Vanġelu (Lq 22, 14-56): Fir-rakkont tal-Passjoni, l-Evanġelisti jagħmlu enfasi li din hi passjoni ta’ mħabba l-aktar kbira. B’hekk il-qarrej jinvolvi ruħu fl-istorja. F’kull Vanġelu nsibu xi fatti li ma nsibuhomx fl-oħrajn.
- Fl-aħħar ċena, f’Luqa biss insibu l-kliem: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” i.e. “Il-qofol ta’ ħajti kollha hu dan: jien sirt ħobż għall-bnedmin biex ikunu jistgħu isostnu ħajjithom. Jien sirt disponibbli. Intom issa għamlu bħali: siru ħobż għal ħutkom. Hekk biss l-Ewkaristija tagħmel sens.” Min jitqarben illum jiħtieġ jagħmel hekk ukoll: imantni lill-għajru kull ħin.
- “Inqalgħet kustjoni fuq min kien l-akbar.” Ix-xewqa biex tkun kbir hi f’qalb kull bniedem. Imma hemm dik li tiksibha bi kriterji tal-bnedmin (tisraq, tgħaffeġ fuq l-oħrajn…) u hemm l-oħra bil-kriterji ta’ Ġesu’, i.e. tkun seftur ta’ kulħadd u tfittex l-aħħar post. Luqa jpoġġi dil-kustjoni eżatt wara t-twaqqif tal-Ewkaristija biex juri li l-iktar ħaġa mportanti li Ġesu’ jridna ngħixu hi din: li nkunu servi tal-oħrajn. Dan hu t-testment li ħallielna Ġesu’.
- “Itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib.” Ġesu’ jinsisti fuq it-talb u Hu jitlob ukoll. Id-dixxipli kienu f’periklu li ma jagħżlux l-aħħar post. Kellhom bżonn it-talb, i.e. li jgħaqqdu r-rieda tagħhom mal-proposta ta’ Ġesu’. Ġesu’ wkoll kellu jikkumbatti: “Warrab minni dal-kalċi.” Imma bit-talb rebaħ it-tiġrib. L-anġlu li wettqu, i.e. tah il-forza, m’huwiex dik il-ħlejqa li nimmaġinaw bil-ġwienaħ, imma dik l-illuminazzjoni li Alla jirrivela lil min jitlob intimament. Ġesu’ se jagħti ħajtu bħala rigal. Bit-talb għaraf li dan mhux falliment imma bidu ta’ dinja ġdida. B’talb bħal dan aħna naslu biex naċċettaw did-dinja u niċħdu l-proposti tax-xitan. F’Luqa nsibu tliet elementi partikulari: (i) L-agunija: wara li twettaq mill-anġlu, Ġesu’ għereq għaraq tad-demm. It-tiġrib li kellu fid-deżert issa reġgħu ġew u kellu jikkumbatti magħhom b’qawwa akbar, għax wasal għas-si u n-no li se jwasslu għaċ-ċarċir tad-demm. Xi wħud jgħaddu minn battalja simili meta jiġu biex jaħfru xi offiża kbira. Jerbħu biss bit-talb. (ii) L-għaraq tad-demm kien riżultat ta’ dit-taqbida. Hu kien jaf li Hu aktar qawwi mis-sefsif tax-xitan. (iii) Skont Luqa, Ġesu’ ma jlumx id-dixxipli għax raqdu jew għax imbagħad ħarbu. Anzi Luqa jgħid li fuq il-Kalvarju kienu qed isegwu kollox mill-bogħod. Raqdu “mħabba s-swied il-qalb”, i.e. jiskuża d-dgħufija tagħhom. Aħna mitlubin niskużaw id-debbolizzi u l-waqgħat ta’ ħutna, mhux inġegħluhom jistħu.
- “Mgħallem tridx nagħtu bis-sejf?” Fil-konfużjoni li nqalgħet ma stennewx tweġiba u qabdu jagħtu. Ġesu’ waqqafhom: “Biżżejjed! Il-vjolenza ma tirbħuhiex bil-vjolenza.” Biex itihom eżempju, fejjaq widnet il-midrub (tinstab biss f’Luqa), i.e. iridu jagħmlu l-ġid lil min kien se jagħmlilhom id-deni. In-Nisrani m’għandu jsejjaħ lil ħadd għadu, imma forsi rival, għax dan jixtieq ħwejjeġ il-kontra tad-dixxiplu. Dawn ir-rivali ma nistgħux nobogħduhom jew nużaw il-vjolenza fuqhom, imma nħobbuhom biex forsi nirbħuhom u nibdluhom f’aħwa.
