Min kien San Ġwann tas-Salib?


Il-Ħadd, 18 ta’ Novembru 2018: Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-festa ta’ San Ġwann tas-Salib.

18-11-2018_183353_d5z_2277-154281208687.jpg

L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi – Fil-Knisja Parrokkjali, Ta’ Xbiex

San Ġwann tas-Salib għex fi żminijiet imqallba u diffiċli fl-istorja tal-Knisja. Kultant aħna nħarsu lejn dak li qed jiġri fi żmienna u nimmaġinaw li hu l-iktar żmien iebes u mħawwad, imma naħseb min għandu sens ta’ storja mhux bilfors jasal għall-istess konklużjoni.

San Ġwann tas-Salib kien poeta, artista, teologu, direttur spiritwali, u ta kontribut speċjali f’dawn iż-żminijiet imqallba li għex fihom. Kien qisu d-dawl li jiddi fid-dlam, kif għedna fis-Salm. Hemm ħafna x’jista’ jgħidilna għall-ħajja tagħna llum; nixtieq insemmi tliet punti li jgħoddu ħafna għall-ħajja tagħna personali, u wkoll għal din il-komunità parrokkjali li s-sena d-dieħla tiċċelebra l-50 sena parroċċa.

Alla kollox
Alla kien kollox għal San Ġwann tas-Salib. Il-fidi sħiħa fih kienet dik li mexxietu ħajtu kollha. F’Alla kien isib dak li tassew jista’ jimla l-qalb, li jagħti l-ħajja u jwassal għall-ħajja ta’ dejjem f’għaqda miegħu – kif smajna fl-Evanġelju lil Ġesù jitlob li d-dixxipli jkunu f’għaqda miegħu u mal-Missier kif huma ħaġa waħda: “Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina…” (Ġw 17:21)

Dan hu messaġġ importanti għalina. Alla hu kollox għalina, ir-relazzjoni miegħu fi Kristu hi dik li tagħtina l-ħajja u l-qawwa li neħtieġu. Il-Papa Franġisku, fl-eżortazzjoni appostolika tiegħu Il-Ferħ tal-Evanġelju, ifissrilna kif l-iskop tal-ħidma kollha tal-Knisja hu li twassal lin-nies biex ikollhom din ir-relazzjoni ma’ Ġesù Kristu. Għal dan trid twassal il-ħidma kollha li ssir. L-istess affarijiet reliġjużi għandhom ikunu għajnuna u mhux ostaklu għal dan. Il-ħidma ta’ tiġdid fil-Knisja trid tibda proprju minn hawn – minn Alla li hu l-għajn ta’ kull tiġdid.

L-ewwel talba li nixtieq nagħmel għalina ilkoll hi li jkollna ħarsitna u qalbna f’Alla, u f’din il-komunità tgħin lin-nies jikbru f’dan.

L-imħabba
San Ġwann tas-Salib għex ħajja ta’ mħabba. Fil-kitba tiegħu u f’ħajtu tispikka din l-imħabba. Kienet l-imħabba ta’ Alla f’ħajtu li mbagħad tfur lejn l-oħrajn. Hu għaraf li fil-ħajja dik hi tassew l-isbaħ esperjenza: li tħobb u tkun maħbub.

San Ġwann tas-Salib mhux dejjem sab dan l-ambjent ta’ mħabba. Imma hu kien jgħid, kif hemm fl-iskrizzjoni li hemm mal-ħajt tal-Knisja; “Fejn ma ssibx imħabba, qiegħed l-imħabba u tieħu l-imħabba.”

Dan ukoll messaġġ sabiħ, u talba li nagħmel għalina, biex fil-ħajja tagħna personali u fil-parroċċa tkun l-imħabba li tmexxina, li tgħaqqadna flimkien kif talaba Ġesù li “nkunu lkoll ħaġa waħda”. Fejn ma nsibux din l-imħabba, nibdew aħna nitfgħu ż-żerriegħa ta’ mħabba, u mbagħad nibdew insibuha.

It-tbatija
San Ġwann tas-Salib għadda minn ħafna tbatija f’ħajtu. Sa minn meta kien żgħir, b’esperjenzi differenti fil-familja, imma wkoll tul is-snin. Sofra wkoll minn sħabu stess reliġjużi u spiċċa l-ħabs. Għadda, fi kliemu, mil-lejl mudlam. Imma hu dejjem ħares lejn it-tbatija bħala dik li tifdi, tippurifika. U ħaġa li tolqtok hi kif it-tbatija kollha li għadda minnha ħarġet minnu s-sabiħ, it-tajjeb. Il-poeżija sabiħa u profonda tiegħu hi kemm-il darba frott it-tbatija.

Hu għamel l-esperjenza li jgħid Isaija fl-ewwel qari: “La tibżax… Jekk taqsam ix-xmajjar, ma jgħarrqukx; jekk tgħaddi min-nar, ma tinħaraqx, u l-fjamma ma tibilgħekx.” (Isaija 43:2)

Dan ukoll hu ta’ dawl għal ħajjitna. Aħna ngħaddu minn tbatija fil-ħajja tagħna personali; fil-komunità parrokkjali wkoll tiltaqa’ ma’ ħafna tbatija. Nitolbu lill-Mulej biex għalina wkoll tkun tbatija li ngħixuha magħqudin ma’ Alla biex tkun tbatija li tifdina, li tippurifika, u li tagħmilna mbagħad sensittivi għal dawk kollha li qed isofru madwarna.

Anniversarju
Is-sena d-dieħla, fl-1 ta’ Ġunju, din il-parroċċa ddedikata lil San Ġwann tas-Salib tiċċelebra l-ħamsin anniversarju bħala parroċċa. Illum qed niftħu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet b’talba lil San Ġwann tas-Salib biex bħalu, kemm individwalment kif ukoll bħala komunità, Alla jkun kollox għalina, ħajjitna tkun festa ta’ mħabba, u ngħixu t-tbatija bħala esperjenza li tifdina u tippurifikana u li twassalna għall-glorja.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Il-Qari tal-Quddiesa:

Qari I: Iż 43:1-3a.4-5
Salm: Salm 138
Qari II: Rum 8:14-18.28-30
Evanġelju: Ġw 17:11b.17-26

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.