It-Tħabbira rrivoluzzjonat l-istorja

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 20 ta’ Dicembru 2018: Fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku għamel riflessjoni qasira dwar il-misteru tat-Tħabbira tal-Anġlu, il-waqt li biddel għal kollox l-istorja tal-bniedem, u stqarr li huwa diffiċli titkellem dwar din il-ġrajja.

 

Is-silta tal-Vanġelu li ttina l-liturġija tirrakkonta waqt deċisiv fl-istorja, l-aktar wieħed rivoluzzjonarju, qal il-Qdusija Tiegħu. Hija sitwazzjoni mqallba, fejn kollox jinbidel u l-istorja tinqaleb ta’ taħt fuq.

Huwa diffiċli tipprietka dwar dan il-Vanġelu, qal Bergoglio, u meta nhar il-Milied jew fil-festa tal-Lunzjata nistqarru dal-misteru tal-fidi tagħna, ninżlu għarkupptejna bil-qima.

Huwa l-waqt li fih kollox jinbidel, mill-għeruq. Liturġikament illum hu l-jum tal-għerq, issokta jgħid. L-antifona tal-lum hija dwar l-għerq ta’ Jesse li minnu għad toħroġ ir-rimja. Alla jiċċekken, Alla jidħol fl-istorja. Dan jagħmlu bi stil orġinali: b’sorpriża. Alla tas-sorpriżi jissorprendina għal darb’oħra.

Il-Papa Franġisku ried jgħin lill-assemblea tidħol aktar fil-fond tat-tifsira ta’ dan il-pass fundamentali fl-istorja tal-bniedem u tirrifletti sew fuqu, u għalhekk reġa’ qara l-Vanġelu mill-ġdid.

‘L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal.  Għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.’

‘Allura Marija qaltlu: ‘Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħalli jsir minni skont kelmtek.’ U l-anġlu telaq minn ħdejha.’

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading