NIXBHU LIL ĠESÙ FIT-TBATIJA


26. Il-Ħamis wara r-Raba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, l-ilsir mhuwiex aqwa minn sidu, anqas l-appostlu mhu aqwa minn min jibagħtu (Ġw 13, 16).

Biex nifhmu sewwa din is-sentenza, inġibu quddiem għajnejna fiex kienet tikkonsisti l-ħajja ta’ Kristu.

Ġesù twieled fil-faqar fil-għar ta’ Betlem u miet fil-għera fuq is-salib. Ħajtu kienet kollha ddedikata lil Alla. Kien sinjal ta’ kontradizzjoni u għalhekk sofra bosta persekuzzjonijiet mill-Kittieba u l-Fariżej sakemm sallbuh fuq is-salib, iżda fit-tielet jum qam rebbieħ minn bejn l-imwiet.

Bħala Nsara rridu nimxu fuq il-passi ta’ Kristu għax huwa l-imgħallem u feddej tagħna. Bħal Kristu rridu nbatu. Veru li fis-soċjetà tal-lum sar progress fil-mediċina u ċerti kumditajiet, li għall-imgħoddi kienu xi ħaġa tas-sinjuri, illum saru xi ħaġa komuni għal ħafna. Ma hemm xejn ħażin li ngħixu stil ta’ ħajja li tixraq lill-bniedem.

Iżda jekk naħsbu li bil-progress sfrenat m’aħniex ser inbatu, nkunu qegħdin nitqarrqu. La Kristu ħa t-tbatija fuqu, aħna bħala segwaċi tiegħu, jkollna nbatu wkoll. U t-tbatija għandha valur kbir, għalkemm narawha kerha u nagħmlu minn kollox biex naħarbuha. Kieku t-tbatija ma għandhiex valur moħbi, kieku Kristu ma kienx ibati. Dan għalina jibqa’ misteru, iżda t-tbatija “bi Kristu, fi Kristu u ma’ Kristu” għandha valur kbir għal min tassew jemmen fi Kristu.

Difatti naraw li hemm dawk li jimirdu u jistgħu jbatu wkoll frott tal-bluha tagħhom. Iżda din mhix it-tbatija li jridna ngħaddu minnha Alla. Huwa jridna li nagħmlu ħilitna u naħarbu l-perikli u l-inkwiet bla bżonn u jrid li meta jibagħtilna xi salib, inġorruh bil-paċenzja. San Ġorġ Preca jgħidilna: “Fejn hija l-fiduċja tiegħek f’Alla, meta inti tgerger fuq id-dispożizzjonijiet tal-Providenza tiegħu?”