Lectio Divina għat-34 Ħadd. Kristu Re

Vanġelu (Ġw 18, 33-37): Il-festa ta’ Kristu Re ġiet imwaqqfa fl-1925 f’mument drammatiku tal-Ewropa: it-tmiem tal-ewwel gwerra dinjija u t-tħejjija għat-tieni, żmien meta l-Ewropa kienet maħkuma minn ferneżija għall-poter, b’bosta pajjiżi ġa taħt il-ħakma ta’ reġimi totalitarji.  Għalhekk il-Papa Piju XI nieda dil-festa biex jgħallem li l-poter tad-dinja ma jappartjenix għall-bnedmin imma għal Alla.  Irridu noqogħdu attenti li ma ninterpretawx ħażin ir-regalita’ ta’ Kristu.  Hu Re mhux skont il-kriterji tal-bnedmin.  

Anki l-Knisja ma kinitx għada ċara fuq dan meta, sa Pawlu V1, kienet għada qed tpoġġi fuq ras il-Papa il-famuża kuruna ‘Trirenju’ (tliet saltniet) u tipproklamah missier tal-prinċpijiet u r-rejiet kollha.  Mela, b’liema mod Kristu hu Re?   Fl-istorja rajna u għadna naraw il-ġlieda għall-poter tan-nobbli, tad-diversi dinastiji u tas-sinjuruni.  Jien lejn liema renju se nkun fidil?  Jekk nagħżel wieħed li għad joħroġ tellief, inkun ħlejt ħajti fix-xejn.  Is-silta tal-lum se tgħinna biex nagħżlu renju li, mhux bil-fors ikun rebbieħ mad-daqqa t’għajn, imma li fl-aħħar mill-aħħar, ikun ir-rebbieħ fuq is-saltniet l-oħra kollha.  Għalhekk dis-silta nsibuha fl-aħħar Ħadd tas-sena Liturġika.  Ġesu’ beda jippriedka bil-kelmiet : “Iż-żmien mitmum.  Is-Saltna t’Alla waslet fostkom.”  Ġesu’ se jkompli juża dil-frażi (is-Saltna t’Alla) għal 104 darbiet oħra,  għax ried iwaqqaf saltna ġdida, kompletament differenti  u l-oppost  tal-oħrajn kollha.

