L-Evanġelju tal-Ħamis 8 ta’ Novembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 15, 1-10

l-iskandlu ta’ dawk li jaħsbu li huma t-tajbin huwa li dawk li jidhru li huma midinbin ikunu milqugħa biex isiru tajbin huma wkoll. Jidher kuntrast tal-biża’ bejn dawk li jaħsbu li huma tajbin, għax huma telgħu fuq il-pedestall tal-qdusija, u dawk li jafu li huma midinbin, għax għajrfu d-dgħufija tagħhom, jindmu minn dak li wettqu u jridu jerġgħu isibu t-triq it-tajba. Dawn iridu jidħlu u li kien għall-oħrajn, mhux biss jitħallew barra, iżda, biex nużaw espressjoni li dan l-aħħar sirna nisimgħuha spiss, jintefgħu fl-iktar ħabs kiefer u ċ-ċavetta tintrema’.

Minn meta nibdew niddeċiedu aħna x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, mingħajr ma jkollna ebda awtorità ħlief dik mogħtija minna nfusna lilna nfusna, inkunu qegħdin nagħmlu lilna nfusna wkoll imħallfin u esekuturi tas-sentenza, l-iktar dik tal-qtil soċjali ta’ persuna, li fl-opinjoni tagħna, skont il-kodiċi morali li vvintajna aħna (u li jinbidel skont dak li nagħmlu aħna) tkun qabżet il-linja. Skandlu kbir li jistħoqqlu l-bżieq u l-ħdura ta’ kull mibgħeda immaġinabbli. Skont dan il-kodiċi tagħna dawn in-nies jistħoqqilhom ikunu mgħaffġa taħt is-saqajn, imwarrbin u msikkta, iktar u iktar jekk minħabba dak li aħna naraw bħala dnubhom ikun qed jikxef il-wiċċ veru tagħna.

Imma Ġesù Kristu ma jirraġunax bħalna, ma jitfax lil kulħadd fl-istess xkora u fl-istess ħin, jagħraf it-tajjeb mill-ħażin, mhux għax jara l-għemil jew, kif nagħmlu kultant aħna, nimmaġinaw li narawh, iżda għax jagħraf il-qalb u l-bżonnijiet tagħha. Għalhekk qalbu tingħasar meta jħares lejn bniedem u jarah ‘il bogħod minnu, u għalhekk qalbu tifraħ meta dawk li jidinbu, jiddeċiedu li jibdlu ħajjithom u jfittxu l-kenn għandu u għand il-ħniena bla tarf tiegħu.

Is-sid ta’ mitt ngħaġa jifraħ meta nagħġa minnhom tintilef u jerġa jsibha. Il-mija ma jibqgħux mija jekk waħda minnhom titlaq, mhumiex sħaħ u għalhekk li jagħmel dak li jista’ biex ireġġagħha lura. Kull waħda hi għal qalbu u kull waħda jridha miegħu. Kollha huma tiegħu u qatt ma jħares lejn il-maġġoranza li baqgħalu biex jinjora il-minoranza li żvijjat. Qatt ma jaħseb li jekk żvijjat għamlet sew, iżda ma jfissirx li għax żvijjat ħaqqha l-kundanna li tibqa’ mitlufa. Li kien għalina, messu rraġuna li aħjar għasfur f’idek milli mija fl-ajru, aħseb u ara disgħa u disgħin għasfur. Imn’Alla li Ġesù mhux aħna.

Drakma kienet bejn wieħed u ieħor il-ħlas ta’ ġurnata xogħol, dak li wieħed kellu bżonn biex jgħix għal jum wieħed. Ġesù jsemmi mara mhux raġel; mara ma kienetx titħallas ta’ xogħlha u allura dak li kellha kien mogħti lilha. Raġel kien jitħallas ta’ xogħlu u allura kellu garanzija li dak li jitlef seta jirkuprah bil-flus li jaqla għal ħidmietu. Iżda il-mara taf li dak hu li għandha u ma tafx jekk taqlax iżjed. Minħabba f’hekk tapprezza l-għaxar drakmiet u kważi taqsam qalbha għad-drakma li ntilfitilha. Tħaddem l-għaqal kollu tagħha u tuża r-riżorsi kollha tagħha biex issibha. U jirnexxila. U tifraħ u tistieden lil min jifraħ magħha.

M’hemmx ferħ ikbar li ta’ min jirduppjah billi jkun ukoll il-ferħ ta’ oħrajn, daqskemm meta xi ħadd li jkun qabad triq li tista’ twasslu għat-telfien, jerġa’ lura.

Ġesù qatt ma jgħid li min telaq qed jagħmel sew għax jaf li min jitlaq ikun waħdu, għal rasu, anke jekk ma jkunx waħdu iżda jkunu eluf jew miljuni. Mhux biss ħadd ma hu eskluż, iżda kulħadd għandu jkun maħbub u milqugħ. Li tiġri wara xi ħadd u tfittxu ma jfissirx li ttaptaplu fuq spallejh u ċċapċaplu għal għemilu, iżda li tagħmel kulma tista’ biex treġġgħu lura fit-triq it-tajba, mingħajr ma tiġġudikah u tikkundannah; għax, minkejja dak kollu li jingħad, min jitlaq jew jintilef ikun qed jissogra ħafna. Il-ħażin qatt ma jsir tajjeb biex min jiżbalja jħossu ‘at home’.

Mhux kulħadd irid jifhmu dan. Imma min jifhmu għax iħobb bħal Alla, meta xi ħadd jerġa lura taħt il-ħarsien tar-ragħaj, jifraħ daqas l-anġli fis-smewwiet, jifraħ daqskemm jifraħ Alla.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.