Soru fis-Sirja mifnija bil-gwerra qed tingħata għal ħidma ta’ bini mill-ġdid u fejqan

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 3 ta’ Diċembru 2018:  WASHINGTON (CNS) — Sister Annie Demerjian rat ħajja ta’ tbatija f’Aleppo, fis-Sirja, f’dawn l-aħħar seba’ snin. Issa, peress li l-kunflitt qed jibda jtaffi, il-ministeru tagħha m’għadux li twassal provvisti ta’ emerġenza lil dawk fil-bżonn minħabba li l-bini ġġarraf u l-ikel, l-ilma u l-elettriku kienu skarsi. L-isfida attwali hija li tgħin lin-nies jibdew jibnu ħajjithom mill-ġdid.

“Issa qegħdin ngħixu l-konsegwenzi ta’ snin ta’ gwerra ċivili”, hija stqarret.
Hekk kif il-belt Sirjana bidet tieħu l-ħajja fost it-tifrik, Sister Annie u tliet Sorijiet oħra ta’ Ġesù u Marija qegħdin jingħataw għax-xogħol, qegħdin jerġgħu jiftħu fabbriki tal-ħwejjeġ u jgħinu lin-nies isibu impjieg u jiżviluppaw is-snajja meħtieġa għax-xogħol.

“Qabel, konna qegħdin ngħixu jum b’jum jew minuta b’minuta,” u hi u tgħid hekk enfasizzat li hi u s-sorijiet l-oħra qatt ma kienu jafu meta se jaqgħu l-bombi jew min kien se jispiċċa mejjet..

“Il–biża’ kien kbir”, qalet is-soru ta’ 52 sena, f’Washington, fis-27 ta’ Novembru. Hija kienet fuq żjara biex tieħu sehem f’servizz ta’ talb li sar f’Novembru 28 – mniedi mill-‘Aid to the Church in Need-USA’ – f’ġieħ l-Insara martri ta’ żmienna, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Immakulata Kunċizzjoni. Hi kien bi ħsiebha li titkellem mal-kongregazzjoni dwar it-tbatija fir-reġjun u x-xogħol għall-bini mill-ġdid.

“Kull naħa tal-pajjiż fejn qed ngħix għandha storja x’tirrakkonta, storja li tikxef beraħ il-feriti li biss iż-żmien u l-ħniena ta’ Alla jistgħu jfejjqu”, u waqt li qalet dan enfasizzat li s-sitwazzjoni attwali titlob “irkupru minn dan il-piż tqil.” Ħafna huma dawk li qed jibku lil dawk li mietu u lil dawk li ħarbu; l-iżjed, it-tfal li raw b’għajnejhom vjolenza mill-agħar jew riġlejn u saqajn mitlufa minħabba splużjonijiet u issa jridu jiffaċċjaw il-“proċess twil ta’ fejqan.”

L-għadd ta’ dawk li mietu f’din il-gwerra ikekxek. Aktar kmieni din is-sena, l-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, ibbażat fir-Renju Unit, qal li mill-inqas 511,000 persuna nqatlu minn meta beda l-ġlied fis-Sirja f’Marzu, 2011. L-Aġenzija tar-Refuġjati tan-N.U qalet li 5.6 miljun Sirjan ħallew il-pajjiż u 6.6 miljun baqgħu fil-pajjiż, m’għandomx fejn joqogħdu, mill-bidu tal-gwerra ’l hawn.

Minn dawk li jibqgħu, miljuni jeħtieġu għajnuna umanitarja u kura għas-saħħa. Aktar minn 86,000 parti mill-iġsma mitlufa. Sister Annie qalet li t-tfal b’mod partikolari qed isofru, speċjalment it-3 miljun imwielda matul il-gwerra li jafu biss il-qerda vjolenti. Aktar minn 20,000 tifel u tifla nqatlu fil-gwerra, u 2.8 miljun tifel u tifla kienu ġew spustjati mid-djar tal-familja tagħhom, hija żiedet tgħid.

Hekk kif beda l-ġlied, Sister Annie, u erba’ sorijiet oħra f’Aleppo li kienu qed jgħallmu hemm, il-provinċjala tagħhom qaltilhom li setgħu jitilqu. Huma għażlu li joqogħdu, stqarrew li kienu għexu hemm fi żminijiet tajbin u se jibqgħu ukoll fi żminijiet mwiegħra.

“Għalina, din kienet esperjenza t’uġigħ il-qalb, iżda li tkun preżenti tagħmel differenza kemm għalina kif ukoll għan-nies tagħna”, qalet lill-‘Catholic News Service’.

U issa, qalet, qed niffokaw fuq “l-appoġġ lin-nies tagħna u nħalluhom jieqfu fuq saqjhom f’dinjità sabiex jibdew ħajja ġdida”, u tenniet li l-parti l-iktar faċli hija l-bini mill-ġdid fiżiku. “Ir-rikostruzzjoni tal-qalb u tar-ruħ” hija l-ikbar sfida. Hi taf ukoll li l-aħbarijiet dwar il-gwerra fis-Sirja naqsu mix-xena tal-aħbarijiet għal ħafna nies.

“Għall-bidu l-aħbarijiet kienu kollha dwar is-Sirja: issa m’hemm l-ebda aħbar dwar is-Sirja. Donnu kollox għadda,” qalet, u għamlitha ċara li “Xejn ma spiċċa, kulħadd jaf li dan mhuwiex il-każ.”

F’kummenti mħejjija għal waqt l-Għasar, Sister Annie kkumparat is-sitwazzjoni fis-Sirja ma’ xi ħadd li qed jirkupra minn operazzjoni serja.

“Ħaġa waħda hija l-esperjenza attwali tal-kirurġija, ħaġa oħra huwa l-perjodu twil ta’ żmien meħtieġ biex tirkupra. Is-Sirja u n-nies tagħha, nisperaw u nitolbu li waslu biex jidħlu fil-perjodu ta’ rkupru. Ser jieħu fit-tul u joħloq sfida. Jeħtieġ ħafna għajnuna mill-ħbieb u l-ġirien; jitlob ħafna paċenzja min-nies nfushom u rieda soda li jerġgħu jibnu ħajjithom.”

Hija qalet lil CNS li hi tħoss li aktar nies għandhom ikunu mgħarrfa dwar il-qagħda attwali fis-Sirja. Issuktat: “Jekk parti waħda tal-ġisem qed tbati, il-ġisem kollu qed isofri.”

“Għandna nkunu mgħarrfa dwar x’inhu għaddej,” qalet. “Ma nistgħux naqilbu l-folja u nħarsu band’oħra”.

Minn Carol Zimmermann Catholic News Service

Miġjub għall-Malti minn Louis Spiteri

http://www.catholicnews.com/services/englishnews/2018/woman-religious-in-war-torn-syria-focuses-on-rebuilding-healing.cfm

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading