L-Insara namrati tal-Liġi t’Alla, imma qatt rashom iebsa


Il-Ġimgħa, 10 ta’ Mejju 2019: Il-konverżjoni ta’ Sawlu ta’ Tarsu fit-triq lejn Damasku fejn sejjaħlu l-Mulej, hi paġna ġdida fl-istorja tas-salvazzjoni. Tfisser il-ftuħ lejn il-pagani, il-ġentili, u kull min ma kienx Lhudi. Fi kliem ieħor kien il-bieb li nfetaħ għall-universalità tal-Knisja. Il-Papa Franġisku għamel din l-osservazzjoni fl-omelija hu u jikkummenta l-pass magħruf tal-Atti tal-Appostli li jirriżulta mill-għażla ta’ Ġesù li ried jibdel il-ħajja ta’ bniedem li sa dak il-ħin kien jippersegwita lill-insara.

L-omelija kienet dwar il-figura tal-Appostlu tal-Ġnus li, għama, baqa’ f’Damasku għat tliet ijiem bla ma jiekol u jixrob sakemm il-mibgħut tal-Mulej, Ananija, tah lura d-dawl u miegħu l-possibiltà li jibda’ mixja ta’ konverżjoni u predikazzjoni “mimli bl-Ispirtu s-Santu”.

Minn dan il-pass il-Papa silet żewġ attitudnijiet indirizzati lejn grupp ta’ sorijiet mill-Cottolengo li kienu preżenti f’għeluq il-ħamsin sena ta’ ħajja reliġjuża u xi saċerdoti Eritrej li jaħdmu fl-Italja.

Pawlu kien bniedem ta’ rieda qawwija, namrat tal-Liġi t’Alla, mas-safa tal-liġi, imma kien onest, u minkejja li kellu karattru goff, kien koerenti.

Kien koerenti għax kien miftuh għal Alla. Kien jippersegwita lill-insara għax kien konvint li dak kien ried Alla. Kien jixprunah iż-żelu li kellu għas-safa tad-dar ta’ Alla, għall-glorja t’Alla. Qalbu kienet miftuha għal-leħen ta’ Alla. U kien jirriskja u jibqa’ miexi. Karattertistika oħra tiegħu kienet id-doċilità, ma kienx rasu iebsa.

Forsi t-temperament tiegħu kien riġidu, imma mhux l-ispirtu tiegħu, iċċara l-Papa. Pawlu kien miftuh għas-suġġerimenti ta’ Alla. B’ħeġġa kbira kien jitfa’ l-ħabs u jolqtol lill-insara, imma ladarba sama’ leħen il-Mulej, sar qiesu tifel u ħalla lilu jmexxih.

Il-konvinzjonijiet kollha li kellu, siktu hu u jistenna leħen il-Mulej: “X’għandi nagħmel, Mulej?” U mar lejn Damasku, jiltaqa’ ma’ raġel ieħor doċli bħalu, li kkatekiżżah, għammdu, u hu aċċetta kollox qiesu tifel ċkejken. Imbagħad reġa’ ħa s-saħħa u x’jagħmel? Imur l-Għarabja biex jitlob, ma nafux għal kemm żmien.

Il-ftuh lejn il-leħen ta’ Alla hu doċilità. Huwa eżempju tal-ħajja tagħna u jien qed nieħu gost nitkellem dwar dan quddiem dawn is-sorijiet li qed jiċċelebraw il-ġublew tad-deheb tal-ħajja reliġjuża,qal Franġisku. Grazzi talli smajtu l-leħen ta’ Alla u grazzi talli kontu doċli.

Id-doċilità tas-sorijiet ta’ Cottolengo qanqlet fi Franġsiku t-tifkira tal-ewwel żjara tiegħu f’dik l-istruttura li fl-ispirtu ta’ San Ġużepp Benedittu Cottolengo, tilqa’ fiha persuni diżabbli. Irrakkonta kif qagħad idur is-swali bil-gwida ta’ soru bħal dawk li kien hemm preżenti fil-kappella f’Santa Marta li jqattgħu ħajjithom iduru bl-iskartati. Mingħajr il-perseveranza u d-doċilità tagħhom, ma kienux jaslu jagħmlu dak li għamlu, osserva l-Papa.

Il-perseveranza hi sinjal tal-Knisja. Illum, qal il-Papa Franġsiku, irrid irrodd ħajr lil tant irġiel u nisa kuraġġużi li jirriskjaw ħajjithom u jfittxu wkoll toroq ġodda fil-ħajja tal-Knisja. Imma, padre, dan mhux dnub? Le, mhux dnub. Ejjew infittxu toroq ġodda, dan ikun ta’ ġid għal kulħadd! Basta jkunu toroq tal-Mulej. Imma nibqgħu mexjin, nimxu ‘l quddiem bit-talb profond, b’dolċilità profonda, b’qalb miftuha għal-leħen ta’ Alla. B’hekk isir il-veru tibdil fil-Knisja, bis-saħħa ta’ persuni li jafu jitqabdu f’kull ċirkustanza żgħira jew kbira.

In-nisrani, temm jgħid il-Papa Franġisku, għandu jkun imżejjen “b’dil-kariżma taċ-ċkejken u l-kbir”, u għamel talba lil San Pawl li biha talab il-grazzja li nkunu doċli għal-leħen tal-Mulej u b’qalbna miftuha għall-Mulej: il-grazzja li ma nibżgħux nagħmlu affarijiet kbar, li nibqgħu mexjin ‘il quddiem, basta dak li nagħamlu, nagħmluh bid-delikatezza li nieħdu ħsieb ukoll l-affarijiet iż-żgħar.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.