Lectio Divina. Il-Magħmudija ta’ Ġesu. Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 3, 15-16.21-22): Il-ġimgħa l-oħra rajna li Epifanija tfisser manifestazzjoni.  L-ewwel Insara kienu jiċċelebraw tlitt darbiet ta’ meta Ġesu’ wera ruħu: (a) Meta żaruh il-Maġi juri kif il-pagani wkoll laqgħu ‘l Alla wara li rriflettew li jekk il-ħolqien hu tant sabiħ, mela kemm kien isbaħ u tajjeb min ħalqu; (b) Fit-tieġ ta’ Kana Ġesu’ wera kemm Alla jħobb lill-umanita’, kif l-għarus iħobb lill-għarusa, l-aktar dak in-nhar tat-tieġ.  Din l-imħabba ġġib ferħ ta’ min jiċċelebrah bil-kbir; (ċ)  Fil-Magħmudija tiegħu,  Ġesu’ wera ruħu aktar fil-beraħ.  Għall-ewwel Insara din kienet aktar Epifanija mill-ewwel waħda.  Illum mistednin biex insiru nafu lil Ġesu’ aktar intimament, biex b’hekk inħobbuh aktar.

  1. “Il-poplu kien qiegħed jistenna” l-Messija għal sekli sħaħ.  Fis-sena 27 AD kien qed isofri il-madmad tar-Rumani. Xtaqu l-wasla ta’ Messija li jġib il-bidla, dinja ġdida, paċi u prosperita’.  Bdew jittamaw li dan wasal fil-persuna tal-Battista, għax wera li kien raġel tajjeb u jeżorta n-nies biex jgħixu sew u jkunu ġusti ma’ xulxin.  Jipprietka biex jobdu l-liġi t’Alla u jitgħammdu.  Dil-magħmudija kienet taħsel il-ġisem minn barra, u ma kellha ebda effett jekk dak li jkun ma jkunx ġa nidem minn dnubietu u biddel ħajtu biex jgħix skont il-Kelma t’Alla rrivelata fl-Iskrittura Mqaddsa.  Din it-tama tal-poplu fi Ġwanni intemmet ħesrem: l-ewwel għax hu stess stqarr: “Mhux jien, imma ġej ieħor li hu aqwa minni.”  It-tieni għax ftit wara, Erodi arrestah u Ġwanni ma ħariġx aktar minn dak il-ħabs ħaj.  U aħna llum x’qed nistennew?  Li Alla juri l-qawwa tiegħu billi jintervjeni bil-mirakli biex isolvilna l-problemi tad-dinja, għax aħna mhux kapaċi negħilbu l-faqar, il-gwerer u l-inġustizzji?  Inkunu komdi b’Messija bħal dan!  Ġwanni jtina r-risposta tiegħu: “Tridu tistennew wieħed li jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.” L-ilma ta’ dil-Magħmudija l-ġdida tnaddafkom mhux minn barra imma minn ġewwa, i.e. se tidħol fid-dinja ħajja differenti, jiġifieri waħda li mhux ġejja minn did-dinja materjali imma mis-sema.
  2. “U ġara li ….Ġesu’ tgħammed ukoll.”  L-ilma msawwab minn Ġwanni fuq Ġesu’ huwa simbolu ta’ l-Ilma tal-Ħajja ta’ Dejjem li Ġesu’ se jitkellem fuqu mas-Samaritana.  Meta pjanta tieħu l-ilma mill-għeruq, dan l-ilma jsir għajn ta’ ħajja għall-weraq u l-frott.  Bl-istess mod,  kull min se jirċievi l-Magħmudija l-ġdida ta’ Ġesu’, din se ssir fih għajn tal-Ħajja ta’ dejjem.  Hawn għandna qabża ta’ kwalita’ minn sempliċi uman għal uman awtentiku. Mingħajr din il-ħajja tal-Etern, il-bniedem ikompli jġib ruħu ta’ bhima selvaġġa.  Għalhekk Ġwanni jgħid “… u bin-nar.” Dan mhux xi nar tal-kastig, imma n-nar tal-Ispirtu li se jaħraq u jnaddaf l-imġieba ħażina tal-bhejjem selvaġġi ta’ dawk li kienu jħaddnu l-valuri tad-dinja antika.  B’din il-magħmudija, issa dawn se jibdew iġibu ruħhom ta’ ulied Alla, u b’hekk tibda turi ruħha fid-dinja l-ħajja Divina: imħabba, maħfra, għaqda, paċi, akkoljenza tal-barrani u ta’ bla saqaf, f’kelma waħda, ħajja ddedikata biex tara l-oħrajn dejjem ferħanin.  Din hi d-dinja l-ġdida li waqqaf Sidna Ġesu’ Kristu.
  3. Il-Lhud kienu qed jistennew Messija li jġib il-ġustizzja billi jaħraq il-midinbin kollha.  Kieku wera ruħu hekk Ġesu’, kienu jaċċettawh bil-qalb.  Minn flok, Ġesu’ wera li ma jridx il-qerda tal-midneb imma li jkun qrib tiegħu ħa jikkonverti.  Wera li Alla jħobb lill-bnedmin għax kollha huma uliedu.  Dan Messija li se jmexxi bl-imħabba mhux bil-forza tal-poter.  Għalhekk niżel fl-ilma biex jitgħammed bl-umilta’ kollha qisu xi midneb. B’hekk ikun viċin tal-poplu, kif Alla dejjem kien qrib tal-poplu magħżul taħt forma ta’ sħaba, kolonna tan-nar, fit-tinda tal-Arka tal-Allejanza jew fit-Tempju.  Alla kien fidil lejhom kemm meta huma kienu fidili lejh u kemm meta nsewh.  F’din l-ewwel wirja pubblika tiegħu illum, Ġesu’ qed jikkonferma li Alla qed ikompli jakkumpanja lill-bniedem, midneb jew mhux, fil-mixja tiegħu tal-ħajja.  Fl-ebda reliġjon oħra ma ssibha dil-ħaġa.
  4. “….kien qiegħed jitlob,” i.e.mhux kien qed jgħid xi talba b-amment, imma kien f’sintonija u armonija mal-ħarsa, l-qalb u s-sentimenti tal-Missier.  In fatti, dak il-ħin, “is-sema nfetaħ” u Ġesu’ ra ċar x’kienet se tkun il-missjoni tiegħu.  Ir-rabbini kienu jemmnu li s-sema li naraw kien għatu kbir fuq id-dinja, u fuqu kien hemm seba’ smewwiet, u minn wieħed għall-ieħor kien hemm mixja ta’ 500 mitt sena.  Alla kien fis-seba’ sema, u, mħabba fl-infedelta’ tal-bniedem,  dawn is-smewwiet ingħalqu, u Alla żamm ruħu ‘l bogħod mill-bniedem u ma riedx jaf bih iktar.  Kien żmien meta l-profeti ma baqgħux jisimgħu leħnu: “Fostna ma fadalx aktar profeti u ħadd ma jaf kemm se jdum das-silenzju min-naħa t’Alla” (Salm 74).  “Mhux li ċċarrat is-smewwiet u tinżel fostna!” (Isaija).  Illum għandna r-risposta: “Is-smewwiet infetħu (iċċarrtu) għax l-Iben t’Alla sar bniedem u ġie jgħammar fostna.  Dawn is-smewwiet issa mhu se jingħalqu qatt aktar għall-bnedmin, kemm jekk ikunu tajbin u kemm jekk jidinbu.
  5. “..u niżel l-Ispirtu s-Santu fuqu taħt sura li tidher bħal ħamiema,” i.e. mhux b’xi saħħa ta’ ljun feroċi imma ta’ ħamiema ġwejda.  Din tfakkarna meta Noe’ telaq ħamiema u ma ġietx lura għax id-dulluvju kien għadda, u reġgħet saltnet il-paċi bejn is-sema u l-art. Mela, la l-Ispirtu s-Santu għażel is-simbolu ta’ tenerezza, affett u tjubija, ifisser li l-paċi bejn is-sema u l-art issa se jseħħ kompletament.  L-Ispirtu s-Santu kien minn dejjem ma’ Ġesu’ Kristu.  Illum qed naraw li Ġesu’ ried li n-nies isiru konxji tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, għax issa, kull fejn se jersaq Ġesu’, se jġib il-milja tal-Ispirtu s-Santu: “Int Ibni l-għażiż, i.e. kull min jara lilek, se jara lili.  Int l-għaxqa Tiegħi, il-maħbub Tiegħi.”  Ejjew nisimgħu li dal-kliem jgħodd għalina, għax aħna l-imgħammdin aħna wkoll ulied Alla, u jiħtieġ li qatt ma ninsew nikkontemplaw il-wiċċ tal-Missier f’kull min hu mgħammed bħalna.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini   

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading