Il-Papa f’Santa Marta: Qalb maqtugħa mill-flus, tistabar fil-persekuzzjoniet u fis-solitudni.


Il-Ħamis 18 ta’ Ottubru 2018: Fl-omelija li għamel illum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa tkellem dwar tliet modi kif in-nisrani għandu jgħejx il-faqar u fakkar ukoll li llum il-ġurnata hemm bosta nsara li huma peresegwitati minħabba l-fidi.

Id-dixxiplu qal il-Papa Franġisku, hu msejjaħ għal tliet għamliet ta’ faqar: l-ewwel li jiċħad l-għana, li ma jorbotx qalbu mal-flus, it-tieni li jaċċetta l-persekuzzjonijiet, kbar jew żgħar, il-kalunnji wkoll, minħabba l-Vanġelu, u t-tielet il-faqar tas-solitudni, li tħossok waħdek, l-aktar lejn tmiem ħajtek.

Għar-riflessjoni tiegħu l-Papa tnebbaħ mill-Koletta tal-quddiesa lo fiha, permezz ta’ San Luqa, il-Mulej ried juri li jippreferi lill-foqra.  Il-Vanġelu mbagħad, ikellimna dwar it-72 dixxiplu mibgħutin fil-faqar: tieħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq – għax il-Mulej irid li t-triq tad-dixxipli tiegħu tkun dik tal-faqar.  Id-dixxiplu b’qalbu marbuta mal-flus jew mal-għana mhux dixxiplu veru.

L-omelija kollha tal-Papa kienet iddur fuq dawn it-tliet kundizzjonijiet ta’ faqar tad-dixxipli u kif għandhom jingħexu.  L-ewwel waħda: li ma tintrabtax mal-flus hi l-kundizzjoni biex tibda t-triq tad-dixxipulat, qal Franġisku.  Ifisser li jkollok qalb fqira, u anki jekk fl-istrutturi jew l-organiżżazzjonijiet tal-ħidma tal-appostolat hemm ir-rikezza, għandha tintuża tajjeb u b’mod distakkat, wissa l-Papa.

Il-ġuvni għani tal-Vanġelu qanqal qalb Ġesù imma mbagħad ma kellux ħila jimxi warajh għax kellu qalbu marbuta mal-għana.  Jekk trid timxi wara l-Mulej, issokta Bergoglio, agħżel it-triq tal-faqar u jekk għandek il-ġid għax il-Mulej ipprovdiehulek biex bih tgħin lill-oħrajn, ara li qalbek tkun distakkata.  Id-dixxiplu m’għandux jibża’ mill-faqar anzi, għandu jkun fqir, tenna l-Papa Franġisku.

It-tieni għamla ta’ faqar hi dik tal-persekuzzjonijiet.  Infatti, fis-silta tal-Vanġelu tal-lum il-Mulej jibgħat lid-dixxipli bħal ħrief qalb l-ilpup.  U llum ukoll hemm ħafna nsara persegwitati u kalunjati minħabba l-Vanġelu.

Ilbieraħ, issokta Franġisku, fl-awla tas-Sinodu, isqof minn wieħed mill-pajjiżi fejn hemm il-persekuzzjoni rrakkonta li ġuvnott kattoliku inħataf minn grupp ta’ żgħażagħ li jobgħodu l-Knisja, fundamentalisti.  Sawwtuh u mbagħad tefugħ f’bir u bdew jitfgħu t-tajn fuqu.  Meta t-tajn wasal sa għonqu ordnawlu: “Għid li tiċħad lil Ġesù!”  “Le”, weġibhom.  U mbagħad tefgħulu ġebla u qatluh.  Dan mhux fl-ewwel sekli, dan seħħ xahrejn ilu.  Huwa eżempju minn fost il-ħafna nsara li qed isofru persekuzzjonijiet fiżiċi.

Iżda hemm għamliet oħra ta’ persekuzzjoni, dik tal-kalunja, tad-diċeriji.  U n-nisrani jiskot, jittollera dal-faqar.  Kultant ikun hemm il-bżonn li wieħed jiddefendi ruħu biex ma jinħoloqxx skandlu…. il-persekuzzjonijiet fil-kwartier fejn toqgħod, fil-parroċċa,.. huma persekuzzjonijiet żgħar imma huma prova, il-prova tal-faqar.  Huwa t-tieni stat ta’ faqar li jitlob minna l-Mulej: li nilqgħu l-persekuzzjonijiet bl-umilltà.  Din hi forma oħra ta’ faqar.

Hemm imbagħad it-tielet għamla ta’ faqar: dak tas-solitudni, tal-abbandun.  Għandna eżempju ta’ dan fl-ewwel qari, fl-ittra lil Timotju li fiha l-kbir Pawlu, li ma jibża’ minn xejn, jgħid li fl-ewwel difiża tiegħu ħadd ma kien għenu, “abbandunawni lkoll”, jistqarr.  Imma l-Mulej kien qribu u tah il-qawwa.

Huwa l-abbandun ta’ ġuvni, tfajla, li ta sbatax jew għoxrin sena, jabbandunaw kollox biex bl-entużjażmu jimxu wara Ġesù, b’rieda sħiħa u fedeltà, u jittolleraw il-kalunji u l-presekuzzjoni, l-għira tal-ħajja ta’ kuljum.

Hemm imbagħad is-solitudni tal-aħħar jiem.  Niftakar, qal Franġisku, fl-akbar bniedem tal-umanità, kif sejjaħlu Ġesù stess: Ġwanni l-Battista.  Predikatur kbir imfittex min-nies biex jgħammidhom.  Kif spiċċa?  Waħdu, imsakkar fil-ħabs.  Aħsbu ftit, qal Franġisku, u ftakru x’kienu l-ħabsijiet dak iż-żmien.  Waħdu, minsi, b’rasu mħanxra minħabba d-dgħufija tar-re, il-mibgħeda ta’ adultera u l-kapriċċ ta’ tfajla.  Hekk intemm l-akbar bniedem tal-istorja.  U biex ma mmmorrux wisq ‘il bogħod, niftakru fid-djar tal-anzjani fejn hemm saċerdoti, sorijiet li għaddew ħajjithom jipprietkaw u issa jinsabu waħedhom, waħedhom mal-Mulej: u ħadd ma jiftakar fihom.

Għamla oħra ta’ faqar li Ġesù jfakkar lil Pietru x’ħin jgħidlu li meta kien tifel kien imur fejn irid, imma meta jixjieħ, se jeħduh fejn ma jkunx irid imur.

Għalhekk it-tielet forma ta’ faqar hi dik li tħossok abbandunat lejn tmiem ħajtek.  Hija t-talba ta’ Ġesù: “Missier għaliex tlaqtni!”

Il-Papa temm jistedinna biex nitolbu għad-dixxipli kollha, saċerdoti, sorijiet, isqfijiet, papiet, lajċi, sabiex jagħrfu jterrqu t-triq tal-faqar li jrid minna l-Mulej.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.