Il-Papa f’Santa Marta: Nersqu lejn Ġesù billi nagħrfu li aħna midinbin


Il-Ħamis, 25 ta’ Ottubru 2018: Nagħrfu li aħna midinbin, konkretament, u nsiru nafu l-imħabba ta’ Ġesù biex ma nkunux insara tal-kliem biss. Il-Papa Franġisku għamel din l-eżortazzjoni fl-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta l-Ħamis 25 ta’ Ottubru.

Min hu Ġesù għalik? Jekk xi ħadd jistqsina “min hu Ġesù Kristu?”, it-tweġiba tagħna tkun dik li tgħallimna: is-Salvatur tad-dinja, Bin il-Missier, dak li nistqarru fil-Kredu. Iżda, qal il-Papa Franġisku, hija aktar diffiċli nwieġbu l-mistoqsija dwar min hu Ġesù Kristu “għalija”. Hi mistoqsija li tfixkilna xi ftit għax biex inweġibha “irrid nidħol fil-qalb tiegħi”, jiġifieri nibda mill-esperjenza personali.

Infatti, l-ansjetà ta’ San Pawl hi li jgħaddi l-messaġġ li hu sar jaf lil Ġesù Kristu mill-esperjenza tiegħu, meta waqa’ minn fuq iż-żiemel, meta l-Mulej kellem lil qalbu. Ma bediex isir jaf lil Ġesù mill-istudju tat-teoloġija, minkejja li wara mar ifittex kif Ġesù kien imħabbar fl-Iskrittura.

San Pawl irid li aħna l-insara nħossu dak li ħass hu. Għall-mistoqsija li aħna nistgħu nagħmlu lil Pawlu: “Min hu Kristu għalik?”, hu jagħtina l-esperjenza tiegħu: “Hu ħabbni u ta’ lilu nnifsu għalija”. Hu mwaħħad ma’ Kristu li ħallas għalih. B’din l-esperjenza Pawlu jrid li aħna l-insara – fil-każ tal-qari tal-ġurnata, l-insara ta’ Efesu – ikollna din l-esperjenza, nidħlu fiha sal-punt li kull nisrani jkun jista’ jgħid: “ħabbni u ta ruħu għalija”, imma jgħidha minħabba l-esperjenza personali.

L-ewwel qari tal-liturġija tal-ġurnata, issokta l-Papa Franġisku, hi meħud mill-ittra ta’ Pawlu lill-Efesin li fiha l-Appostlu jgħid: meta permezz tal-fidi tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba…. tifhmu x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla.

U biex naslu għall-esperjenza ta’ Ġesù li kellu San Pawl, il-Papa Franġisku saħaq li jekk nirreċitaw il-Kredu ħafna drabi nsibu għajnuna, imma l-aħjar triq hi li nagħrfu li aħna midinbin: dan hu l-ewwel pass. Infatti, meta Pawlu jgħid li Ġesù ta lilu nnifsu għalih, irid ifisser li ħallas għalih, u dan jirrakkuntah fl-Ittri tiegħu.

L-ewwel deskrizzjoni li jagħti tiegħu innifsu hi għalhekk “li hu midneb”, u jgħid li hu kien ippersegwita lill-inasara u jibda propju mill-fatt li hu kien magħżul għall-imħabba, imma għax hu midneb. L-ewwel pass biex insiru nafu lil Ġesù, biex nidħlu f’dal-misteru – tenna l-Papa – hu li nagħrfu d-dnub tagħna, dnubietna.

Franġisku ssokta jgħid li fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni “aħna ngħidu dnubietna” imma ħaġa tgħid dnubietek u hija ħaġa oħra li tagħraf li int midneb min-natura, li kapaċi tagħmel kollox, li tagħraf il-ħmieġ. San Pawl, kompla jgħid Franġisku, kellu din l-esperjenza tal-miżerja tiegħu, li kien jeħtieġ li tinfeda, li xi ħadd kellu jħallas biex jirhan id-dirtt li hu (Pawlu) jissejjaħ “iben Alla”. Ilkoll aħna midinbin, imma biex ngħidu dan, biex nħossuh, kien hemm bżonn is-sagrifiċċju ta’ Kristu. Għalhekk hemm bżonn li nagħrfu lilna nfusna bħala midinbin konkretament, u nistħu minna nfusna.

Hemm imbagħad it-tieni pass biex insiru nafu lil Ġesù: dak tal-kontemplazzjoni, tat-talb biex nitolbu lil nsiru nafuh. Hemm talba sabiha ta’ wieħed qaddis li fakkar il-Papa: “Mulej jalla nsir nafek u inti ssir tafni”, nagħrfu lilna nfusna u nsiru nafu lil Ġesu”. Hawnhekk insibu l-konnessjoni mas-salvazzjoni, osserva Franġisku, li ħeġġiġna biex ma nikkuntentawx li ngħidu xi erba’ kelmiet “f’lokhom” dwar Ġesù għax li nkunu nafu lil Ġesù hija avventura, avventura serja mhux avventura tat-tfal, għax l-imħbba ta’ Ġesù hi bla tarf.

Pawlu stess jgħid: “Hu, li bis-setgħa tiegħu li taħdem fina għandu l-qawwa li jagħmel kollox bil-wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu”. Imma dan irridu nitolbuhulu. “Mulej jalla nsir nafek; biex meta nitkellem dwarek ma ntennix kliem bħall-pappagall, imma ngħid dak li nħoss mill-esperjenza personali. U nkun nista’ nistqarr bħal Pawlu: “Ħabbni u ta lilu nnnifsu għalija”, u dan ngħidu b’konvinzjoni.

Din hi l-qawwa tagħna, din hi x-xhieda tagħna. Insara tal-paroli għandna ħafna, aħna wkoll kultant inkunu hekk. Din mhix qdusija; il-qdusija hi li nkunu nsara li fil-ħajja tagħna nħaddmu dak li għallimna u dak li żera’ fi qlubna Ġesù.

Il-Papa temm l-omelija billi tenna ż-żewġ passi li bihom insiru nafu lil Ġesù: l-ewwel pass hu li nagħrfu lilna nfusna, li aħna midinbin. Mingħajr din l-istqarrija interjuri ma nistgħux nimxu ‘l quddiem. It-tieni pass, it-talb lill-Mulej li bil-qawwa tiegħu jgħinna nsiru nafu dal-misteru ta’ Ġesù li hu n-nar li Huwa ġab fid-dinja. Tkun drawwa tajba jekk kuljum, f’xi ħin, inkunu nistħu ngħidu: “Mulej jalla nsir nafek u Int issir tafni”, biex b’hekk nibqgħu mexjin ‘il quddiem.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.