Marija, Omm il-Preżenza


Is-Sibt 9 ta’ Marzu 2019: Messaġġ lis-saċerdoti mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fi tmiem l-Eżerċizzi spiritwali tar-Randan fis-Sala tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.
2019-03-09-ezercizzi-kleru-randan.jpeg

MARIJA OMM IL-PREŻENZA

Jekk f’din is-Sena Marjana nista’ nesprimi xewqa għalikom, ħuti fis-saċerdozju, din hija li fil-kamra tas-sodda tpoġġu xbieha tal-Madonna; fil-kamra tas-sodda daħħlu lil din il-Mara. Jekk, kif jgħidu l-Franċiżi, fejn hemm id-delitt, cherchez la femme, jien nemmen li fejn hemm presbiteru li jkun mexa ’l quddiem fil-ħajja tal-qdusija, bilfors li jkun hemm mara fil-ħajja tiegħu – Marija ta’ Nazaret.

Imbagħad illum ftakart fl-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, saċerdot mill-presbiterju djoċesan tagħna li kellu ħajja u episkopat imżewqa mhux ħażin. Niftakar li fil-lejl qabel ma miet, konna ħdejn is-sodda tal-mewt tiegħu. Fuq rasu, imdendel mal-ħajt, kien hemm xbieha tal-Madonna “Għawdxija”. Kien ilu nieqes minn Għawdex, imma fuq is-sodda tiegħu kellu dan “ir-ritratt” ta’ Ommu Marija! Dan mhux sentimentaliżmu, imma twemmin: Ġużeppi ħa lil Marija għandu.

Għandna f’idejna l-Ittra Pastorali tar-Randan. Nixtieq li din tkun il-leitmotif għal dan ir-Randan. Is-sugu ta’ din l-Ittra niġbru fil-kliem li Ġesù minn fuq is-salib qal lil Ġwanni waqt li wrieh lil Marija: “Din hi Ommok” (ara Ġw 19:26-27), u Ġwanni ħadha miegħu fid-dar tiegħu. Din il-proposta li qegħdin nagħmlu lill-poplu tagħna tgħodd ukoll għalina l-presbiteri. Nieħdu magħna lil Marija d-dar. Mhux biss għax Marija hija dik il-mara-omm li tgħallimna biex inżewqu l-paternità mal-maternità fil-ministeru tagħna, imma wkoll għax Marija twassalna għand Kristu – anki lilna l-presbiteri. Għaliex aħna nistgħu nkunu ministri ta’ Kristu mingħajr ma jkollna lil Kristu f’ħajjitna. Aħna wkoll għandna bżonn inġeddu l-laqgħa personali tagħna ma’ Ġesù.

Qegħdin nibagħtu dan il-messaġġ għax, b’idejna fuq il-polz tas-soċjetà tagħna, nistgħu ngħidu li għandna soċjetà reliġjuża imma li ftit li xejn taf lil Ġesù. Huwa għalhekk li r-riflessjoni li noffru fl-Ittra Pastorali tiffoka fuq “id-dar”. Għax fid-dar tagħna jintisġu stejjer sbieħ u oħrajn inqas sbieħ, anki fid-dar tagħna l-presbiteri u fil-presbiteria tagħna. Għalhekk nixtiequ li nħallu lil Kristu jidħol u jpoġġi madwar il-mejda fid-djar. Imma qabel ma Ġesù jidħol fid-dar tal-ġebel, jeħtieġ li jidħol fina personali. Biex Ġesù jagħmel triqtu fid-dar, nirrikorru għand Marija, għax fejn hemm hi, ikun hemm Ġesù.

Marija u Ġesù kif ser jaslu fid-djar tan-nies? Huma jaslu jekk aħna s-saċerdoti nkunu preżenti fid-djar tan-nies tagħna. Sirt naf li hawn tliet skejjel tal-Knisja fejn meta jkunu ser jilqgħu studenti għall-ewwel darba, il-kapijiet imorru d-dar tagħhom biex jiltaqgħu mal-familja. Din il-prassi, li ta’ min ifaħħarha, titfa’ dawl fuq il-pastorali familjari tagħna: kif kap ta’ skola jara l-ħtieġa li, qabel jilqa’ student ġdid fil-komunità skolastika tiegħu, huwa jsir jaf lill-familja u jkun qrib tagħha, hekk aħna l-presbiteri għandna nfittxu li nkunu nafu l-familji fi ħdan il-komunità ekkleżjali tagħna. Ħasra li ħafna drabi ż-żjajjar lill-familji huma meqjusa bħala xi ħaġa esklussiva tal-kappillan!

Nissuġġerixxi li f’din is-Sena Marjana lkoll kemm aħna nippruvaw nassumu dan l-atteġġjament ta’ missjonarjetà u nintensifikaw din l-azzjoni pastorali taż-żjajjar fid-djar – hekk inkunu dawk li nintroduċu li Marija u lil Ġesù li jridu jaslu għand il-familji tagħna. Huma ħafna li jitolbu s-sagramenti, imma msieken ikunu sajmin dwar xi tfisser il-ħajja sagramentali – li s-sagramenti huma azzjoni ta’ Kristu li jqassam il-grazzji u jibnu l-komunità ekkleżjali. Il-konsegwenza ta’ dan hija li ħafna drabi niċċelebraw is-sagramenti fil-vojt!

Intennilkom dak li ftit ilu għidt lil wieħed mill-kappillani: huwa tajjeb li aħna nxandru l-Bxara t-tajba minn fuq l-altar, imma xejn ma jiżboq dak li ngħidu fil-widnejn u fl-intimità tad-dar. Ħa nkunu aktar preżenti fil-ħajja tan-nies. Kif ngħidu fl-Ittra Pastorali, aħna ma għandniex soluzzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew politiċi – fl-aħħar mill-aħħar mhix kompetenza tagħna li noffru dawn is-soluzzjonijiet; imma għandna dak li San Pietru jgħid lill-magħtub: “F’isem Ġesù, imxi” (ara Atti 3:6). Proprju għax laqa’ l-kelma, dak qam u mexa. Għeżież saċerdoti, f’idejna għandna d-deheb. Ma nħalluhx jintrema. B’aktar ħidma flimkien, anki f’kollaborazzjoni mal-lajċi, nistgħu nkattru l-ġid li qed isir.

Apprezzajt il-preżenza numeruża tagħkom għal dawn it-tlett ijem ta’ eżerċizzi. B’din l-inizjattiva ppruvajna nilħqu żewġ għanijiet: l-ewwel nett biex aħna s-saċerdoti stajna nistrieħu ftit fil-Mulej; imma kellna wkoll l-opportunità li tnejn mit-tim tat-tliet saċerdoti li ħejjew l-iskemi tal-prietki tal-Eżerċizzi tar-Randan, setgħu jikkomunikawhomlna b’kelma ħajja. Għamilna dan l-eżerċizzju biex issa aħna nagħmlu relay tagħhom fil-predikazzjoni matul ir-Randan. Din hija għajnuna biex f’dan iż-żmien ta’ grazzja, fejn hemm stennija għal kelma bis-sens, aħna nwasslu l-Bxara t-tajba msejsa fuq l-eperjenza ta’ Marija, Omm Ġesù. Minn qalbi nerġa’ nappella biex fil-predikazzjoni tal-Eżerċizzi nużaw l-iskemi mħejjija. Din hija x-xewqa tal-Knisja f’Għawdex biex inkomplu għaddejjin bil-momentum tas-Sena Marjana.

Nagħlaq b’żewġ osservazzjonijiet ta’ natura parenetika:

(1) In-nies għandha fiduċja fina s-saċerdoti tant li mhux biss tafdalna t-talb b’suffraġju għall-erwieħ, imma bl-elemożina taħseb għas-sosteniment tagħna. Din l-elemożina ġġorr magħha obbligu spiritwali, morali u naturali. Huwa dmir tagħna li b’responsabbiltà u skrupoliżità nonoraw dan l-impenn. Importanti li jkollna r-Reġistri tal-Quddies u dawn ikunu ordnati.

(2) Lilna l-Knisja fdatilna ministeru serju ħafna: li ngħinu fil-formazzjoni tal-kuxjenzi, partikularment fil-predikazzjoni, il-counselling, imma l-aktar waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-Qrar. Kif għidt aktar ’il fuq, dak li ngħidu fil-widnejn jinċidi aktar minn kull paniġierku (suppost ma għadniex nagħmlu paniġierċi!). Aħna konxji mit-toqol ta’ din ir-responsabbiltà li qed tafdalna l-Knisja, għax jekk frott dak li ngħidu l-bniedem jitla’ b’kuxjenza żbaljata, aħna rridu nwieġbu għal dan quddiem Alla. Il-kapitelli jagħlqu ħafna stejjer, imma hemm il-laqgħa definittiva quddiem Alla fejn wieħed minna jrid jagħti rendikont ta’ għemilu. Dan kollu jgħidilna li għandna nfittxu l-formazzjoni kontinwata bħalma joffru l-laqgħat ta’ kull xahar li nagħmlu dwar il-każijiet morali (meta niltaqgħu biex niddiskutu sitwazzjoni partikulari u noffru soluzzjoni morali). Is-saċerdoti li ma jattendux għal dawn il-każijiet morali għandhom deficit fil-formazzjoni, u hija responsabbiltà tiegħi li nfittex alternattivi li jgħinuna ħalli jiġi evitat li neżerċitaw il-ministeru tagħna b’dannu lill-persuni li jitolbuna ngħinuhom.

Nagħlaq billi nirrakkomanda li nsejħu spiss lil Marija bit-titlu li ftit ilu taha l-Papa Franġisku: Madonna delle vicinanza. Dan it-titlu jfakkarna li Marija, Omm is-Saċerdot, hija dejjem qrib tagħna; ifakkarna wkoll li bil-ministeru tagħna aħna ma nistgħux ma nkunux qrib in-nies; fuq kollox ifakkarna li l-post ta’ Marija huwa li tkun qrib in-nies biex tkun preżenti fil-ħajja tagħhom.