Avvent ma’ Marija – L-Ewwel Ġimgħa – It-Tnejn


IFRAĦ

“Daħal għandha u qalilha: ‘Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek’”. – Luqa 1:28

CaptureIl-kelma anġlu tirriferi għal dak li Gabrijel jagħmel iktar milli għal dak li hu. Din il-kelma ġejja mill-Grieg aggelos, li tfisser “messaġġier”. L-anġli huma spirti puri; bħala tali, m’għandhomx ġisem. Spirtu pur hu dak li huma; messaġġiera hu dak li jagħmlu. L-arkanġlu Gabrijel hu mibgħut minn Alla għand Marija biex iwasslilha messaġġ: “Daħal għandha u qalilha: ‘Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek’” (Lq 1:28).

Il-frażi “sliem għalik” f’Luqa 1:28 nistgħu nittraduċuha wkoll “ifraħ”. L-Ignatius Catholic Study Bible: New Testament jgħid li t-tema tal-“ferħ” hi l-lenti li taħtha naqraw l-istorja tat-tnissil u t-twelid ta’ Ġesù. It-tislima ta’ Gabrijel “(Ifraħ), mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28) hi eku ta’ siltiet oħra mit-Testment il-Qadim u tfisser li Marija sa tkun l-omm tal-Messija. Marija, u Iżrael kollu magħha, għandhom għalxiex “jifirħu” b’dak li Alla sa jagħmel biex iwettaq il-wegħda tant mistennija tiegħu. Il-“ferħ” mhuwiex tant minħabba dak li qed tagħmel Marija, imma minħabba dak li qed jagħmel Alla: “Il-Mulej miegħek” (Lq 1:28).

Dawn il-ġranet li jwassluna għall-Milied huma differenti, le? In-nies normalment ikollha burdata aħjar. Nitbissmu iktar. Nidħku iktar. Niftħu iktar idejna. Fil-fatt, kemm drabi tisma’ lil min jgħid: “Nixtieq li kien il-Milied is-sena kollha”! Huwa minnu li f’dan iż-żmien tas- sena aktarx “nifirħu” xi ftit iżjed. Imma, tassew li l-ferħ veru ġej mill-firxa wiesgħa ta’ tiżjin tal-Milied? Il-veru ferħ tagħna ma jiddependix mill-emozzjonijiet tal-“ispirtu tal-Milied” li jitfaċċa f’Diċembru imma jgħaddi malajr. Dawk l-emozzjonijiet jiddependu minn ċirkustanzi temporanji, imma l-ferħ veru le.

Marija tifraħ minħabba dak li Alla qed jagħmel, u mhux minħabba xi staġun festiv. Marija tifraħ tassew għax Alla qed iwettaq il-wegħda tiegħu. U int? Liema hu l-għajn tal-“ferħ” tiegħek f’dan iż-żmien festiv? Il-burdata tiegħek iktar hi influwenzata mill-preżenza temporanja tat-tiżjin u l-mużika? Il-ferħ tiegħek fil-ħajja jiddependi iktar fuq ħwejjeġ li faċli jtiru mar-riħ? F’kelma waħda: Int ferħan? Int ferħana tassew? Kif kienet tkun ħajtek li kieku kellek idduq il-ferħ veru u l-kuntentizza vera? X’tixtieq għall-Milied? X’tixtieq tassew li jagħtik Alla dan il-Milied?

Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob bis-Salm 63. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod is-Salm 63. Imbagħad, itlob bl-immaġinazzjoni tiegħek bit-test ta’ Luqa 1:28 u lill-Ispirtu s-Santu itolbu jurik kif Marija għexet u kienet preżenti għall-mument preżenti. Imbagħad, għid din it-talba:

“Missier, daħħalni iktar fil-fond ta’ dan l-Avvent. Nixtieq li dan il-Milied ikun l-aqwa Milied li qatt kelli. Għinni nħejji ruħi għall-Milied billi nagħmel minn dan l-Avvent l-aqwa wieħed li qatt kelli”.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.