Evanġelju tat-Tlieta 20 ta’ Novembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 19, 1-10

Ġeriko, il-belt ta’ rieħa tfuħ, fejn l-għonja u l-kbarat kellhom ir-residenzi tagħhom għall-vakanzi, fejn il-ġid ma kienx nieqes, ma kienetx nieqsa lanqas mill-faqar tat-tallaba, mill-miżerja tal-foqra li ma kellhomx għaxja ta’ lejla u kienu jiddependu mill-karità tan-nies, li, mill-Ecanġelju ta’ Luqa, jidher ċar ħafna li ma kienux qalbhom tajba wisq. Lanqas ma kienet nieqsa din il-belt minn dawk li fil-ġid tas-sinjuri u l-kbarat setgħu jagħmlu sold huma wkoll u jħaxxnu bwiethom; għakx ieħor, miżerja oħra: il-ħallelin komuni kienu jduru mat-toroq ta’ barra l-belt u jattakkaw lil min jivvjaġġa; il-ħallelin iktar għaqlin kienu l-publikani li jiġbru t-taxxi u li kienu jduru mat-toroq tal-belt ifitxxu lil min, skont huma, għadu ma ħallasx jew għad fadallu xi jħallas. Dawn kienu l-parassiti li jerdgħu minn fuq dahar ħaddieħor.

F’din il-belt kien hemm erba’ xorta ta’ miżerja u għaks. Kien hemm dawk li ma kellhomx biex jgħixu, il-foqra li jidhru, dawk li kienu għonja u setgħana imma qalbhom xierfa għal weġgħat u t-tbatija ta’ dawk tal-ewwel xorta, dawk li kienu qassisin u leviti li ġemmgħu kemm felħu, iżda l-ipokrisija tagħhom webbsitilhom qalbhom u dawk li kienu jippruvaw jisolħu kemm jifilħu minn fuq dahar iż-żewġ xorta ta’ qabilhom, l-għonja u s-setgħana u l-qassisin u l-leviti li kellhom il-vileġġjatura fil-belt. Ma nistagħġbux li din il-belt kellha bżonn sewwa taż-żjara qawwija ta’ Ġesù. Mhux ta’ x’xejn li l-knisja tqiegħdilna quddiemna dawn is-siltiet f’dan iż-żmien tal-aħħar tas-sena liturġika; għandna bżonn aħna wkoll żjara qawwija bħal din. Il-ħniena u l-imħabba ta’ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu għandhom bżonnha l-erba’ xorta ta’ foqra u miżerabbli f’Ġeriko ta’ żmienna wkoll, għax Ġeriko ta’ żmienna wkoll toffri l-illużjoni tal-fwieħa tal-ġid materjali u taħbi l-għaks tal-faqar materjali u spiritwali taċ-ċittadini tagħha.

It-tieni raġel li ma setax jara lil Ġesù kien Żakkew; dak li kien jipprova jisloħ u jisraq b’mod legali minn fuq dahar kull min seta’. Ma setax jara lil Ġesù mhux għax kien għama, iżda minħabba l-istatura ċkejkna tiegħu: kien qasir. San Luqa jgħidilna li ma setax jara lil Ġesù minħabba l-folla, għax il-folla eskludietu bħalma eskludiet l-għama tallab mal-ġenb tat-triq barra mill-belt. Ma setgħux jieqfulu, għax dak li kien jagħmel, kien jagħmlu skont il-liġi tal-ħakkiema u allura quddiem il-liġi tal-bnedmin ma setgħux jakkużawh, iżda setgħu jinjorawh, iwarrbuh, jibnu madwaru sur ta’ ndifferenza u mibgħeda: dan publikan u midneb, bħal dak li qallu xi ħadd minnhom seta’ jabqad xi ġebla u jgaraħħhielu! Huma wkoll kienu jaraw lil Ġesù u jisimgħuh jitkellem, iżda raw biss dak li riedu u semgħu dak li qablilhom.

Iżda Żakkew ukoll uża l-għerf tiegħu bħall-għama tallab.

Tela’ ma siġra tat-tin selvaġġ. It-taduzzjoni għall-malti tista’ tqarraq bina għax it-tin nafuh jikber ma’ siġra li tidher dagħjfa u żgur li l-friegħi tagħha ma jifilħux il-piż ta’ bniedem, żgħir kemm hu żgħir. Traduzzjonijiet għal lingwi oħra jiddeskrivuwha bħal s-siġra tal-ġummajż; siġra li tikber ħafna u toffri dell minħabba l-firxa wiesgħa tal-friegħi tagħha; kienet siġra li tinżera’ mal-ġnub tat-toroq biex tagħti d-dell kemm lill-bini ta’ warajha u kemm lin-nies li jimxu fit-triq. Is-Sultan David kien ħatar persuna bir-rwol uffiċjali li tħares żewġ siġriet: iż-żebbuġa u l-ġummajża. Dawn in-nies kienu jikkunsidraw lis-siġar ħbieb mhux għedewwa, kif kultant għandna t-tendenza li nagħmlu aħna. Żakkew ixxabbat u tela’ u qagħad fuq waħda mill-friegħi tagħha. Ma ddejjaqx, ma staħax jagħmel bħax-xadini biex jegħleb l-ostaklu l-kbir tal-folla, li ma ħallitux jara dak li kienet tara hi.

Għalkemm San Luqa ma jgħidilniex li Ġesù waqaf, iżda dak li jgħidilna jurina, li ra lil Żakkew u waqaf biex ikellmu. Il-kliem ta’ Ġesù jissuġġerixxi tbissima. Il-kelma ‘isa’ turi mhux biss ħtieġa ta’ għaġġla, iżda wkoll tagħtina ħjiel ta’ umoriżmu fin. Kien x’kien, kliem Ġesù juri li jekk il-belt laqgħat lilu iżda mhux il-messaġġ tiegħu, f’Żakkew ra l-ħeġġa tal-għama tallab u wieġbu għaliha b’mod li qatt ma stenna ħad dminn dawk li kienu hemm, inkluż Żakkew stess.

Alla ma jweġibx kif irridu aħna iżda kif irid hu, ħafna iktar milli nkunu qed nistennew. Alla ma jagħtix kaz l-agħa u l-ħamba ta’ leħen il-folla mitlufa f’dak li jidher, iżda fil-karba siekta ħierġa mill-qalb ta’ min jagħraf li għandu bżonn min iħenn għalih, u filwaqt li l-ħamba tal-folla ma jagħtix kasha, il-karba siekta mill-qalb issir l-iktar ħaġa mportanti għalih; hekk għamel dakinhar

U hekk għamel met akien fuq is-salib: Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.

Il-konverżjoni ta’ Żakkew ma ġibditx il-barka ta’ Alla fuqu biss, imma fuq il-familja tiegħu kollha, għax fejn jgħammar min iduq il-ħniena ta’ Alla, igawdi minnha kulħadd. Jekk hemm ħsieb li għandu jqanqalna f’din il-ġrajja, fost il-ħafna li hemm, huwa li l-folla ma tinbidilx bil-priedki, imma billi jkun hemm wieħed minnha li jitlob u jduq il-ħniena ta’ Alla.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.