Li nħabbru lil Kristu mhuwiex ‘marketing’


Il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru 2018. Bħall-appostli Pietru, Indrì, Ġakbu u Ġwanni, inħallu dak kollu li jwaqqafna milli nibqgħu mexjin ‘il quddiem fit-tħabbir tax-xhieda ta’ Kristu. Hekk ħeġġiġna nagħmlu l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, illum il-festa ta’ Sant’Andrija appostlu.  Fl-okkażjoni tal-lum il-Papa qalilna wkoll biex niftakru fil-Knisja ta’ Kostantinopli, il-Knisja ta’ Sant’Andrija, u nitolbu għall-għaqda tal-Knejjes.

Fl-omelija l-Papa ħeġġiġna biex inwarrbu l-atteġġjament tad-dnub, tal-vizzju, li kulħadd għandu ġewwa fih, biex inkunu aktar koerenti meta nħabbru lil Ġesù. B’hekk in-nies jemmnuna minħabba x-xhieda tagħna.

Fir-riflessjoni dwar l-ewwel qari meħud mill-Ittra ta’ San Pawl, il-Papa osserva li l-fidi tiġi mis-smigħ u s-smigħ huwa l-kelma ta’ Kristu. Franġisku saħaq dwar kemm hu importanti li nħabbru l-Vanġelu, l-aħbar li Kristu salvana, li Kristu miet u qam għalina. Infatti, li nħabbru lil Ġesù mhux sempliċi ‘aħbar’ iżda hu l-Aħbar kbira ewlenija.

It-tħabbir mhux xi biċċa xogħol tal-pubbliċità, qiesna qed nagħmlu reklam lil xi persuna għax hi tajba ħafna, għamlet il-ġid, fejqet bosta nies, u għallmitna ħafna ħwejjeġ sbieħ. Lanqas hi prożelitiżmu.

Jekk xi ħadd imur jitkellem dwar Ġesù Kristu, jipprietka dwaru biex iġiegħel lil ħaddieħor jibda jemmen fiH, dak ma jkunx qed iwassal l-aħbar, dik tkun biċċa xogħol ta’ predikatur li jimxi skont il-loġika tal-marketing.

Allura x’inhu t-tħabbir ta’ Kristu la mhux marketing u lanqas prożelitiżmu? Imur aktar lil hinn minn hekk. Qabel xejn ifisser illi int mibgħut, mibgħut għal missjoni li biha tqiegħed ħajtek fin-nofs. L-appostlu, il-mibgħut, ixerred it-tħabbir ta’ Kristu u jagħmel dan bil-kundizzjoni li jkun qed jirriskja ħajtu, ħinu, l-interessi tiegħu, laħmu. Qawl Arġentin, issokta l-Papa, jgħid li wieħed irid iqiegħed ħajtu fuq il-gradilja.

Dal-vjaġġ ta’ tħabbir li fih inqiegħdu ħajjitna fil-periklu għandu biss biljett one way, lil hemm, mingħajr biljett lura. Li terġa’ lura jkun ifisser ċaħda. It-tħabbir għandu jsir bix-xhieda u x-xhieda tfisser li inti tirriskja ħajtek u dak li tgħid, tagħmlu.

Biex il-kelma tkun ‘tħabbir’, għandha tkun xhieda, tenna l-Papa Franġisku, li żied li, dawk li jistqarru li huma Nsara mbagħad jgħixu bħall-pagani, jagħtu skandlu, qieshom bla fidi. Għalhekk għandu jkun hemm koerenza bejn il-kelma u l-mod kif ngħixu. Dan juri li aħna xhieda. L-appostlu, il-ħabbar, dak li jwassal il-Kelma t’Alla, huwa xhud li jilgħab ħajtu sal-aħħar, u huwa wkoll martri.

Wara kollox kien Alla l-Missier li, biex ikun magħruf, bagħat lil Ibnu fil-ġisem jirriskja ħajtu stess. Fatt li kien jiskandalizza u għadu jiskandalizza, għax Alla sar bniedem bħalna fi vjaġġ bil-biljett one way.

Lil Ġesù, ix-xitan ipprova jipperswadih jaqbad triq oħra, iżda Hu ma riedx, għamel ir-rieda tal-Missier sal-aħħar. U t-tħabbir li aħna nagħtu tiegħu, irid jimxi fl-istess triq: ix-xhieda, għax Hu stess kien xhud tal-Missier li sar laħam. Aħna wkoll irridu nsiru laħam, jiġifieri xhieda, nagħmlu dak li ngħidu.

B’hekk inħabbruH lil Kristu. Il-martri huma dawk li juru ċar li t-tħabbira kienet vera. Irġiel u nisa taw ħajjithom – l-appostli taw ħajjithom – bid-demm; imma anke ħafna rġiel u nisa moħbijin fis-soċjetajiet tagħna, fil-familji tagħna, jagħtu xhieda kull jum li jgħaddi, fis-skiet. Dan jagħmluh b’ħajjithom stess, billi jxandru lil Ġesù Kristu bil-koerenza li jagħmlu dak li jgħidu.

Aħna lkoll, fakkar il-Qdusija Tiegħu, bil-Magħmudija ħadna fuq spallejna l-missjoni li nħabbru lil Kristu: li ngħixu kif għallimna ngħixu Ġesù, f’armonija ma’ dak li nipprietkaw, biex b’hekk it-tħabbir ikun għammiel.

Jekk, min-naħa l-oħra, temm il-Papa, ħajjitna ma tkunx koerenti, ngħidu ħaġa u nagħmlu oħra bil-maqlub, ir-riżultat ikun l-iskandlu. U l-iskandlu tal-Insara jagħmel ħafna ħsara lill-poplu t’Alla.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.