Ieqaf tħossok vittma u sir awtur tad-destin tiegħek


(Test ikkwotat mill-Papa Franġisku fl-Omelija tal-Erbgħa 9 ta’ Mejju 2018)

Jista’ jkollok difetti, tkun anzjuż u anki rrabjat, imma tinsiex li ħajtek hi l-akbar negozju li jista’ jsir fid-dinja. Int biss tista’ żżommha milli tfalli. Ħafna japprezzawk, jammirawk u jħobbuk. Ftakar li tkun ferħan mhux jekk ikollok sema mingħajr maltemp, triq mingħajr inċidenti, xogħol mingħajr taħbit, relazzjonijiet mingħajr delużjonijiet.

Li tkun ferħan ma jiddeċidihx id-destin

augusto-cury.jpgLi tkun ferħan ifisser issib il-qawwa fil-maħfra, it-tama fil-battalji, iċ-ċertezza fiż-żmien tal-biża’, l-imħabba mqar qalb in-nuqqas ta’ ftehim. Tkun ferħan mhux biss meta tgawdi t-tbissima, imma anki meta tirrifletti fuq in-niket. Mhux biss meta tiċċelebra s-suċċessi, imma meta titgħallem mill-fallimenti. Mhux biss meta tħossok kuntent għax iċapċpulek, imma meta tħossok kuntent ukoll meta ma jaf bik ħadd. Li tkun ferħan ma jiddeċidihx id-destin, imma hu riżultat għal dawk li kapaċi jimirħu fihom infushom. Tkun ferħan ifisser tieqaf tħossok vittma u ssir awtur tad-destin tiegħek. Ifisser taqsam kemm-il deżert, imma jkollok il-ħila ssib oasi fil-qiegħ nett ta’ qalbek. Ifisser trodd ħajr lil Alla ta’ kull filgħodu għall-miraklu tal-ħajja.

Tibżax mis-sentimenti tiegħek

Tifraħ ifisser ma tibżax mis-sentimenti tiegħek u tkun kapaċi titkellem dwarek innifsek mal-oħrajn. Hu l-kuraġġ li tisma’ “le” u quddiem il-kritika ssib il-fiduċja, imqar meta tkun kritika inġusta. Il-ferħ hu li tbus lil uliedek, iżżiegħel bil-ġenituri tiegħek, tgħix mumenti poetiċi ma’ ħbiebek, anki meta jweġġgħuk. Inkunu ferħana jfisser li nħallu tgħix lil dik il-ħlejqa li hemm ħajja f’kull wieħed u waħda minna, ħielsa, hienja u sempliċi. Ifisser li jkollna biżżejjed maturità biex ngħidu: “Żbaljajt”. U jkollna l-kuraġġ ngħidu: “Skużani”. U jkollna s-sensibbiltà li ngħidu: “Għandi bżonnok”. U jkollna l-ħila ngħidu: “Inħobbok”.

Jalla ħajtek issir ġnien

Jalla ħajtek issir ġnien ta’ opportunitajiet ta’ ferħ… biex fir-rebbiegħa tkun ħabib tal-ħajja u fix-xitwa ħabib tal-għerf. U meta tagħmel xi żball, erġa’ ibda mill-ġdid. Għax hekk biss tkun innamrajt mal-ħajja. Tiskopri li l-ferħ mhux qiegħed f’li jkollok ħajja perfetta. Imma uża d-dmugħ tiegħek biex issaqqi t-tolleranza. Uża t-telfiet tiegħek biex titħarreġ fis-sabar. Uża l-iżbalji tiegħek bis-serenità tal-iskultur. Uża l-uġigħ tiegħek biex tintona l-pjaċir. Uża t-tfixkil li ssib biex tiftaħ it-tieqa tal-intelliġenza. Qatt taqta’ qalbek… Fuq kollox, qatt taqta’ jiesek mill-persuni li jħobbuk. Qatt tirrifjuta l-ferħ, għax il-ħajja hi spettaklu inkredibbli.

Augusto Cury, Diez leyes para ser felices, 2003

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard