20. Il-Ġimgħa wara t-Tielet Ħadd tal-Għid
Kitba ta’ Angelo Xuereb
Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih (Ġw 6, 56).
Dan huwa vers meħud mill-kapitlu VI ta’ San Ġwann li jittratta l-Ewkaristija, li dwarha tkellimna anke l-bieraħ. Inkomplu nirriflettu.
F’dan il-vers Kristu jagħmilhielna ċara kemm hija importanti l-Ewkaristija fil-ħajja tan-Nisrani. U proprju wieħed mill-effetti tal-Ewkaristija huwa l-għaqda ma’ Ġesù l-għaqda intima Tiegħu magħna.
Għan-Nisrani l-għaqda ma’ Kristu ma ssirx biss permezz tat-talb iżda wkoll billi nieklu ġismu u nixorbu demmu. U dan iseħħ meta aħna nitqarbnu. Meta nirċievu l-ostja, Kristu jiġi fina. L-ostja li hija l-ġisem u d-demm ta’ Kristu permezz tal-metaboliżmu uman issir parti minn ġisimna. San Ġwann Marija Vianney jesprimi dan il-ħsieb b’mod qawwi: “Meta nirċievu t-tqarbin imqaddes, id-Demm qaddis ta’ Ġesù Kristu jiġri realment fil-vini tagħna u ġismu jitħallat tassew ma’ ġisimna.”
Din l-għaqda ta’ natura spiritwali hija espressa b’mod ieħor minn San Ċirillu ta’ Lixandra b’dan il-mod: “Hekk kif żewġ biċċiet tax-xama’ xħin jinħallu f’ xulxin isiru ħaġa waħda, hekk ukoll, min jirċievi t-tqarbin imqaddes, tant jingħaqad ma’ Kristu, illi Kristu jidħol fih u huwa fi Kristu.”
Mingħajr it-tqarbin l-għaqda tagħna ma’ Kristu tiddgħajjef kif jgħidilna l-Beatu Téofane Vénard: “Meta l-ġisem joqgħod nieqes mill-ikel jinfena u jmut; l-istess jiġrilha r-ruħ, mingħajr il-Ħobż li jmantni lill-ħajja tagħha.”
Effetti oħra tal-Ewkaristija huma l-maħfra tad-dnubiet venjali u mediċina vera biex ma naqgħux fid-dnub fil-ġejjieni. Imma hemm effett speċjali ieħor li joħroġ speċjalment f’dawk li jfittxu ta’ spiss, anke ta’ kuljum, lil Ġesù Sagramentat fl-adorazzjoni. Dan hu l-grazzja tal-fedeltà sħiħa lejh u tal-maturità spiritwali. Anke viżta ta’ kwarta jew nofs siegħa kuljum quddiem Ġesù Sagramentat tagħmel bidla kbira fina u f’ħajjitna.