Il-Papa f’Santa Marta: Ngħidu le għall-egoiżmu interessat


It-Tnejn, 5 ta’ Novembru 2018: Il-piki u l-ftaħir jeqirdu l-pedamenti tal-komunitajiet, jiżirgħu il-firda u jġibu biss ġlied. Hekk stqarr il-Papa Franġisku fl-omeija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta, illum it-Tnejn, 5 ta’ Novembru.

Il-Qdusija Tiegħu għamel riflessjoni dwar il-Vanġelu tal-ġurnata meħud minn San Luqa u kkundanna “l-egoiżmu interessat” u tenna li l-gratwità li ppriedka Ġesù mhix selettiva.
It-tagħlim ta’ Ġesù hu ċar: “tagħmel xejn għall-interessi personali”, toqgħodx tagħżel il-ħbiberiji skont kif jaqbillek. Infatti, meta nirraġunaw biss skont kif jaqbel lilna inkunu egoisti, nifirdu, inkunu naħsbu biss skont l-interessi tagħna, filwaqt li l-messaġġ ta’ Ġesù hu eżattament il-maqlub: il-gratwità li twessa’ l-ħajja, tifrex ix-xefaq għax isir universali.

Min joqgħod jagħżel ikun qed jifred, ma jkunx qed jaħdem favur l-għaqda li San Pawl ikellem dwarha lill-Filippin, kif hemm fl-ewwel qari. Hemm żewġ affarijiet għedewwa tal-għaqda, issokta Bergoglio: il-piki u l-ftaħir.

It-tqassis jinbet mill-piki għax jeżistu ħafna nies li jħossu li mhux qed jikbru u biex jitwalu aktar mill-ieħor, iċekknuh bit-tqassis. Hu mod kif teqred il-persuni. U Pawlu jgħid: Fil-komunitajiet m’għandux ikun hemm piki. Il-piki huma taqbid biex wieħed jisħaq lill-ieħor, huma ħaġa kerha. Il-piki jistgħu jkunu fil-miftuħ imma jistgħu jsiru wkoll fis-satra. Imma l-għan tagħhom dejjem hu li “nkisser lil ħaddieħor biex nikber jien”. U għax jien ma nistax inkun espert, tajjeb, inċekken lil ħaddieħor biex jien nibqa’ dejjem minn fuq.

Daqstant ieħor hi ta’ ħsara li wieħed jiftaħar li hu aħjar minn ħaddieħor. Dan hu d-distruzzjoni tal-komunitajiet, tal-familji.. Naħsbu ftit dwar il-ġlied bejn l-aħwa minħabba l-wirt, ħaġa li tiltaqa’ magħha kuljum. Naħsbu ftit dwar il-ftaħir, dwar dawk in-nies li jiftaħru li huma aħjar mill-oħrajn.

In-nisrani, issokta jgħid il-Papa Franġisku, għandu jimxi fuq l-eżempju ta’ Iben Alla, u jikkultiva fih il-gratwità: jagħmel il-ġid mingħajr ma jħabbel rasu jekk l-oħrajn humiex jagħmlu l-istess; jiżra’ l-għaqda u jinsa l-piki u l-ftaħir.

Meta naqraw l-aħbarijiet dwar il-gwerer naħsbu ftit dwar il-ġuħ li qed ibatu t-tfal fil-Yemen, minħabba l-gwerra; pajjiż imbiegħed, imma msieken it-tfal li m’għandhomx x’jieklu. Iżda l-gwerra ssir ukoll fi djarna, fl-istituzzjonijiet tagħna, bil-piki, minn hemm tibda l-gwerra!

Iżda hemmhekk ukoll tista’ tibda l-paċi: fil-familja, fil-parroċċa, fl-istituzzjonijiet, fil-post tax-xogħol, fejn għandna nfittxu dejjem l-għaqda u l-armonija u mhux l-interessi personali.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.