Avvent ma’ Marija – It-Tielet Ġimgħa – Il-Ġimgħa


DIPENDENTI

“Għajnejna lejn il-Mulej”. – Salm 123:2

48363642_1067548956757721_305466706975784960_nKif Marija u Ġużeppi waslu Betlehem, hu ta’ interess kbir għalina dak li ma jingħadx dwar din il-wasla tagħhom. Marija u Ġużeppi reġgħu ġew Betlehem, id-dar tar-razza tal-familja ta’ Ġużeppi – imma l-familja tiegħu ma tissemmiex. La jissemmew qraba, la xi karwana tal-familja, lanqas xi pjanijiet tiegħu biex jingħaqad mill-ġdid ma’ niesu.

Immaġina x’seta’ għadda mill-qalb ta’ Marija. Hekk kif Marija qorbot biex teħles, kienet għalkollox dipendenti fuq Ġużeppi huwa u jmexxiha. Ġużeppi ħadhom Betlehem, u hi kienet taf li ma kellux l-iċken idea ta’ x’ħa jagħmlu meta jaslu hemm. Il-mod kif Betlehem naqset milli tilqagħhom kompla żied id-dipendenza tagħhom fuq Alla. It-tnejn kienu għalkollox dipendenti fuq Alla.

Ħafna minna ma jiħdux pjaċir jiddipendu fuq ħaddieħor. Fil-fatt, il-kultura tagħna żżomm fuq wiċċ l-idejn lil dawk li huma indipendenti u li joħorġu u jaslu waħidhom. Madankollu, Alla ħalaqna biex inkunu dipendenti għax huwa proprju hemm li l-aktar niġu bżonnu.

Fejn int l-aktar dipendenti fuq Alla? X’ċirkustanzi f’ħajtek tlift kull kontroll fuqhom? X’sitwazzjonijiet se taffaċċja f’dan iż-żmien tal-Milied li jġagħluk tkun għalkollox dipendenti fuq Alla? Fejn tħossok dgħajjef, bla saħħa, jew vulnerabbli?

Issa għid: “Jien ma nistax”… “Int tista’”… “Int wegħedt”. Dik talba kbira. “Mulej, ma nistax, imma naf li int tista’… għax int wegħedt”. Meta tħossok dipendenti u Alla hu l-uniku wieħed li fuqu tista’ ddur, għid din it-talba: “Jien ma nistax, imma inti tista’, u int wegħedt”. Imbagħad, stenna flimkien ma’ Marija u ħalli lil Alla jaħdem.

Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob bil-Ktieb tal-Ġenesi. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod Ġenesi 15:1-6; 16:1-16; 22:1-7. Ħaddem is-sensi spiritwali tiegħek u itlob bl-immaġinazzjoni tiegħek flimkien ma’ Marija f’Luqa 2:6. Imbagħad, għid din it-talba:

“Missier, għandi ħerqa kbira li nduq ix-xewqa tiegħek, il-fedeltà tiegħek, u l-konsistenza tiegħek. Nitolbok tiftaħli qalbi biex tgħannaq magħha d-dipendenza”.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?