L-EWKARISTIJA U L-ĦAJJA TA’ DEJJEM


19. Il-Ħamis wara t-Tielet Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Jiena hu l-ħobż ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem (Ġw 6, 51).

Il-bieraħ bdejna nitkellmu dwar il-ħtieġa tal-Ewkaristija bħala rahan tal-ħajja ta’ dejjem. Illum nixtieq li nkomplu nitkellmu fuq dan is-suġġett.

Mill-esperjenza naraw li l-ġisem tagħna jeħtieġ l-ikel. Infatti jekk xi ħadd ma jikolx saħħtu tibda tħallih. U jgħix kemm jgħix il-bniedem fl-aħħar irid imut ukoll. Dan eżattament ġara lil dawk li kielu l-manna fid-deżert kif jgħidilna Ġesù stess: “Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert u mietu; dan hu l-ħobż li niżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx” (Ġw 6, 49-50). Iżda l-Ewkaristija hija l-ikel li jmantnina għall-ħajja ta’ dejjem.

Forsi ftit li xejn inħossu l-preżenza ta’ Ġesù xħin nitqarbnu. Dan ma jfissirx li qegħdin nitqarbnu ħażin peress li l-Ewkaristija hija ikel spiritwali u mhux ikel ordinarju. Iżda jekk nitqarbnu fil-grazzja ta’ Alla xorta waħda nkunu qegħdin napprofittaw mill-ħajja spiritwali. L-esperjenza turina li meta nieklu, apparti l-gost sensibbli, li huwa xi ħaġa naturali, ftit li xejn naraw l-effett tal-ikel. Iżda jekk ma niklux għal ftit żmien saħħitna tmur lura u nimirdu. L-istess jiġri fil-ħajja spiritwali. Jekk ma nitqarbnux nibdew nibirdu u l-ħajja spiritwali tibda tmur lura. Fil-ħajja spiritwali jekk ma mmorux ‘il quddiem immorru lura, u hija l-Ewkaristija li ssaħħaħna u żżommna fil-mixja tagħna lejn is-Sema pajjiżna.

F’dan il-kapitlu VI ta’ San Ġwann, Ġesù jgħidilna li huwa niżel mis-sema bħal ma waqgħet il-manna mis-sema; huwa l-ikel tal-ħajja ta’ dejjem; u kif huwa sejjer għand il-Missier, hekk ukoll l-Ewkaristija li hija l-ġisem u d-demm tiegħu teħodna lejn is-sema. Ġesù stess jerġa’ jgħidilna: “Dan hu l-ħobż li niżel mis-sema; mhux bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol minn dal-ħobż jibqa’ ħaj għal dejjem” (Ġw 6, 58).