirhom u jaħfrilhom.

Ilkoll kemm ħana xi ftit jew wisq nifirħu meta d-dnub ta’ ħaddieħor jidher ikbar minn tagħna, għax tagħna jistaħba fid-dell tiegħu. Għalhekk tant inisbuha faċli nippuntaw subgħajna u nqarrsu wiċċna u nitkażaw u niskandalizzaw ruħna meta jissemma u jixxerred id-dnub ta’ xi ħadd, u iktar kemm dak ix-xiħadd ikun fil-għoli iktar nogħxew u nifirħu għax nistgħu inkomplu nidinbu mingħajr ma nidhru fid-dawl ta’ għajnejn il-kotra. Mingħalina li għax id-dnub tagħna ma jidhirx jew mhux ‘kbir’ daqs ta’ ħaddieħor, allura nistgħu inkomplu nwettquh. Nitkażaw b’min jispara u joqtol imma ma niddejqux nitfgħu kliem bl-addoċċ mimli mibgħeda u istigazzjoni għall-vjolenza meta nkunu miġbura x’imkien jew moħbija wara monitor u keyboard, b’ħafna sarkażmu; ma niddjequx niżirgħu id-dubji fuq il-proxxmu anke proxxmu li mhux biss qatt m’għamlilna ħsara iżda li lanqas biss nafuh jew jafna, u b’ħarsa ta’ innoċenza falza f’għajnejna, nippruvaw nidhru li ma qed ngħidu xejn.

Il-midinba hija magħrufa għax ħafna kienu jinqdew bis-servizzi tagħha. San Luqa jħalliha mkebba f’velu ta’ misteru. Ma jgħidilniex id-dnub tagħha x’kien, iżda anke aħna mill-ewwel moħħna mara naħa waħda, iġġudikjanieha jekk ma kkundannajnihiex ukoll. Ejjew inkomplu niġġudikaw. Xmun kien jaf min hi u forsi ma rrabjax daqskemm kellu jirrabja meta daħlet mill-bieb ta’ daru ’l ġewwa. Żgur li qajmet ferment sħiħ ikat u iktar meta marret tinstasab ħdejn riġlejn Ġesù mimdud fuq ġenbu għall-ikel.

Bkiet u bkiet ħafna; xerrdet dmugħa kollu biex xarrbet riġlejn Ġesù. “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, ta’ min ixandar is-sliem, ta’ min iħabbar ir-risq, ta’ min ixandar is-salvazzjoni, u jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek isaltan!’. […] Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għajtu lkoll bil-ferħ, għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu, feda lil Ġerusalemm. Kixef il-Mulej id-driegħ tiegħu qaddis, quddiem il-ġnus kollha, u raw it-truf kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna” (Is 52:7,9-10) kien ħabbar Iżaija. Riġlejn Ġesù wassluh biex jiftaħ kull bieb ta’ ħniena u mogħdrija għal kullmin il-bnedmin sakkruh barra, għax il-bnedmin għandhom ħila jsakkru f’wiċċ bnedmin oħra kull bieb. Ftit li xejn il-bnedmin li jsakkru l-bibien għal ħaddieħor ikunu qed isakkru lilhom infushom barra u jarmu ċ-ċavetta.

Faċli nikkundannaw biex ngħattu lilna nfusna. Iżda ma rridux ninsew li l-ħniena mhix biss għall-vittmi imma għal dawk li jivvitimiżżaw ukoll, għax Alla x-xemx tiegħu fuq kulħadd itellagħha u x-xitatiegħu tinżel sew fuq it-tajbin u sew fuq il-ħżiena, sew fuq il-vittmu u sew fuq min jagħmilhom vittma. Waħda mill-aħħar kelmiet tiegħu fuq is-salib kienet għal dawk li għamluh vittma bla ħtija: aħfrilhomgħax ma jafux x’inhuma jagħmlu.

Dawk li staqsew: Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll? insew li mn’Alla kien hemm għax seta’ jaħfer dnubhom ukoll.