  1. Pilatu qiegħed fil-bitħa (atriju) tal-palazz ta’ Erodi fejn ġie jqatta’ l-festi tal-Għid.  Il-qassisin il-kbar u folla żgħira ta’ Lhud waslu b’Ġesu’ arrestat fil-bieb tal-Agora’, li kienet parti minn dal-palazz.  Ma daħlux fil-bitħa biex ma jitniġġsux.  Għalhekk Pilatu kellu jmur ikellimhom fil-bieb, u jsaqsihom x’kienet l-akkuża.  Weġbuh: “Kieku dan ma kienx raġel ħażin ma konniex inġibuh quddiemek.  Qed jgħallem reliġjon kompletament differenti minn tagħna.”  Pilatu jieħu miegħu lil Ġesu’ fil-bitħa, u jidħol fil-parti tal-palazz imsejħa Ċesarjon.  (Xi storiċi tkellmu iebes fuq Pilatu.  Qalu li kien ħalliel, korrott u jaqta’ l-kundanni bl-addoċċ  bla ma jisma’ x-xhieda.  L-Evanġelisti ma kinux daqshekk ibsin, u jagħtu t-tort tal-kundanna ta’ Ġesu’ aktar lil Lhud milli lilu.  Kien hemm ukoll min qal li wara Pilatu kien ikkonverta).  Pilatu jsaqsi lil Ġesu’: “Smajt li l-Lhud qed jistennew re ġdid.  Inti dan is-sultan tal-Lhud?”  Din m’għandha x’taqsam xejn mal-akkużi tal-qassisin il-kbar.  Dan għax is-silta tal-lum trid tagħmel enfasi fuq ir-regalita’ ta’ Kristu.  Għalhekk Ġesu’ wieġeb: “Fuq liema regalita’ qed takkużani?  U dan qed tgħidu minn rajk?  Għax jekk inhu hekk, il-mistoqsija tiegħek għandha sinifikat mod.  Imma jekk il-kapijiet tal-Lhud qalulek li jien re, allura dawn qed jistennew Messija li jkun mexxej qawwi li jeqred l-għedewwa bil-vjolenza.”  Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi?  Il-Messija jien ma jinteressanix.  Li jinterressani hu jekk int hux se xxewwex il-poplu kontra l-Imperatur.  Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”  Anna u Kajfa ma felħux aktar it-tagħlim ta’ Ġesu’ għax bih ħassew mheddha l-awtorita’ tagħhom.  Hawn Ġwanni jrid juri min l-aktar kien ħati tal-mewt ta’ Ġesu’.  
  2. Ikompli Ġesu’: “Is-saltna tiegħi mhux ta’ did-dinja, i.e. l-oriġini tagħha mhux skont il-kriterji tas-saltniet tad-dinja, għax dawn isaltnu bi vjolenza ta’ bhejjem selvaġġi.  L-oriġini tas-saltna tiegħi ġej mill-għoli.  Xorta waħda jien irrid inwaqqaf dis-saltna fuq l-art li se jkollha kriterji u loġika opposti ta’ dawk tas-saltniet l-oħra.”  Meta Ġesu’ mar fid-deżert  fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu, kellu tentazzjoni biex jibni s-saltna tiegħu fuq ir-regħba, kilba għall-poter, vjolenza, gideb, eċċ.  Ix-xitan (i.e. il-pariri tad-dinja ppersonifikati) qallu: “Biex ikollok suċċess trid tidher li kapaċi tiddomina d-dinja akkost ta’ kollox.”  X’inhuma l-kriterji tas-saltna ta’ Kristu? (a) “Kieku s-saltna tiegħi oriġinat f’did-dinja, kieku l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud.” Aktar tard Ġesu’ se jgħid lil Pietru: “Daħħal is-sejf fil-lant tiegħu, għax il-vjolenza ġġib aktar vjolenza u qerda.  Mhux fuq hekk se titwaqqaf is-saltna tiegħi.”  Mela l-ewwel kriterju hu: nuqqas ta’ vjolenza; (b) “Mela int sultan?  Kif tista’ tkun sultan bla ma tiġġieled?”  “Qiegħed tgħid li jien sultan… Jien ġejt biex nixhed għall-verita’.”  Fil-lingwaġġ semitiku, “verita’” ma tfissirx “nuqqas ta’ gideb” imma xi ħaġa ġenwina u awtentika.  Bħal meta ngħidu “dan veru kafe’”, i.e. kafe’ pur u mhux imħallat jew imbagħbas b’xi mod.  “Veru Nisrani” i.e. iħobb anki l-għadu u jservi l-proxxmu. “Jien ġejt biex nixhed għall-verita’ fuq Alla, mhux dak tal-pagani jew dak ippriedkat mir-Rabbini u adurat fit-Tempju, i.e. Alla li jikkastiga u jpattiha.  Il-pura verita’  hija li Alla jħobb ‘il bniedem b’imħabba tal-ġenn, imħabba bla kundizzjonijiet; Alla mhux qiegħed isaltan fuq xi tron tad-deheb imma niżel iservi lill-bniedem.  Din hi l-verita’ fuq Alla li Ġesu’ ta xhieda fuqha.
  3. Ġesu’ ġie jixhed ukoll għall-verita’ fuq il-bniedem.  Il-veru bniedem mhux dak li jiddomina , imma dak li jħobb u jħobb biss, u lest li jagħti ħajtu għall-oħrajn, kif għamel Ġesu’.  Bniedem li ma jkunx hekk huwa gidba.
  4. Ġesu’ ta xhieda wkoll fuq is-saltna vera.  Min jifforma parti mis-saltna vera tal-Ħaruf, ikun qed jagħti s-sapport tiegħu għall-proposta ta’ Ġesu’  ta’ bniedem li jagħti ħajtu bħala rigal lill-oħrajn:  Min iħobb il-verita’ jisma’ leħni.”  Pilatu ma setax jifhem din il-proposta għax baqa’ lsir tas-saltniet tad-dinja:  “U l-verita’ x’inhi?”   Għalih, il-bniedem li rnexxa kien Tiberju, u ma riedx jibdel fehmtu.  Kieku stenna risposta, kieku Ġesu’ kien jispjegalu aktar.  Minn flok ħareġ jiġri ‘l barra biex jgħid lill-kapijiet tal-Lhud li ma jsib l-ebda ħtija fih.   Aħna rridu noqogħdu attenti biex ma nagħmlux bħal Pilatu, li kellu ideja mod fuq il-verita’ tal-bniedem li rnexxa,  u ma riedx jibdel fehmtu biex tiġi taqbel ma’ ta’ Ġesu’.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading