X’tistenna l-Knisja f’Malta minna l-konsagrati

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 31 ta’ Jannar 2019: Jum il-Ħajja Konsagrata 2019. Messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fis-Santwarju tal-Ħniena Divina, Naxxar.

X’tistenna l-Knisja f’Malta minna l-konsagrati

Ġesù Kristu, fl-imħabba bla qies tiegħu, darba dawwar ħarstu lejn kull wieħed u waħda minna u, għamlilna stedina personali: “Ejja! Imxi warajja!” (Mk 10:21). Aħna weġibnieh “iva”. Xi drabi din kienet tweġiba mimlija entużjażmu u ferħ, xi drabi kienet iktar tweġiba bi tbatija, u forsi mhux ċerta. Madankollu, aħna mxejna warajh, bil-ġenerożità, u ħallejna lilna nfusna nkunu mmexxijin minnu. Illum ngħidu grazzi mill-qalb lill-Mulej talli sejħilna u talli weġibna. Il-Knisja f’Malta hi grata lejn Alla u lejkom, għeżież membri tal-kongregazzjonijiet ta’ ħajja konsagrata.

Dawn li se naqsam magħkom huma ħames punti ta’ riflessjoni fuq dak li l-Knisja f’Malta tistenna mill-konsagrati. Huma ispirati minn dak li s-Sinodu Djoċesan ta’ Malta fid-dokumenti finali qal rigward il-persuni ta’ ħajja konsagrata, mid-dokument tal-Hajja Konsagrata f’Malta li ħareg xi snin wara s-Sinodu, u dak li l-Papa Franġisku f’ċirkustanzi differenti indika u li l-Knisja f’Malta tixtieq li tagħmlu l-orjentament tagħha.

1. Ħajja bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu

San Pawl jgħid hekk lill-Filippin (3:7-12):

“Dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih….Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbħu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet. M’iniex ngħid li jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma nross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili”.

Dan il-kliem ifisser tajjeb ħafna l-qofol tas-sejħa għall-ħajja konsagrata fil-Knisja. Il-Knisja f’Malta tistenna li intom tgħixu bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu.

Kristu huwa l-iskop ewlieni ta’ ħajjitna. Lilu rridu nħobbu b’qalb sħiħa. Fuqu rridu nfasslu ħajjitna. Miegħu nixtiequ noffru lilna nfusna lill-Missier u nħallu l-Ispirtu tiegħu jmexxina. Ma’ Ġesù rridu niftħu qalbna għall-bnedmin kollha, inħobbuhom, naqduhom u nfittxu s-salvazzjoni tagħhom. Jekk irridu tiġdid fil-ħajja u l-missjoni tagħna fil-Knisja ma hemmx triq oħra ħlief li “nerġgħu nibdew minn Kristu”.

2. Ngħixu l-konsagrazzjoni bħala profezija

Il-ħajja konsagrata hija don speċjali li Alla jagħti lill-Knisja tiegħu. Din il-ħajja tagħmilna ħaga waħda ma’ Kristu permezz ta’ konsagrazzjoni speċjali li ssib l-għeruq tagħha ’l ġewwa fil-konsagrazzjoni tal-magħmudija. Għalhekk, aħna msejħin biex inkunu dawl għall-oħrajn. Kif qrajna fl-Evanġelju tal-lum: “…ma jixegħlux il-musbieħ u jqegħduh taht is-sodda, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar” (Mk 4:21). L-Ispirtu s-Santu hu kreattiv b’tant kariżmi sbieħ fil-Knisja u b’għadd kekk sabiħ ta’ fundaturi li kienu dan id-dawl jiddi.

Papa Franġisku, fl-Ittra tiegħu lill-persuni ta’ ħajja konsagrata, isostni li n-nota li tikkaratterizza l-ħajja konsagrata hi l-profezija. Ilkoll aħna dixxipli ta’ Kristu u msejħin biex inkunu xhieda tal-Evanġelju skont is-sejħa. X’jiġifieri l-ispeċifiku hu l-profezija? Li turi lil kulħadd id-destinazzjoni lejn fejn mexjin. Hi l-kapaċità li tara lil hinn minn dak li jidher bħalissa. Inxandru b’ħajjitna fuq kollox, qabel ma nagħmlu dan bil-kliem, ir-realtà ta’ Alla: inwasslu lil Alla. “Il-profezija hija li tgħid li hemm xi ħaġa li hija aktar vera, iktar sabiħa, ikbar, itjeb li għaliha lkoll aħna msejħin.”

Is-Sinodu Djoċesan hekk ifissirha l-ħajja konsagrata: “Il-ħajja konsagrata hi xhieda tal-esiġenzi radikali tal-Evanġelju u tal-Assolut fil-ħajja tal-bniedem. Dawk li jħaddnu l-ħajja konsagrata jagħtu ruħhom għal Alla…, jimxu fuq il-passi ta’ Kristu u jiċħdu d-dinja b’kull ma fiha biex, bi spirtu ta’ faqar u b’qalb umli jaqdu lil Alla bil-fedeltà f’ħuthom.

Il-persuni kkonsagrati mhumiex qed jaħarbu d-dinja imma jgħixu din ir-realtà f’dimensjoni aktar miftuħa u traxxendentali, permezz tal-voti tal-faqar, kastità u ubbidjenza.

Tajjeb li nerġghu nirriflettu fuq is-sejħa li kien għamel il-Papa Ġwanni Pawlu II: “Għixu fil-milja kollha tagħha id-dedikazzjoni tagħkom lil Alla, biex mid-dinja qatt ma jonqos dak ir-raġġ tal-ġmiel ta’ Alla, li jdawwal il-mixi tal-eżistenza tal-bniedem”. F’dinja fejn l-insara huma kontinwament mhedda mir-ritmu mgħaġġel tal-ħajja, u kultant mill-aljenazzjonijiet tal-ħajja, il-membri tal-ħajja konsagrata għandhom bħala missjoni li juru lil Alla, li jkunu b’mod partikulari l-mera ta’ Kristu u l-istrument tad-dinamiżmu tal-Ispirtu divin.

Għalhekk hi importanti ħafna l-kontemplazzjoni, għax tgħinna niftħu qalbna għal Alla li jista’ jimliena bid-dawl tiegħu biex imbagħad aħna nkunu dawl għall-oħrajn. Il-Knisja tistenna li l-persuni konsagrati jkunu nies ta’ kontemplazzjoni.

3. Nagħtu xhieda ta’ komunjoni

Naf li l-Istitut ta’ Ħajja Konsagrata f’Malta għażel għal dawn is-sentejn li intom tiffokaw fuq il-kontemplazzjoni u l-komunjoni. Dawn imorru flimkien.

Ħa nħarsu lejn il-komunjoni li ġejja minn Alla li hu Trinità, u li jsejħilna biex fil-ħajja ma’ xulxin nirriflettu din il-ħajja li hu sejħilna biex nipparteċipaw fiha.

Il-membri ta’ ħajja konsagrata fil-Knisja għandhom jagħtu xhieda ta’ komunjoni, l-ewwel u qabel kollox, bejniethom stess permezz tal-ħajja komunitarja. Ir-responsabbiltà u r-rwol tagħhom hu li jgħixu l-kariżma tal-komunjoni u jagħtu xhieda tagħha fil-Knisja u quddiem id-dinja. Għandhom “ikunu qalb waħda bejniethom, iqisu ‘l xulxin l-istess, u jħeġġu ‘l xulxin għall-imħabba u l-għemejjel tajba biex bil-ħajja qaddisa tagħhom jidhru kullimkien bħala xhieda veri ta’ Ġesu”.

Is-Sinodu Djoċesan jenfasizza l-ħtieġa ta’ spiritwalità tal-komunjoni li hi meħtieġa biex tagħti l-ħajja lill-komunitajiet ta’ ħajja konsagrata. Din l-ispiritwalità tgħin biex l-aħwa fil-komunità “isiru sagramenti ta’ Kristu u tal-laqgħa ma’ Alla… (u mezz żgur) biex jingħex il-kmandament tal-imħabba u l-komunjoni Trinitarja… F’ambjent bħal dan isir aktar faċli li wieħed jaċċetta lill-oħrajn u li jifhimhom aħjar.”

Il-komunjoni turi ruħha fl-attenzjoni lejn xulxin, fl-imħabba, fil-kompassjoni u l-pacenzja. Jispjega Papa Frangisku, f’diskors lill-membri ta’ hajja konsagrata: “Trid tibda mill-affarijiet żgħar li wieħed jgħix fil-ħajja tal-komunità u fil-ħajja ta’ konsagrazzjoni skont il-varjetà li waqqaf l-Ispirtu s-Santu…. Tibda minn affarijiet żgħar, tissaporti affarijiet żgħar, tagħmel ġesti żgħar bħal titbissem minflok ma tibgħat lil xi ħadd jixxejjer…. u tasal sas-sagrifiċċju tiegħek innifsek, ta’ ħajtek. Din hi l-paċenzja, li twassalna biex ‘terfa’ t-tagħbija’ u li San Pawl jitkellem dwarha bħala virtù nisranija. Il-ħajja kkonsagrata ma tkampax bla paċenzja, jiġifieri bla ħila li nbatu.”

Il-hajja ta’ komunjoni trid turi ruhha b’mod partikulari fis-sensitività fi kliemna. Fuq dan Papa Franġisku kien ċar ħafna meta kellem lill-membri tal-istituti ta’ ħajja konsagrata: “Mod kif nitbiegħdu minn ħutna fil-komunità huwa proprju dan: it-terroriżmu tal-kliem fuq xulxin… Isimgħuni sewwa: mhux li nitkellmu imma t-terroriżmu tal-kliem fuq xulxin. Għaliex min jagħmel hekk huwa terrorista. Huwa jew hija terrorista ġewwa l-komunità tiegħu jew tagħha, għaliex iwaddbu, bħal bomba, kelma kontra dan, kontra dak, u mbagħad jitilqu bil-kwiet. Min jagħmel dan, ikun qed jeqred! Dan ikun qed ifarrak, bħalma tagħmel bomba, u mbagħad jitlaq. Din, itenni l-appostlu san Ġakbu, hija l-aktar virtù diffiċli, il-virtù umana u spiritwali l-aktar iebsa li jkollok, din li trażżan ilsienek.” Papa Franġisku jkompli jenfasizza: “Jekk jiġik li tgħid xi ħaġa kontra xi wieħed jew waħda minn ħutek, li tixħet bomba bi kliemek, igdem ilsienek! B’mod qawwi! It-terroriżmu fil-komunitajiet, le!” Hu jispjega kif li tagħmel korrezzjoni hi importanti, imma din trid tgħidha direttament lill-persuna. “Jekk ma jkunx il-waqt li tagħmel dan – għaliex xi drabi mhux prudenti– , inti mur tkellimha ma’ min jista’ jirmedja, ma’ min jista’ jsovi l-problema, u titkellem ma’ ħadd aktar.”

4. Inkunu fil-qalba tas-soċjetà Maltija

Il-Knisja Maltija tistenna mill-persuni konsagrati li jkunu qrib il-poplu, li jgħixu fil-qalba tas-soċjetà Maltija.

Papa Franġisku jsemmi kemm dan hu importanti: “Ix-xejriet kollha ta’ ħajja kkonsagrata, kull waħda skond il-karatteristiċi tagħha, huma msejħin…jaqsmu fl-‘hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kolha li jbatu.’”

Hu jfisser x’jigifieri li tkun qrib tan-nies: “Irġiel u nisa kkonsagrati, mhux biex nitbiegħdu min-nies u jkollna l-kumditajiet kollha; le, imma sabiex inkun qrib u nifhem il-ħajja tal-insara, it-tbatijiet, il-problemi, dawk il-ħwejjeġ kollha li nifhmuhom biss jekk raġel jew mara kkonsagrati ikunu qrib: inkunu proxxmu.” Għall-persuni kkonsagrati l-ħajja mhux xi status ta’ ħajja li tagħmilna nħarsu lejn l-oħrajn mill-bogħod. Il-ħajja konsagrata għandha twassalna biex inkunu qrib tan-nies: inkunu qrib fiżikament u b’mod spiritwali.

Dan juri ruħu bl-għożża li nuru lejn kull persuna li niltaqgħu magħha, hu x’inhu l-kulur tagħha, ir-reliġjon, l-istat socjali, u tant aspetti oħra ta’ diveristà. Fl-Ezortazzjoni Appostolika Il-Ferh tal-Evangelju, Papa Franġisku jispjega li ngħożżu l-persuna: “Mhux minħabba d-dehra fiżika tagħha, il-ħiliet tagħha, il-lingwaġġ tagħha, il-mentalità tagħha jew is-sodisfazzjon li tista’ toffrilna, imma għax hi opra ta’ Alla, ħlejqa tiegħu. Hu ħalaqha xbieha tiegħu, u hi tirrifletti xi ħaġa mill-glorja tiegħu….Għal dik il-persuna, Ġesù Kristu xerred id-demm prezzjuż tiegħu fuq is-salib.” Għalhekk kull persuna timmerita l-imħabba u l-attenzjoni tagħna. Papa Franġisku jgħid xi ħaġa li tant tagħmlilna kuraġġ. Jgħid hekk: “…jekk jirnexxieli ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti.”

Aħna u nħarsu lejn Ġesù Kristu bħala mudell ta’ qadi, “…irridu nidħlu fil-qalba tas-soċjetà, naqsmu l-ħajja ma’ kulħadd, nisimgħu l-inkwiet tagħhom, ngħinuhom materjalment u spiritwalment fil-ħtiġijiet tagħhom, nifirħu ma’ min jifraħ, nibku ma’ min jibki u nħabirku fil-bini ta’ dinja ġdida, spalla ma’ spalla mal-oħrajn.”

L-istorja tal-kongregazzjonijiet ta’ hajja konsagrata f’Malta hi storja tassew sabiħa ta’ impenn soċjali qrib il-poplu. Il-Knisja, permezz tagħkom, kienet pijuniera f’tant oqsma ta’ tbatija fejn in-nies kellhom bżonn l-għajnuna. Tul is-snin, kontu u għadkom, fost tant sagrifiċċji, qrib il-morda, il-ħabsin, il-vittmi tal-abbuż, ir-refuġjati u dawk li qed ifittxu l-kenn, l-emarġinati, il-fqir u l-batut, u l-midinbin. L-imħabba tagħkom lejn Alla qanqlitkom biex toħorġu tfittxu lill-oħrajn u pprovdiet tama ta’ ħajja ġdida lil tant nies.

Is-Sinodu Djoċesan, isejjaħ lill-membri ta’ ħajja konsagrata biex : “ikunu minn ta’ quddiem …li jagħtu xhieda awtentika ta’ ġustizzja fil-ħajja u l-għażliet kollha tagħhom. Għandhom iħabirku biex ifittxu kif jistgħu jkunu preżenti fost il-fqar il-ġodda ta’ pajjiżna u ta’ barra minnu, kif ukoll ifittxu kif jgħinu lill-Knisja f’Malta tifhem aħjar xi tfisser l-għażla tal-fqar billi huma jagħmlu din l-għażla b’mod aktar radikali …Skond il-kariżma ta’ kull ordni u kongregazzjoni, jaraw kif isaħħu l-impenn tagħhom favur il-ġustizzja, il-paċi u l-ħarsien tal-ħolqien, u kif isaħħu l-koordinament tagħhom f’dawn l-oqsma waqt li jaraw kif jużaw aħjar id-djar u l-istituzzjonijiet tagħhom favur il-ġustizzja, il-paci u l-ħarsien tal-ħolqien.”

5. Nagħtu sehemna għall-konverżjoni missjunarja tal-Knisja Maltija

Il-persuni ta’ ħajja konsagrata għandhom sehem importanti ħafna fil-konverżjoni missjunarja li hi meħtieġa mill-Knisja Maltija llum fid-dawl ta’ Evangelii gaudium.

Jistgħu jagħtu dan il-kontribut billi jkunu minn ta’ quddiem f’din il-konverżjoni, li tfisser li ma nibqgħux inħarsu lejn dak li għadda b’nostalġija li tagħlaqna fina nfusna u fl-imgħoddi tagħna.

Papa Franġisku jsemmi dik li jsejjaħ “it-tentazzjoni tas-sopravivenza.” Hu jispjegaha hekk: “Hi marda li tista’ tidħol fina ftit, ftit, tidħol fil-komunitajiet tagħna. L-atteġġjament tas-sopravivenza jagħmilna nies beżżiegħa, iwassalna biex naqra naqra u fis-skiet, ningħalqu fi djarna u fl-iskemi tagħna. Iwaddabna lura, lejn l-għemejjel glorjużi – iżda li għaddew – li minflok iqanqlu l-kreattività profetika mwielda mill-ħolm tal-fundaturi tagħna, tfittex taqta’ t-triq biex taħrab mill-isfidi li llum iħabbtu fuq il-bibien tagħna.”

Isostni Papa Franġisku: dak li l-Mulej jippreżentalna bħala opportunità għall-missjoni, it-tentazzjoni tas-sopravivenza tibdlu f’periklu, f’theddida, fi traġedja. Il-psikoloġija tas-sopravivenza ddgħajjef il-qawwa tal-kariżmi u tneżżagħhom minn dik il-qawwa kreattiva li kienet inawgurathom; nispiċċaw infittxu li nindukraw l-ispazji tagħna, il-bini u l-istrutturi aktar milli biex nwelldu proċessi ġodda.

Hu ghalhekk li l-Papa jsejjah ghal konverzjoni missjunarja mill-Knisja kollha: “Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni.” L-għażla missjunarja tfisser: li nghaddu minn pastorali li tistenna l-klijenti għal pastorali li tmur lejn il-periferiji, tfittex in-nagħġa l-mitlufa.

Din il-konverzjoni missjunarja titlob minna li nħallu l-kriterju pastorali komdu ta’ “għax dejjem hekk sar”. Din hi tentazzjoni komuni, kultant min-nies li jkunu madwarna u ghandhom hafna intenzjonijiet tajba, imma li jintrabtu ma’ forom u metodi partikulari. “Dejjem hekk sar” qatt mhu wahdu kriterju tajjeb pastorali. L-ewwel nett ghax ‘dejjem’ aktarx mhu dejjem xejn – per ezempju mitt sena minn elfejn sena tal-hajja tal-Knisja zgur ma jistax jitqies dejjem – u wkoll ghax il-mistoqsija l-aktar importanti hi: x’inhu mehtieg illum? X’inhuma s-sinjali li Alla qed jurina u li jridna nwiegbu ghalihom illum?

Konklużjoni

Papa Franġisku, fl-omelija fil-quddiesa ta’ dalgħodu, irrefera għall-festa ta’ San Ġwann Bosco, il-Fundatur tas-Salezjani – festa li qed niccelebraw illum – u qal li dan kien qaddis ferrieħi. Kien jara l-ħajja bl-għajnejn ta’ Alla u ta’ bniedem flimkien, u kien jaqdi l-ħidma pastorali bil-ferħ.

Kultant jista’ jiġrilna li nintrikbu mill-għeja, mill-qtigħ ta’ qalb, mill-isfiduċja.

“Waħda mill-iżjed tentazzjonijiet serji li jifgaw il-ħeġġa u l-kuraġġ huwa meta nħossuna mirbuħin, sens li jibdilna f’persuni pessimisti b’wiċċhom imkemmex li dejjem imdejqin u qalbhom maqtugħa…Anke jekk bl-għarfien tad-dgħufijiet tagħna li jnikktuna, jeħtieġ nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr ma nagħtu ruħna b’mirbuħa, u niftakru f’dak li qal il-Mulej lil San Pawl: ‘Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.’ (2 Kor 12:9)

Irridu niftakru li fil-ħidma tagħna, hu Alla l-protagonist assolut. Qegħdin f’ħidma li hi tiegħu, u dan jagħmlilna ħafna kuraġġ. Meta l-affarijiet jidhrilna li sejrin tajjeb, xejn ma jitlgħalna għal rasna; meta niltaqgħu ma’ dak li jidher falliment, nistudjaw sew ir-raġunijiet għal dan imma qatt ma naqgħu fi dwejjaq jew qtigħ ta’ qalb. Il-Mulej jagħtina l-ferħ f’qalbna li ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ madwar. Nilqgħuh bi gratitudni u nagħmlu minnu motiv ta’ tifħir, ta’ barka u ta’ serenità.

 Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading