Il-Festa’ tal-Madonna tar-Rużarju


RIFLESSJONI FUQ IL-FESTA TAR-RUŻARJU. KIF NITOLBU DIN IT-TALBA AĦJAR.   Il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju bħala tifkira obbligatorja fis-7 ta’ Ottubru.

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Imwaqfa minn San Piju V

Infatti ser inġib nota ta’ x’inhija din il-festa, mill-Liturġija tas-Sigħat: “Din it-tifkira riedha ssir il-Papa S. Piju V fl-anniversarju ta’ meta l-flotta tal-insara ħarġet rebbieħa fuq il-għadu f’Lepanto (1571), rebħa li l-insara dejjem kienu jafuha lil Omm Alla, li tathom il-għajnuna wara li daru lejha bit-talba tar-Rużarju. Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum tħeġġeġ lil kulħadd għall-meditazzjoni tal-misteri ta’ Kristu, f’għaqda ma’ Marija, li ssieħbet b’mod speċjali mal-Iben ta’ Alla fl-Inkarnazzjoni, fil-passjoni u fil-qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet”.

Infatti din il-festa hija msejħa tar-Rużarju. U verament ir-Rużarju huwa meditazzjoni tal-Misteri ta’ Ġesù u Marija. L-ewwel ħames misteri tal-ferħ jirrigwardaw kollha lil Ġesù u Marija. Imbagħad fil-misteri tat-tbatija Sidna Ġesù Kristu biss huwa msemmi. Però, kif jgħidilna l-Konċilju Vatikan II, Marija ssieħbet mas-sagrifiċċju ta’ Kristu tant li l-innu tat-tifħir ta’ sbieħ il-jum fil-Liturġija tas-Sigħat isemmi r-rabta ta’ Marija mal-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.

“Sliem għalik, li nfnejt bin-niket,
fl-agunija u s-swat bla ħniena,
fix-xewk iebes u l-mewt ħarxa,
ta’ Ġesù, omm twajba martri”.

Fl-aħħar, il-misteri tar-rużarju jirrigwardjaw il-glorji ta’ Ġesù u Marija. Insibu fihom il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet kif ukoll it-tlugħ fis-sema tal-Verġni Marija.
John Henry Newman jgħid li r-rużarju huwa l-Vanġelu fil-qosor. Infatti r-Rużarju jikkonsisti fi ħmistax-il misteru li fil-qosor jiġbru l-ħajja ta’ Ġesù u Marija.
Kultant insibu min jistaqsi … għaliex l-episodji tal-Vanġeli nsejħulhom misteri? Ir-risposta hija waħda faċli. Dan mhux għax hemm xi ħaġa misterjuża jew li ma nistgħux nifhmuha, iżda huma episodji tant għanja fis-sinjifikat tagħhom li rridu nagħmlu sforz fuqna nfusna biex nimmeditaw fuq dawn l-episodji.

Meta Sant’Injazju ta’ Loyola ġie biex jikteb “L-Ezerċizzji Spiritwali” għamel meditazzjonijiet profondi fuq il-misteri ta’ Kristu u ta’ Marija. Huwa għamel dan il-ktieb għal dawk li jridu jibdew jgħixu ħajja spiritwali. Dawn l-eżerċizzji jistgħu jagħtuna ħjiel ta’ kif nikkontemplaw il-misteri tar-rużarju. Hekk nistgħu ngħidu li min irid jaqbad it-triq tal-qdusija jrid jibda l-ewwel mill-meditazzjoni ta’ dawn il-misteri tar-rużarju.

Ir-Rużarju huwa talba vokali u kontemplattiva

Ir-rużarju huwa talba meditattiva kif ukoll vokali. Infatti l-Knisja dejjem tat importanza lil dawn iż-żewġ forom ta’ talb. Permezz tax-xofftejn in-nisrani jkun ifaħħar lil Alla filwaqt li permezz tal-meditazzjoni jkun jersaq fil-qrib lejn il-misteru li jkun qiegħed jimmedita.

Għalhekk hija verament ħasra fi żmienna li tisma’ li xi persuni jabbandunaw din it-talba, għax forsi jsibuha monotona jew li ma tagħmilx sens. Jekk fi żmienna hawn qawmien spiritwali ta’ forom orjentali ta’ meditazzjoni, allura wasal iż-żmien li nisħqu aktar li r-rużarju huwa talba meditattiva li ġġibna f’kuntatt ma’ Alla.

Il-ħajjiet tal-qaddisin ma kienux jikkonsistu fl-għemejjel straordinarji iżda kellhom ħajja magħquda ma’ dik ta’ Alla permezz tat-talb. U proprju r-rużarju huwa talba sempliċi li jista’ jgħidha kulħaddd (kleru, reliġjużi u lajċi) bi profitt spiritwali mill-aqwa. Ir-rużarju beda bħala talba tal-lajċi. Il-kleru kellu l-Brevjar filwaqt li l-lajċi li fil-Medju Evu ma kienux jafu jaqraw sabuha ħafifa li jgħidu r-Rużarju. Hija talba sempliċi iżda għanja fl-iskop tagħha għax tgħaqqad in-nisrani mal-misteri ta’ Sidna Ġesù u Ommu Marija.
Ommna tas-sema tieħu wisq gost bina meta nitolbu permezz tat-talba tar-Rużarju. Barra li nkunu qegħdin nimmeditaw fuq il-misteri tal-Vanġelu, ngħidu b’xofftejna tant talb sabiħ li huma l-Missierna, is-Sliema, il-Qaddisa u l-Glorja.

Permezz tal-Missierna nkunu qegħdin infaħħru lill-Missier tagħna tas-sema. Fiha talb sabiħ fejn fl-ewwel parti nħarsu lejn is-saltna ta’ Alla waqt li fit-tieni parti tagħha tidher il-providenza tiegħu. Hija talba sabiħa għax ħarġet mill-fomm stess ta’ l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Jekk tassew noqogħdu nixtarru l-Missierna allura jkollna nistqarru li hija talba minnha nnifisha. Infatti fiha nitolbu lil Alla biex jitqaddes ismu, tiġi s-saltna tiegħu, kif ukoll biex issir ir-rieda tiegħu. Imbagħad fit-tieni parti nitolbu lill-Missier biex jagħtina l-ħobżna ta’ kuljum, biex jaħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min huwa ħati għalina u biex jeħlisna mit-tiġrib. Kull rużarju fih ta’ l-anqas ħames “Missierna” waħda ma’ kull misteru. Fir-rużarju kemm infaħħru lil Alla u forsi lanqas nittendu kemm mill-fomm tagħna qiegħed joħroġ tifħir sabiħ lil min ħalaqna!

Jixbah lill-kuruna ta’ fjuri

Infatti r-rużarju qisu kuruna ta’ fjuri. Kull fjura hija Missierna, Sliema, Qaddisa jew Glorja.

Permezz tas-Sliema nkunu qegħdin nagħtu l-istess tifħir lill-Marija li taha l-anġlu Gabriel meta mar iħabbrilha li se ssir Omm Alla. Fil fatt kull rużarju fih ħamsin Sliema kif ukoll ħamsin Qaddisa.

Il-Qaddisa hija talba sabiħa li biha nindirizzaw lil Marija bħala “Qaddisa”. U nistaqsu: Min jista’ jkun aktar qaddis minn Marija ħlief Alla, hija li ġiet meħlusa għal kollox minn taħt il-ħakma tax-xitan, għax Alla għall-merti ta’ Sidna Ġesù Kristu ma ħallihiex tittebba’ lanqas għal mument wieħed bid-dnub tan-nisel?

Il-Glorja hija talba oħra li biha nagħtu tifħir lit-Trinità. Nistgħu ngħidu li l-kelmiet tal-Glorja biss jistgħu jservuna ta’ meditazzjoni mill-isbaħ fis-silenzju kontemplattiv.

Però, filwaqt li nfaħħru l-materjal li fih ir-rużarju, irridu nkunu realistiċi u nammettu li f’din it-talba wieħed ma jistax jimmedita kollox. Lanqas irridu nkunu idealisti u ngħidu li r-Ruzarju hija xi talba diffiċli.

Ġaladarba hija talba vokali u meditattiva fl-istess hin, ma ħin wieħed ma jistax joqgħod jimmedita kull ħaġa li fih ir-rużarju. Għalhekk hawn min jagħti dan il-parir. Daqqa wieħed jimmedita fuq il-misteru u daqqa jimmedita fuq xi talba bħall-Missierna, Sliema, Qaddisa u Glorja. Naturalment kull wieħed irid isib il-metodu tiegħu kif jista’ jitlob permezz ta’ din it-talba tar-Rużarju.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.