Evanġelju tal-Ħamis 31 ta’ Jannar 2019

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 4, 21-25

Fis-silta ta’ qabel din, Ġesù juri li l-Kelma ta’ Alla tasal għand kulħadd. Il-frott li tagħti dik il-kelma jiddependi ħafa mid-dispożizzjoni ta’ min jismagħha u kemm lest li ma jħallix it-tfixkil li joġloq hu stess jew li sjib ma’ wiċċu, iwaqqfu.

Ħadd ma hu iblah daqstant, jgħid Ġesù, li jixgħel il-musbieħ u jgħattih taħt siegħ (qies ta’ kwantità, bħal barmil tal-injam, li jesa għaxar kejliet) jew inkella taħt is-sodda. Il-Kelma toħroġ biex tqanqal u tmexxi mhux biex titgħażżen u traqqad. Dak li hu moħbi, irid xi darba jingħaraf u dak li hu mwarrab biex igawdih kulħadd. Inutli tipprova taħbi l-verità tal-Kelma, jew iddawwarha, jew tostorha; xi darba jew oħra għad tkun magħrufa għax l-għan tagħha dak hu.

Il-bniedem li jħoss il-verità tal-Kelma skomda, jista’ jipprova, jgħattiha jew irattabha jew jaħbiha. Iżda jagħmel x’jagħmel ma jista’ qatt jaħrab mir-rejaltà tagħha. Il-qalb li tintmess mill-Kelma tista’ tirrejaġixxi b’modi differenti għal dak li jmissha, iżda fl-aħħar mill-aħħar il-ġibda lejn dak li tfisser hemm tkun, anke jekk midfuna fil-qiegħ nett. U dan huwa sinjal ta’ tama kbira għal dawk li jaħsbu li l-Kelma ma tħallix effett, jew li minkejja l-qawwa tagħha, ċerti ċlub ma tqanqalhomx. Il-mument jasal għal kulħadd li jħalli qalbu tirtab biex iduq il-ħlewwa tal-Kelma u jħalliha tkellmu u tqanqlu u tmexxih. Qatt ma hu tard wisq.

Iżda wieħed irid joqgħod attent x’kelma jisma’. Faċli ħafna li nitqarrqu. Il-Kelma għandha valur mhux biss fiha nnifisha, imma il-valur tagħha jikber jew jiċkien skont min jgħidha. Għalhekk l-attenzjoni qatt ma hi żejda. Jekk wieħed jagħti kas kelma u jwarrab dik vera li ġejja minn Ġesù, il-probabiltà hi li jitlef anke l-ftit li jkollu, iżda jekk jilqagħha, il-ftit li jkollu jitkattarlu.

Leave a Reply

%d bloggers like this: