Ġesu’ jżarmana u jarmana


Is-Sibt, 6 ta’ April 2019: Omelija tal-Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fis-sittin anniversarju tal-Ordinazzjoni presbite rali tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

ĠESÙ JŻARMANA U JARMANA

Kristu jgħaġġibni kemm huwa kapaċi jżarma lill-bniedem. Il-kittieba u l-Fariżej b’dagħdigħa fuqhom kienu lesti b’ġebla f’idejhom biex igarawha fuq il-mara li nqabdet fl-adulterju. Barra minn hekk, riedu jonsbu nassa biex jaqbdu lil Kristu u jkollhom fuq xiex jixluh. Imma Ġesù qalilhom biex min kien bla dnub jitfgħalha l-ewwel ġebla. Nistħajjel li dak il-ħin stess il-ġebel beda jaqa’ minn idejhom għax litteralment żarmahom. Kemm hu sew li wieħed ikun jaf lilu nnifsu u hekk jevita li jaħseb li jista’ jiġġudika, jikkundanna u jħaġġar (jekk mhux bil-ġebel, bil-kliem!) lill-proxxmu tiegħu.

Imma fil-Vanġelu (Ġw 8:12-20) Ġesù mhux dak li “jżarma” biss, imma huwa wkoll dak li “jarma” lill-mara li nqabdet fl-adulterju. Il-fatt li ma jsejħilhiex adultera juri li Ġesù ma jidentifikax il-bniedem mal-iżball. Imma ma nistax nifhem kif Ġesù jgħid lil din il-mara: “Mur u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”. Mela mhux kull bniedem huwa dgħajjef, jiżbalja u jidneb? Jekk il-bniedem ġust jonqos seba’ darbiet kuljum, Kristu kif jasal biex lil din il-proxxmu jgħidilha “mur u tidnibx aktar”? X’ġara fil-ħajja ta’ din il-mara li għamilha daqhekk sħiħa?

Kollox jagħmel sens meta nżommu quddiem għajnejna li din il-mara ltaqgħet ma’ Kristu u emmnet fih! Dak il-ħin fiha seħħet xi ħaġa irriversibbli: saret taf lil dak li huwa l-Feddej tagħha; saret taf li għandu difett: mhux kapaċi jikkundanna.

Min verament jiltaqa’ ma’ Ġesù jkollu fih qawwa li tħarsu milli jidneb. Għax min jinħataf minn Ġesù jkun jista’ jgħid bħal Pawlu: “Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu” (Fil 3:8-9). Dan il-kliem inpoġġih fuq fomm il-mara li żbaljat. Fi Kristu hija sabet il-qawwa biex titfa’ l-imgħoddi wara spallejha, terġa’ tqum fuq riġlejha u tiftaħ triq ġdida kollha tama.

Mhux suppost li huwa diffiċli nifhmu dak li ġarrbet din il-mara, għax aħna familjari ma’ Kristu. Imma huwa fatt li mhux kull min għandu għarfien ta’ Kristu jsib ruħu żarmat! Il-kittieba u l-Fariżej ukoll kienu jitlajjaw ma’ Kristu u jisimgħuh jitkellem, imma dik il-laqgħa mal-Mulej ma għamlet ebda differenza f’ħajjithom. Huma marru lura bi dnubiethom; huma ntebħu li ma setgħux jitfgħu l-ġebel lill-adultera, għax huma wkoll kellhom xi jxommu taħt dirgħajhom. Imma dan l-impatt ta’ din il-laqgħa ma’ Kristu kien daqshekk qawwi fuq din il-mara li hi ħassitha qed titwieled mill-ġdid.

Jekk niġi mistoqsi xi bżonn urġenti naħseb li għandha bżonn il-Knisja lokali llum, ngħid li neħtieġu niltaqgħu ma’ Kristu. Issa li dalwaqt ser nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa, li xi wħud jipprofanawha għax jirrenduha ġimgħa tat-teatrini, wieħed mill-kappillani tagħna kiteb li f’dawn il-jiem għandna bżonn nilbsu lil Kristu u ta’ Kristu! Din hija l-isfida tagħna.

Illum qegħdin nagħmlu din l-Ewkaristija b’radd il-ħajr lil Alla għax sittin sena ilu tana saċerdot twajjeb, Dun Mikiel Attard, li bħalissa għaddej stħarriġ dwar il-qdusija tiegħu. It-Tribunal tal-Knisja wasal biex dalwaqt jikkonkludi l-fażi djoċesana ta’ dan l-istħarriġ. Il-fatt li s-saċerdoti tagħna ressquli din it-talba biex nibda dan il-proċess għall-beatifikazzjoni u l-kanonizzazjoni ta’ Dun Mikiel diġà huwa motiv biex irroddu ħajr lil Alla. Fid-djoċesi tagħna għandna diversi saċerdoti li huma kanonizzabbli, imma Dun Mikiel huwa l-ewlieni.

Dan il-Qaddej ta’ Alla ħaddem il-ministeru saċerdotali tiegħu biex iressaq lill-bnedmin għand Ġesù. Dun Mikiel kien iżarmak u jarmak fl-istess waqt. Ma kienx it-tip li jżarma lil xi ħadd biex jumiljah; imma kien iżarmana biex jarmana spiritwalment. Lil Dun Mikiel nafuh għax kien id-direttur spiritwali tagħna fis-snin tas-Seminarju. Bħal ħafna oħrajn nikkonfermaw li dan is-saċerdot kien jipprova jlaqqagħna ma’ Kristu għax hu stess kien jaf xi tfisser il-qawwa ta’ din il-laqgħa. Min kien ikun miegħu, kien jiddakkar b’din il-qdusija.

Dun Mikiel ipprova jlaqqa’ ma’ Ġesù mhux biss lill-individwi imma wkoll lis-soċjetà tagħna. Dan l-aħħar kont qed inqalleb xi kitbiet tiegħu li dehru fil-ġurnal Il-Ħajja u nnutajt li hu jistqarr bi kliem ċar li r-raġuni għaliex kien iħoss li għandu jikteb kienet waħda purament spiritwali. Ħafna drabi kien jikteb għax kien ikun iħossu ispirat mill-Kelma ta’ Alla!

Dun Mikiel kien iħobb juża l-frażi “it is costly either way”. F’ittra li darba kiteb lill-editur tal-ġurnal Il-Ħajja, filwaqt li ttraduċa din il-frażi bil-kliem “kemm jekk trid tgħix ta’ Nisrani, kemm jekk le, tiġik biz-zalza”, Dun Mikiel kompla jgħid hekk: “Fil-ħajja aħna ma nagħmlux ħaġa oħra għajr żewġ għamliet ta’ ċaħda tagħna nfusna – jew nixtru t-trab bil-ġawhar tagħna jew il-ġawhar bit-trab tagħna. Hemm daqshekk ċaħda marbuta mal-għażla ta’ ħajja mingħajr rażan, liġi jew rispett lejn il-valuri morali daqskemm fl-għażla ta’ ħajja tabilħaqq Nisranija. M’għandniex xi ngħidu, min jagħżel li jimxi tabilħaqq u tassew wara Kristu jkollu jħallas b’dawk li huma: ċaħda, fedeltà u għotja għamja tiegħu nnifsu. Imma bniedem żieni li jagħżel ħajja bla ebda lġiem ikollu wkoll iħallas qares b’dawk li huma mistħija minnu nnifsu, tingiż ta’ ħtija u baħħ ta’ ħajja. Kristu sejħilna sabiex niċħdu lilna nfusna u nimxu warajh, imma din iċ-ċaħda hija bil-wisq inqas minn dik li niċħdu lilna nfusna jekk ma nimxux warajh. Hu jitfgħalna din l-isfida: agħżel liema trid, imma ħallas” (5 ta’ Mejju 1983).

Nemmen li Dun Mikiel jista’ jkun ta’ ispirazzjoni għalina lkoll, saċerdoti, ikkonsagrati u lajċi. Dun Mikiel kien devot kbir tal-Madonna Ta’ Pinu. Kellu x-xewqa li f’rabta ma’ dan is-Santwarju jwaqqaf monasteru u sejjaħ lilu nnifsu “monaku”. Għalhekk nitolbu bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu biex il-virtujiet u l-erojċità ta’ dan is-saċerdot ikunu magħrufa. Illum ukoll Dun Mikiel jista’ jgħinna niltaqgħu ma’ Ġesù li jżarmana u jarmana.