- Pietru jistqarr: “Anqas biss nafu.” Luqa biss jikteb li “l-Mulej dar u ħares lejh.” Din ma kinitx ċanfira, imma biha Ġesu’ ried jgħid: “Naf kemm tħobbni biex issugrajt tiġi s’hawn, avolja mbagħad ma flaħtx tistqarr li inti dixxiplu Tiegħi.” Il-verb ħares użat hawn ifisser: “ħares fil-fond ta’ qalbu.”
- Luqa biss isemmi ‘l Erodi Antipa li Ġesu’ kien sejjaħ’volpi’ għax kien korrott għall-aħħar. (i) Erodi feraħ b’Ġesu’ għax ħaseb li se jgħaxxaq lill-mistednin tiegħu b’xi maġija; (ii) Ġesu’ jibqa’ sieket; (iii) Erodi qabad jinsultah u jċekknu quddiem kulħadd: “Qed nara li int ma tiswa għal xejn” – imma dan jgħodd biss skont il-kriterji ta’ Erodi; (iv) Erodi jispiċċa biex jinfaqa’ jiddieħak b’Ġesu’. Luqa jgħallimna li ħadd m’għandu jfittex lil Ġesu’ għall-mirakli biss. In-Nisrani għandu jfittex l-ewwel u qabel kollox id-dawl ġdid ta’ Kristu, u jaċċetta li jgħix ħajja ta’ servizz għall-oħrajn.
- Luqa biss isemmi n-nisa li mxew il-Kalvarju, jibku u jħabbtu sidirhom. “Tibkux lili imma lilkom, għax intom l-aktar li tbatu meta l-bnedmin jagħżlu l-ħażen. Kieku aktar nies jisimgħu mill-intwizzjonijiet tal-ommijiet, ikun hawn inqas inkwiet.”
- ‘Illum tkun miegħi il-Ġenna.” Mattew jikteb li ż-żewġ ħallelin insultaw lil Ġesu’. Luqa jgħid li wieħed biss. L-ieħor ċanfru u mbagħad talab lil Ġesu’ jiftakar fih. Hawn biss naraw il-kelma “Ġenna” fil-Vanġeli. Meta twieled Ġesu’, żaruh ir-rgħajja, l-iskart tas-soċjeta’. F’ħajtu daru miegħu pubblikani, prostituti u midinbin li kienu mżebilħa mill-“puri”. F’mewtu kien imdawwar minn żewġ kriminali. Ġesu’ ġie għal dawn kollha, u kif reġa’ lura għand il-Missier, ippreżentalu kriminal.
- Luqa biss jikteb” “Aħfrilhom…” Ma qalx hekk għar-Rumani imma għall-kapijiet Lhud li kienu responsabbli għal mewtu u qatt m’aċċettaw lilu jew it-tagħlim Tiegħu. Anna, Kajfa, l-iskribi u l-Fariżej “ma kinux jafu x’inhuma jagħmlu.” F’ħafna każi, min jidneb ma jirrejalizzax kemm ħsara jagħmel lilu nnifsu u lill-oħrajn. Kieku jkun jaf, ma jidnibx. Għalhekk illum Ġesu’ jgħallimna kif inħarsu bil-ħniena lejn il-midneb. Qatt m’għandna nixtiqulu deni jew kastig, anki meta nsofru offiżi u mewt ta’ xi għeżież tagħna. Xempju ta’ dan hu l-ewwel martri Stiefnu: “Mulej, tgħoddulhomx bħala dnub.” Dan hu d-dixxiplu ġenwin li jġib ruħu bħall-Imgħallem tiegħu. “Hu li ma kien għamel ebda dnub… meta għajjruh, ma weġibx bit-tgħajjir, meta bata ma heddidx” (1 Pietru 2, 22).
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini