L-Isqof Awżiljarju lill-gradwati tal-MCAST: “Kunu nies ta’ kuxjenza”


Il-Ġimgħa, 30 ta’ Novembru 2018: L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju waqt Quddiesa ta’ ringrazzjament għall-gradwati l-ġodda tal-MCAST.

NIES TA’ KUXJENZA

Illum hi ġurnata speċjali fl-istorja tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCAST) bl-ewwel quddiesa tal-gradwazzjoni fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Nifraħ magħkom ilkoll f’din l-okkażjoni speċjali; magħkom studenti, mal-għalliema, mal-amministrazzjoni tal-MCAST, ma’ dawk li ħadmu bis-sħiħ matul is-snin ta’ studju tagħkom biex jagħtukom l-aħjar edukazzjoni u ttemmu b’suċċess l-istudji tagħkom.

Żgur li lkoll tħossu l-gratitudni u fl-istess waqt is-sodisfazzjon li qed taslu fit-tmiem tal-istudju fil-qasam tagħkom. Diffikultajiet kellkom tul din il-mixja, imma llum intom għelibtuhom u b’suċċess wasaltu s’hawn. F’din il-Quddiesa nirringrazzjaw fuq kollox lil Alla, li minnu jiġina kull ġid, tal-għajnuna tiegħu. Kif jgħid San Pawl (Kol 3:16), lilu nkantaw innu ta’ radd il-ħajr. Nagħmlu dan illum fil-festa ta’ Sant’Andrija li kien wieħed mill-ewwel li sar dixxipli ta’ Ġesù u li ħa n-nies għand Ġesù biex fih isibu dak li tassew jagħti lil kull bniedem l-aqwa ġid.

Intom issa tħarsu ’l quddiem lejn karriera u lejn xogħol f’setturi differenti li jkunu marbuta mal-istudji li għamiltu. Nixtieqkom tieqfu għal mument u tirriflettu fuq dak li hemm quddiemkom biex tidħlu għalih bl-ikbar impenn. Ħa nqiegħed quddiemkom dawn it-tliet punti għar-riflessjoni tagħkom, u nagħmilhom ukoll talbiet għalikom.
Valuri li ma jinxtrawx bil-flus

Nitlob lill-Mulej li jagħtikom il-qawwa biex tgħixu l-valuri li jgħallimna Ġesù Kristu u li huma valuri li jibnu l-ħajja, bħalma huma l-valuri tal-onestà, il-verità, il-ġustizzja, is-servizz, l-imħabba, il-ħbiberija, il-ġenerożità. Dawn ma jinxtrawx bil-flus imma jiswew ħafna aktar mill-flus.

Waqt li timxu ’l quddiem fil-karriera tagħkom, kif għandkom tirsistu li tagħmlu, f’mument jew ieħor ser tiffaċċjaw deċiżjonijiet kruċjali li tridu tagħmlu. Ftakru li l-flus huma qaddejja tajbin imma sidien ħżiena. Għalhekk tħallux il-kilba għall-flus tmexxikom fl-għażliet tagħkom.

Tafu li l-kultura tar-regħba hi mifruxa. Ir-regħba faċli tieħu lill-bniedem f’direzzjoni żbaljata u jibda jara kif se jieħu wkoll dak li mhux tiegħu. Parti sew mis-serq fis-soċjetà

llum ma jsirx minn min tarah jew taqbdu jisraq, imma minn taħt fejn ma jidhirx. Trid tkun konvint mill-valuri tiegħek biex ma taqbadx triq żbaljata. Ftakru: ħaġa ma ssirx ħażina fil-mument li jaqbduk tagħmilha, imma hi ħażina wkoll meta tidħak b’ħaddieħor qisek m’għamilthiex.

Kuxjenza li tagħżel it-tajjeb

L-istudji tagħkom fis-snin li għaddejtu l-MCAST għenukom biex ikollkom għarfien, ħiliet u kompetenza f’oqsma differenti. Dan hu tassew importanti. Imma hemm xi ħaġa li tgħodd għal kull qasam u li għandha turikom kif għandkom tħaddmu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza. Din hi l-kuxjenza li l-Mulej qiegħed fina, kull wieħed u waħda minna, u li hi s-santwarju fejn aħna ninsabu waħedna quddiem Alla biex nistgħu nisimgħu l-vuċi tiegħu u niddeċiedu b’responsabbiltà.

Itolbu, għalhekk, lill-Mulej biex ikollkom kuxjenza li kapaċi tagħżel it-tajjeb mill-ħażin, dak li hu veru minn dak li hu falz, dak li hu xieraq minn dak li hu tal-mistħija, dak li jibni lil ħajjitkom minn dak li jħottha, dak li jgħinek fil-mixja tal-ħajja minn dak li jdaħħlek fi sqaq.

Soċjetà ġusta

Nixtieq ninkoraġġikom biex tinteressaw ruħkom u tkunu attivi mhux biss fil-qasam partikolari tal-karriera tagħkom imma wkoll fis-soċjetà Maltija, u biex taħdmu għal soċjetà ġusta li tirrispetta l-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. Kunu protagonisti f’dan. Tibżgħux tagħtu sehemkom b’mod responsabbli f’soċjetà li għandha bżonn nies ta’ stoffa. Tħallux lil min jiskuraġġikom, jaqtgħalkom qalbkom u jgħidilkom li għalxejn toħolmu fil-ħajja. Kunu intom li tħabirku biex twettqu l-bidliet li tixtiequ taraw għal soċjetà aktar ġusta.

Il-Knisja tagħtikom l-appoġġ kollu biex taqdu r-responsabbiltajiet tagħkom kif jixraq u b’mod sħiħ. Nitolbu wkoll biex l-MCAST ikompli jaqdi l-funzjoni tiegħu li jipprovdi edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u professjonali li jintlaħqu minn kulħadd b’dimensjoni internazzjonali u li jaqdu l-bżonnijiet tal-individwu, tas-soċjetà u tal-ekonomija.

Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.